14.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/62


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2015 – Bank Tejarat vs Il-Kunsill

(Kawża T-346/15)

(2015/C 302/77)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Bank Tejarat (Tehran, l-Iran) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy, A. Meskarian, Solicitors, M. Brindle, QC, u R. Blakeley, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/556 tas-7 ta’ April 2015 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015 L 92, p. 101), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/549, tas-7 ta’ April 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015 L 92, p. 12) sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent;

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 266 TFEU

Il-miżuri kkontestati huma bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE peress li l-Kunsill naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-176/12.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ res judicata

Il-miżuri kkontestati jiksru l-prinċipji ta’ res judicata u/jew ta’ ċertezza legali u/jew ta’ finalità.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Il-promulgazzjoni tal-atti kkontestati tikser il-prinċipju ta’ effettività, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u d-drittijiet tar-rikorrent skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew skont l-Artikolu 6 u l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem billi jannullaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża T-176/12.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

Il-miżuri kkontestati jiksru d-dritt tar-rikorrent għal amministrazzjoni tajba, peress li r-rikorrent ma ġiex ittrattat imparzjalment jew kif jixraq mill-Kunsill.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għar-rispett għar-reputazzjoni u d-dritt għall-proprjetà:

Il-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet tar-rikorrent skont l-Artikoli 7 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew l-Artikolu 8 KEDB u l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u/jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq allegazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Il-Kunsill naqas milli jagħti raġunijiet adegwati għall-miżuri kkontestati u r-rikorrent ma setax iwieġeb sew għall-allegazzjoni tal-Kunsill.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

Il-kriterji sostantivi għan-nomina fi kwalunkwe każ ma ġewx issodisfati u l-Kunsill ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni bil-promulgazzjoni tal-miżuri kkontestati peress illi l-allegazzjonijiet fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet huma foloz u l-kriterji għan-nomina ma ġewx issodisfati.