1.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 178/15


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Marzu 2015 – Fortischem vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-121/15)

(2015/C 178/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fortischem a.s. (Nováky, is-Slovakkja) (rappreżentanti: C. Arhold, P. Hodál u M. Staroň, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 1, 3 u 5 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33797 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implementata mis-Slovakkja favur NCHZ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Ir-rikorrenti tinvoka l-ksur, bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li l-Kummissjoni kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ dan l-artikolu l-miżura li tiddikkjara lill-kumpannija Novácke chemické závody, a.s. (iktar ’il quddiem “NCHZ”) bħala kumpannija strateġika fis-sens tal-liġi Slovakka tal-5 ta’ Novembru 2009 dwar ċerti miżuri li jikkonċernaw il-kumpanniji strateġiċi u li tibdel ċerti liġijiet oħra (iktar ’il quddiem il-“Liġi Slovakka”), peress li l-elementi kostituttivi tal-Artikolu 107(1) TFUE ma humiex kollha soddisfatti.

Ir-rikorrenti ssostni li din id-dikjarazzjoni ma wasslitx għat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, peress li ma kien hemm ebda oneru addizzjonali għall-Istat b’paragun mas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta kieku ġew applikati r-regoli ta’ insovabbiltà. Din il-miżura lanqas ma tat vantaġġ ekonomiku lil NCHZ, peress li, minn naħa, il-kredituri, fi kwalunkwe każ, għażlu li jkomplu l-attività u li l-projbizzjoni temporanja ta’ tkeċċijiet kient tibbenefika biss lill-Istat u mhux lill-kumpannija. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Liġi Slovakka kienet tissoddisfa l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, peress li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-kredituri pubbliċi.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki kieku l-Kummissjoni kellha raġun u l-applikazzjoni tal-Liġi Slovakka kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat favur NCHZ, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jsir eżami diliġenti u imparzjali

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, minn naħa, li tinforma lill-Gvern Slovakk bil-fatt li, skont hi, l-analiżi ex post li saret minnha ma kinitx biżżejjed fil-fond u, min-naħa l-oħra, li tindika liema informazzjoni jew preċiżazzjonijiet supplimentari kellhom jiġu pprovduti mill-Gvern Slovakk. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma talbitx informazzjoni li tikkonċerna ċ-ċifri definittivi qabel ma ħadet id-deċiżjoni tagħha ta’ rkupru.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-obbligu ta’ motivazzjoni I

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunament għalfejn, f’dan il-każ speċifiku, NCHZ ma kinitx tkompli l-attività tagħha fin-nuqqas tal-applikazzjoni tal-Liġi Slovakka, u lanqas ma rrispondiet għall-argumenti tal-Gvern Slovakk fir-rigward tal-interessi ekonomiċi tal-kredituri pubbliċi li titkompla l-attività.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 14(1) tar-Regoli ta’ Proċedura permezz tal-estensjoni tal-irkupru tal-għajnuna lir-rikorrenti

Ir-rikorrenti ssostni li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat favur tagħha, peress li l-prezz tal-bejgħ kien fir-rata tas-suq. Skont ir-rikorrenti, l-argumenti u d-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk il-prezzijiet imħallsa permezz ta’ Via Chem u, sussegwentement, minn Fortischem f’kontroparti għall-assi ta’ NCHZ li jirrappreżentaw prezzijiet tas-suq humiex ivvizzjati bi żball għal diversi raġunijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, peress li hija l-Kummissjoni li kellha l-oneru tal-prova, ma kienx biżżejjed li din tal-aħħar tesprimi dubji. Fit-tieni lok, peress li l-bejgħ twettaq fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ falliment taħt l-istħarriġ ta’ qorti tal-falliment bl-obbligu li taġixxi fl-interess tal-kredituri tal-kumpannija insolventi, hemm il-preżunzjoni li l-assi nbiegħu għall-ogħla prezz possibbli. Fit-tielet lok, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet miftuħa, trasparenti u inkondizzjonata u għalhekk kienet tiggarantixxi l-ogħla prezz li setgħa jinkiseb fuq is-suq; il-possibbiltà ta’ offerta b’obbligi ma kellha l-ebda impatt fuq il-prezz tal-bejgħ. Ir-raba’ nett, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ bejn Via Chem u Fortischem ma għandhom l-ebda relevanza peress li l-ewwel bejgħ sar fil-prezz tas-suq, il-prezz ta’ bejgħ innegozzjat bejn l-operaturi privati f’ekonomija tas-suq huwa mistenni li jkun prezz tas-suq anki fl-assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li huwa evidenti li t-trasferiment tal-assi ta’ NCHZ lil Via Chem u, sussegwentement, lir-rikorrenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tentattiv li tiġi evitata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-irkupru għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, il-każ huwa tant ’il bogħod minn każ klassiku ta’ fejn tkun qegħda tinħarab deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-irkupru li anki l-Kummissjoni stess tammetti li ma għandha l-ebda evidenza ta’ intenzjoni li jinħarab l-irkupru. It-tieni, hija madankollu tasal għall-konklużjoni li hemm kontinwità ekonomika, sabiex testendi l-irkupru fuq ir-rikorrenti. Madankollu, il-konklużjoni tal-Kummissjoni issegwi evalwazzjoni żbaljata ta’ kull kriterju, ma tieħux inkunsiderazzjoni l-oneru tal-prova u hija bbażata fuq idea żbaljata tal-kunċett globali ta’ kontinwità ekonomika fil-kawżi ta’ għajnuna mill-Istat.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa ekonomikament distruttiv u inutli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qegħda tipprova toħloq ġurisprudenza ġdida ħafna iktar stretta, fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tranżazzjoni għandu jikkostitwixxi l-kriterju determinanti, peress li l-prezz ta’ bejgħ huwa, l-iktar l-iktar, kriterju awżiljarju, jekk biss jiġi kkunsidrat bħala kriterju.

5.

Il-ħames motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1), tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 14(1) tar-Regoli ta’ Proċedura billi l-estensjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ma ġietx illimitata għal 60 % tal-għajnuna mill-Istat allegata.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni inadegwata dwar il-kontinwità ekonomika

Ir-rikorrenti ssostni li mill-osservazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija insuffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ twettaq stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata u li huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika.