27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/55


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2014 – Talanton vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-65/15)

(2015/C 138/72)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Talanton Anonymi Emporiki – Symvouleftiki – Ekpaideftiki Etaireia Dianomon, Parochis Marketing kai Dioikisis Epicheiriseon (Palaio Faliro, il-Greċja) (rappreżentant: K. Damis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna perizja sabiex tivverifika l-allegati riżultati tar-rapport ta’ awditu estern, li l-Kummissjoni aċċettat b’mod żbaljat, u li jsemmi “nuqqas ta’ provi alternattivi li jagħmluha possibbli li jiġu kkonfermati l-ispejjeż għall-persunal ikklejmjati”. Dan l-element huwa kruċjali għall-eżitu tal-każ safejn l-ispejjeż tal-persunal jirrappreżentaw il-parti l-kbira tan-nefqa eliġibbli u li fuqu jiddependu l-ispejjeż indiretti kollha;

tikkonstata, minn naħa, li n-nota ta’ debitu Nru 3241414916, tat-12 ta’ Diċembru 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tħallas EUR 2 73  535,38 skont il-kuntratt dwar il-proġett FP-7216088 POCEMON, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ awditu mhux komplut u ineżatt Nru 11-BA135-006, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li n-nefqa ddikjarata skont il-kuntratt kontenjzuż hija eliġibbli, b’tali mod li l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tippreżenta nota ta’ kreditu ta’ EUR 1 29  764,38.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-klawżola ta’ arbitraġġ:

ir-rikorrenti tqis li l-analiżi dettaljata tagħha li tinsab f’dan ir-rikors turi li ma teżisti l-ebda rabta kawżali bejn il-fatti li jirreferi għalihom ir-rapport ta’ awditu u l-konklużjonijiet tal-awditur estern li l-Kummissjoni aċċettat mingħajr ebda ġustifikazzjoni u minkejja l-oġġezzjonijiet motivati (tar-rikorrenti) li ma ġewx eżaminati. L-ebda waħda mill-konklużjonijiet li wasal għalihom l-awditur estern ma tirreżisti tali analiżi, b’mod li l-Kummissjoni kellha tasal għal konklużjonijiet ġodda u tivvalida n-nefqa tar-rikorrenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-bona fide waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt u l-projbizzjoni tal-applikazzjoni abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali:

l-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li hija ġiet imċaħħda mid-dritt legali li toġġezzjona direttament mal-awditur innominat mill-Kummissjoni u li twieġeb għall-allegazzjonijiet infondati tal-awtur tal-abbozz tar-rapport ta’ awditu. Dan huwa aspett partikolarment importanti fid-dawl tal-irregolaritajiet imwettqa mill-awditur estern u tal-fatt li l-imparzjalità tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti hija dubjuża.

it-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-abbozz tar-rapport ta’ awditu estern ġie aċċettat mill-Kummissjoni mingħajr ma l-ilmenti legali u dettaljati mqajma mir-rikorrenti, kif ukoll l-elementi alternattivi li hija ppreżentat, ma ġew eżaminati u miċħuda b’argumenti. Fir-rigward tal-abbozz tar-rapport ta’ awditu, dan ġie rriprodott fir-rapport ta’ awditu Nru 11-BA135-006, tat-22 ta’ Jannar 2013, tal-kuntratt numru FP7-216088 POCEMON, li jirreferi, b’mod żbaljat, għal nuqqas ta’ provi supplimentari fir-rigward tan-nefqa fuq il-persunal iddikjarat. L-evalwazzjoni tal-awditur estern hija arbitrarja u ma hijiex iġġustifikata, peress li numru kbir ta’ dokumenti alternattivi ta’ sostenn u ta’ dikjarazzjonijiet taħt ġurament tal-membri kollha tal-persunal affettwati b’dan l-abbozz ġew prodotti bħala evidenza, b’tali mod li d-deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni, li aċċettat l-evalwazzjoni tal-awditur estern mingħajr motivazzjoni, hija wkoll kollha żbaljata.