5.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/19


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2015 – Islamic Republic of Iran Shipping Lines a.o. vs Il-Kunsill

(Kawża T-434/15)

(2015/C 328/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Islamic Republic of Iran Shipping Lines (Tehran, l-Iran); Hafize Darya Shipping Lines (HDSL) (Tehran); Safiran Payam Darya Shipping Lines (SAPID) (Tehran); Khazar Sea Shipping Lines (Anzali Free Zone, l-Iran); Rahbaran Omid Darya Ship Management Co. (Tehran); Irinvestship Ltd (Londra, ir-Renju Unit); u IRISL Europe GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Taher, Solicitor, M. Malek, QC, u R. Blakeley, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrenti kumpens, f’ammont li għandu jiġi stabbilit matul din il-proċedura, iżda f’ammont ta’ mhux inqas minn USD 57 1 0 40  504, flimkien mal-interessi; u

tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, li jallega li l-impożizzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta’ miżuri restrittivi fuq ir-rikorrenti kienet ksur suffiċjentement serju ta’ obbligi initiżi sabiex jagħtu drittijiet lir-rikorrenti u għaldaqstant ġiet stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-ksur kien il-kawża diretta ta’ danni materjali u mhux materjali sinjifikattivi lir-rikorrenti li għalihom huma intitolati jiġu kkumpensati.