7.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/75


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2015 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-316/15)

(2015/C 294/90)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-31 ta’ Marzu 2015 [innotifikata bin-Numru C(2015) 2230] dwar ir-rifjut li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali favur il-proġett maġġuri “Ħolqien ta’ servizzi innovattivi fiċ-Ċentru ta’ Servizzi Maqsuma IBM fi Wrocław” li jagħmel parti mill-programm operazzjonali “Ekonomija Innovattiva” li jaqa’ taħt l-għajnuna strutturali fil-kuntest tal-għan “Konverġenza fil-Polonja”;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (1) meta qieset li l-investimenti intiżi sabiex jinħolqu ċentri ta’ servizzi maqsuma, u b’mod partikolari sabiex isir użu minn speċjalisti tas-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni li jfasslu servizzi innovattivi, ma humiex “investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta’ impjiegi sostenibbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, ma jistgħux jiġu kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-regoli ta’ eliġibbiltà għall-kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali meta qieset li jistgħu jiġu kofinanzjati biss l-investimenti li għandhom “potenzjal ta’ innovazzjoni deċiżiv”, u motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-proġett, billi l-Kummissjoni kkunsidrat li dan tal-aħħar ma huwiex konformi mal-bażi prijoritarja tar-Raba’ Programm Operazzjonali “Ekonomija Innovattiva”, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ natura innovattiva tiegħu.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-proġett, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni għall-għoti tal-għajnuna pubblika, u motiv ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli ta’ eliġibbiltà għall-kofinanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, peress li l-Kummissjoni qieset li l-ħlas tad-dividendi skont il-modalitajiet previsti mill-proġett ixekkel l-eliġibbiltà għall-kofinanzjament.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 meta marret lil hinn b’mod manifest mit-terminu għall-eżami tal-proġett, billi bidlet l-approċċ matul dan l-eżami fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-investimenti fis-settur tas-servizzi u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Pollakki dwar in-natura innovattiva tal-proġett.


(1)  Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU L 210, p. 1).