3.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 254/20


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2015 – Nova vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-299/15)

(2015/C 254/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Nova Onlus Consorzio nazionale di cooperative sociali – Soc. coop. (Trani, l-Italja) (rappreżentanti: M. Astolfi, M. Petrucci, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

 

Prinċipalment

tikkonstata u tiddikjara li r-rikorrenti ssodisfat l-obbligi kuntrattwali tagħha kollha taħt il-Ftehim ta’ Sussidju Nru HOME/2011/PPRS/AG/2176 Nru Abac 30-CE-0495809/00-94 u, konsegwentement:

tiddikjara li hija intitolata żżomm is-somma ta’ EUR 80  242,78li rċeviet diġà fil-kuntest ta’ “pre-financing payment” u li bħal issa hija s-suġġett tan-nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea – Directorate General Migration and Home Office– Directorate E: Migration and Security Funds – Unit E2: Asylum, Migration and Integration Fund – HOME E2/FL/2015, ref. 1520007HOME E2/FL/2015, tal-1 ta’ April 2015, dwar is-suġġett “HOME/2011/PPRS/AG/2176 TORRE – Transnational Observatory for Refugee’s Resettlement in Europe no 3241503771”, maħruġa mill-konvenuta sabiex tirkupra din is-somma;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-bqija li jammonta għal EUR 52  146,36li għadhom dovuti bħala “final payment”, flimkien mal-interessi moratorji li għandhom jiġu kkalkolati sal-eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu II.16.3 tal-Ftehim ta’ Sussidju kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura.

 

Sussidjarjament

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Directorate General Migration and Home Affairs – Directorate E: Migration and Security Founds – Unit E2”: Asylum, Migration and Integration Fund – HOME E2/FL/2015, prot. 1520007 tal-1 ta’ April 2015, dwar is-suġġett “HOME/2011/PPRS/AG/2176 TORRE – Transnational Observatory for Refugee’s Resettlement in Europe – nota ta’ debitu Nru 3241503771” li għandha l-għan li tirkupra s-somma ta’ EUR 80  242,78kif ukoll kull att ieħor preċedenti, preparatorju jew ulterjuri;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-bqija li jammonta għas-somma ta’ EUR 52  146,36li għadha dovuta għall-eżekuzzjoni tal-Ftehim ta’ Sussidju Nru HOME/2011/PPRS/AG/2176 Abac 30-CE-0495809/00-94 bħala “final payment” flimkien mal-interessi moratorji li għandhom jiġu kkalkolati sal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu II.16.3 tal-Ftehim ta’ Sussidju kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ħlas tal-bqija u fuq il-ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu article II.15.4 tal-Ftehim ta’ Sussidju.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju mill-Kummissjoni fl-aġir tagħha, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, imparzjalità u ta’ newtralità tal-evalwatur indipendenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ evalwazzjoni oġġettiva tar-riżultat previsti fl-Anness I – LogFrame tal-Ftehim ta’ Sussidju, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti ta’ tnaqqis tal-bqija fis-sens tal-Artikolu II.17.5 tal-Ftehim ta’ Sussidju kif ukoll tal-limiti tal-penali previsti fl-Artikolu II.12.

Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha parti mir-responsabbiltà fil-fatt li r-riżultati ma ntlaħqux; hija ssostni l-arrikkament indebitu tal-Kummissjoni, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-għanijet tal-proġett, u fid-dawl tal-kontribut fattwali tal-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-forom proċedurali sostanzjali.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ġenerali tal-obbligi kuntrattwali.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-ksur tal-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża minħabba l-aġir tal-Kummissjoni waqt il-proċedura tal-awditu u ta’ rkupru u l-ksur tal-Artikolu 42(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi previsti fl-Artikolu II.14.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi għal dak li jikkonċerna l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mar-riżorsi umani u l-attivitajiet ta’ riċerka.