21.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/50


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2015 – NeXovation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-353/15)

(2015/C 311/55)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: NeXovation, Inc. (Hendersonville, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: A. von Bergwelt, F. Henkel u M. Nordmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2014) 3634 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2014 (fil-forma tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni tat-13 ta’ April 2015) dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 implementata mill-Ġermanja għal Nürburgring, sa fejn:

din tiddeċiedi li l-bejgħ ta’ assi ta’ Nürburgring GmbH, Motorsport Resort Nürburgring GmbH u Congress- und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat kif stabbilit fl-ewwel punt fil-lista tal-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata;

din tiddeċiedi li l-bejgħ ta’ assi ta’ Nürburgring GmbH, Motorsport Resort Nürburgring GmbH u Congress- und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH ma jwassalx għal kontinwità ekonomika bejn Nürburgring GmbH, Motorsport Resort Nürburgring GmbH u Congress- und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH u Capricorn NÜRBURGRING Besitzgesellschaft GmbH, is-sid il-ġdid tal-assi, jew is-sussidjarji tagħha kif stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni punt fil-lista tal-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata;

b’hekk din tiddeċiedi li kull irkupru potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli ma tkunx tikkonċerna lil Capricorn NÜRBURGRING Besitzgesellschaft GmbH, ix-xerrej tal-assi mibjugħa wara l-proċess ta’ sejħa għal offerti, jew is-sussidjarji tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif stabbilit fit-tieni sentenza tat-tieni punt fil-lista tal-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 (b’emenda tat-13 ta’ April 2015) peress li din tiddeċiedi li l-bejgħ tal-assi tal-kumpless Nürburgring ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat, li l-bejgħ tal-assi ma jwassalx għal kontinwità finanzjarja/ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja tal-assi, u li l-irkupru potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli ma għandhiex tikkonċerna lix-xerrej tal-assi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:

1.

L-ewwel motiv, li jallega applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni ma fehmitx it-tifsira ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja bil-bejgħ lill-għola offerent u barra minn hekk naqset milli tinvestiga b’mod xieraq l-involviment tal-Istat fil-proċess tal-bejgħ;

2.

It-tieni motiv, li jallega applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE meta kkonkludiet li l-kuntratt ta’ kera temporanja tal-assi ta’ Nürburgring ma twassalx għal għajnuna mill-Istat u li l-bejjiegħa ma influwenzawx illeġittimament il-bejgħ ulterjuri tal-assi lil investitur Russu;

3.

It-tielet motiv, li jallega applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ kontinwità finanzjarja/ekonomika mill-Kummissjoni;

4.

Ir-raba’ motiv, li jallega nuqqas milli tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni;

5.

Il-ħames motiv, li jallega ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999;

6.

Is-sitt motiv, li jallega ksur tal-prinċipji ta’ investigazzjoni imparzjali u diliġenti mill-Kummissjoni;

7.

Is-seba’ motiv, li jallega applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 296(2) TFUE.