24.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/36


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2015 – Arbuzov vs Il-Kunsill

(Kawża T-221/15)

(2015/C 279/44)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Arbuzov (Kjev, l-Ukrajna) (rappreżentant: M. Machytková, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jirrimborsa lir-rikorrenti l-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, iggarantit bl-Artikolu 41(1) u (2)(a) u (ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) minħabba l-fatt li, fil-fehma tagħha, il-konvenut ma weriex id-diliġenza meħtieġa mingħandu li jeżamina bir-reqqa’ u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ tar-rikorrenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tagħha għall-proprjetà

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut kisier id-dritt għall-proprjetà ggarantit lir-rikorrenti permezz tal-Artikolu 17(1) tal-Karta u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, inkwantu, wara l-ksur tad-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, il-konvenut adotta l-atti kkontestati li jillimitaw id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti mingħajr raġuni legali u b’kuntrast mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.