16.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/39


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2015 – Alkarim for Trade and Industry vs Il-Kunsill

(Kawża T-35/15)

(2015/C 089/47)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Alkarim for Trade and Industry (Tal Kurdi, is-Sirja) (rappreżentanti: J.-P. Buule u L-Cloquet, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2014, tal-20 ta’ Ottubru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/730/PESK, tal-20 ta’ Ottubru 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, sa fejn ir-rikorrenti qatt ma nstemgħet qabel ma ġew adottati s-sanzjonijiet ikkontestati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà u ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq illegalità tad-deċiżjonijiet ikkritikati, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1) u tal-Artikoli 14 u 26 tar-Regolament Nru 36/2012 (2) ma humiex issodisfatti, billli r-rikorrenti qatt ma pparteċipat b’mod konxju u b’mod volontarju f’operazzjonijiet intiżi li jevitaw sanzjonijiet Ewropej jew internazzjonali.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn kien hemm lok li wieħed jemmen, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li l-miżuri kkontestati ittieħdu bl-għan prinċipali li jintlaħqu oġġettivi oħra li ma humiex dawk imniżżla (esklużjoni tas-suq – favoritiżmu ta’ atturi oħra).

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1).