11.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 155/31 |
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 – Dextro Energy vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-100/15)
(2015/C 155/37)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Dextro Energy GmbH & Co. KG (Krefeld, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Hagenmeyer u T. Teufer, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/8, tas-6 ta’ Jannar 2015, li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, minbarra dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 3, p. 6); |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 1924/2006 (1)
Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda raġuni li tista’ tiġġustifika ċ-ċaħda tal-ħames indikazzjonijiet minkejja li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel kienet wettqet ħames evalwazzjonijiet xjentifiċi pożittivi fir-rigward tagħhom. Il-ħames indikazzjonijiet la jmorru kontra prinċipji dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ġeneralment aċċettati u lanqas ma jagħtu messaġġ kontradittorju u li jista’ jwassal għal konfużjoni lill-utent finali; barra minn hekk, dawn l-indikazzjonijiet la huma ambigwi u lanqas ma huma qarrieqa.
It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ proporzjonalità
Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-opinjonijiet pożittivi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel fir-rigward tal-ħames indikazzjonijiet dwar is-saħħa tar-rikorrenti, il-projbizzjoni assoluta fir-rigward tar-reklamar ma hijiex proporzjonata.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta rrifjutat li tawtorizza indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma humiex ikkontestati xjentifikament, u dan minkejja li fil-passat awtorizzat indikazzjonijiet paragunabbli.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat ma jipprovdix motivazzjoni suffiċjenti sa fejn la jista’ jiġi identifikat b’mod ċar li l-konvenuta ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrenti u tal-pubbliku, u lanqas li l-konvenuta kienet eżaminat dawn l-argumenti hija stess.
(1) Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9; rettifika fil-ĠU L 12, p. 3).