27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/57


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2015 – Hippler vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-72/15)

(2015/C 138/74)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Eberhard Hippler (Dorsten, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Richter, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tipprojbixxi lill-konvenuta, taħt piena ta’ multa li għandha tiġi ffissata mill-Qorti Ġenerali għal kull ksur, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-mapep tan-netwerks tat-trasport ta’ “Bochum”, ta’ “Dortmund”, ta’ “Düsseldorf/Meerbusch”, ta’ “Duisburg” u ta’ “Essen” tar-rikorrent mingħajr il-kunsens tiegħu, kif sar fil-links segwenti:

http://dma.jrc.it/idas/lightrail/Dortmund.pdf

http://dma.jrc.it/idas/lightrail/Bochum.pdf

http://dma.jrc.it/idas/lightrail/Essen.pdf

http://dma.jrc.it/idas/lightrail/Duesseldorf.pdf kif ukoll

http://dma.jrc.it/idas/lightrail/Duisburg.pdf

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 10  100 bħala danni;

tikkundanna lill-konvenuta tirrimborsa lir-rikorrent l-ispejjeż prekontenzjużi tal-avukati li jammontaw għal EUR 2  743,43;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż tal-avukati.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE (1), kif ukoll ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 15 u 19 a tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Urheberrechtsgesetz) u tal-Artikolu 97(2) tal-istess liġi (2).

Ir-rikorrent jallega li l-mapep tan-netwerks tat-trasport huma protetti mid-drittijiet tal-awtur bħala rappreżentazzjonijiet ta’ natura xjentika jew teknika. Ir-rikorrent fl-ebda mument ma awtorizza lill-konvenuta twettaq l-atti ta’ użu li hija għamlet u, b’mod partikolari, huwa ma taha ebda dritt ta’ użu. Il-konvenuta lanqas ma kisbet debitament id-drittijiet ta’ użu mingħajr terz. Billi użat il-mapep, il-konvenuta għamlithom aċċessibbli għall-pubbliku jew ikkomunikathom lill-pubbliku.

Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li sabiex jiġi evalwat id-dannu pekunarju li huwa ġarrab, għandu jsir użu minn kalkolu analogu għal dak tal-liċenzji. Ir-rikorrent huwa intitolat għall-ħlas ta’ liċenzja adegwata. Fis-suq Ġermaniż, kif ukoll mill-qrati Ġermaniżi, liċenzji li jammontaw għal EUR 2  020 għal kull mappa huma rrikonoxxuti li huma normali u adegwati. Għaldaqstant, id-danni jammontaw għal ammont ta’ EUR 10  100.

Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-konvenuta ġarrbitlu dannu morali li kien ikkawżat lid-drittijiet tal-awtur esklużivi tiegħu u li għaldaqstant hija għandha tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu morali kif ukoll twaqqaf l-atti ta’ użu kontenzjużi.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li gustament huwa bagħat ittra ta’ intimazzjoni lill-konvenuta permezz ta’ avukat u li għaldaqstant il-konvenuta għandha tikkumpensah l-ispejjeż neċessarji tal-avukati li jirriżultaw minn dan, li jammontaw għal EUR 2  743,43.


(1)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230, tat-22 ta’ Ġunju 2011).

(2)  Urheberrechtsgesetz tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I S. 1273), li kienet emendata l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-Liġi tal-5 ta’ Diċembru 2014 (BGBl. I S. 1974).