27.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/32


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2015 – National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill

(Kawża T-207/15)

(2015/C 245/38)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: National Iranian Tanker Company (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: T. de la Mare, QC, M. Lester u J. Pobjoy, Barristers, R. Chandrasekera, S. Ashley u C. Murphy, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/236, tat-12 ta’ Frar 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 39, p. 18) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/230, tat-12 ta’ Frar 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 39, p. 3) sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tiddikjara li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif emendata u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament (UE) Nruo267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif emendat, huma inapplikabbli għar-rikorrenti peress li huma vvizzjati b’illegalità; u

tikkundnna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li, meta l-Kunsill irreġistra mill-ġdid lir-rikorrenti fuq il-listi abbażi tal-istess allegazzjonijiet fattwali li kienet ċaħdet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill (T-565/12, Ġabra, EU:T:2014:608, iktar il quddiem is-“sentenza NITC”), huwa kiser il-prinċipji ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ġudikat u kiser id-dritt tar-rikorrenti għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma osservax il-kriterji tar-reġistrazzjoni fuq il-listi, skont liema r-rikorrenti għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju jew għajnuna loġistika lill-Gvern Iranjan. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni tal-appoġġ finanzjarju fis-sentenza NITC. Ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda benefiċċju finanzjarju lill-Gvern Iranjan, u dan tal-aħħar ma jieħu l-ebda benefiċċju finanzjarju mir-rikorrenti, sew jekk permezz tal-azzjonisti tiegħu kif ukoll fi kwalunkwe manjiera oħra. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza NITC, appoġġ finanzjarju indirett ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa dan il-kriterju. L-allegazzjoni ta’ għajnuna loġistika hija biss klassifikazzjoni mill-ġdid tal-allegazzjonijiet li saru diġà fil-kawża NITC. Fi kwalunkwe każ, ir-rabta kawżali meħieġa bejn l-attivitajiet tar-rikorrenti u l-proliferazzjoni nukleari hija nieqsa u, fil-każ li r-rikorrenti tipprovdi għajnuna, l-iktar l-iktar tkun għajnuna loġistika indiretta.

3.

It-tielet motiv, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif ukoll id-dritt tagħha għall-amministrazzjoni tajba u għal rimedju ġudizzjarju effettiv. B’mod iktar partikolari, il-Kunsill ma a) informax lir-rikorrenti bil-motivi reali għar-reġistrazzjoni mill-ġdid tagħha fil-listi jew ma pprovdiex il-provi kontriha; u/jew b) ipprovdiex lir-rikorrenti bl-opportunità li ssostni l-opinjoni tagħha dwar il-motivi reali għar-reġistrazzjoni mill-ġdid u/jew il-provi kontriha qabel ir-reġistrazzjoni mill-ġdid tagħha fuq il-listi.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser, b’mod inġustifikat u sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħha għall-proprjetà, għal-libertà tal-intrapriża tagħha u għad-dritt tagħha ta’ protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha. L-atti kkontestati kellhom impatt kbir fuq ir-rikorrenti, għal dak li jirrigwarda kemm l-attivitajiet tagħha kif ukoll ir-reputazzjoni tagħha u n-negozju tagħha fid-dinja kollha. Ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fil-listi tista’ jkollha effett diżastruż fuq il-benefiċjarji tal-pensjonijiet tal-azzjonisti tar-rikorrenti, li huma kollha ċittadini Iranjani innoċenti, il-maġġoranza tagħhom pensjonati. Il-Kunsill la wera li l-iffriżar tal-assi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti huwa marbut ma’ għan leġittimu jew iġġustifikat minn tali għan, lanqas, a fortiori, li din il-miżura hija proporzjonata ma’ tali għan.

5.

Il-ħames motiv, invokat insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, huwa bbażat fuq il-fatt li, jekk, għal kuntrarju tal-argumenti li saru fit-tieni motiv, l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu a) appoġġ finanzjarju indirett u/jew b) għajnuna loġistika mingħajr relazzjoni mal-proliferazzjoni nukleari, dawn il-kriterji jkunu illegali u sproporzjonati mal-għanijiet tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nruo267/2012. L-iskop u l-portata arbitrarji tal-kriterji li jirriżultaw minn din l-interpretazzjoni iktar wiesgħa jkunu jmorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk illegali.