SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

15 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni ġenerali – Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tirreklutax kandidat li għadda minn kompetizzjoni – Kompetenzi rispettivi tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni – Tul minimu ta’ esperjenza professjonali – Modalitajiet ta’ kalkolu – Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ – Talba għad-danni”

Fil-Kawża T-734/15 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (l-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015, FE vs Il-Kummissjoni (F-119/14, EU:F:2015:116), u intiża għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Simonetti u G. Gattinara, bħala aġenti,

ir-rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

FE, irrappreżentata minn L. Levi u A. Blot, avukati,

ir-rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, M. Prek (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha ppreżentat abbażi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (l-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015, FE vs Il-Kummissjoni (F‑119/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:F:2015:116), li permezz tagħha, minn naħa, huwa annulla d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tirrekluta lil FE u kkundanna lill-Kummissjoni tħallas is‑somma ta’ EUR 10000, u min-naħa l-oħra, ċaħad il-kumplament tar‑rikors.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma ddikjarati fil-punti 8 sa 20 tas‑sentenza appellata kif ġej:

“8.

Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal‑Persunal (EPSO) ippubblika l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/42/05 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”) għall-istabbiliment ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti tal-grad AD 7 tal-lingwa Pollakka, intiża sabiex [jimtlew] pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 310 A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). […]

9

Fil-punt I tat-Titolu A intitolat “N[atura tal-funzjonijiet]”, tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-funzjonijiet li kellhom jiġu eżerċitati kienu deskritti kif ġej:

Traduzzjoni u/jew reviżjoni bil-Pollakk ta’ testi ġuridiċi minn tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Verifika tal-konkordanza lingwistika u ġuridika ta’ testi leġiżlattivi bil-Pollakk, diġà tradotti u rriveduti, meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dawn it-testi, verifika tal‑kwalità redazzjonali tagħhom u tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-preżentazzjoni formali.

[…]”

10

Il-punt II.2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jippreċiża barra minn hekk li, sabiex ikunu jistgħu jiġu ammessi għall‑eżamijiet, il-kandidati kellhom, fid-data finali stabbilita għar‑reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni, jiġġustifikaw, “[w]ara l-istudji universitarji meħtieġa, esperjenza professjonali ta’ mhux inqas minn sentejn […]”.

11

[FE] applikat għall-kompetizzjoni fis-27 ta’ Diċembru 2005. Taħt il-kolonna “E[sperjenza professjonali]” tal-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“kandidatura”) hija indikat li kellha sitt esperjenzi professjonali ta’ tul totali ta’ wieħed u tletin xahar, li minnhom ħmistax-il xahar ta’ attività bħala ġurista lingwista freelance għall-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri mill-15 ta’ Ottubru 2004 sad-data tal-kandidatura tagħha, kif ukoll tliet xhur ta’ perijodu ta’ prova mal-uffiċċju legali W., fi Brussell (il-Belġju), mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru 2005.

12

Ir-rikorrenti ġiet ammessa tipparteċipa fl-eżamijiet tal‑kompetizzjoni. Fi tmiem [xogħlu], il-Bord tal-Għażla inkluda isimha fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni, li l-validità tagħha, inizjalment [stabbilita] għall-31 ta’ Diċembru 2007, ġiet estiża, wara diversi estensjonijiet, sal-31 ta’ Diċembru 2013, data li fiha hija skadiet b’mod definittiv.

13

Permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mis-servizzi tad-DĠ “Ġustizzja” tagħmel, fit-28 ta’ Mejju segwenti, intervista bil-għan tal-possibbiltà ta’ reklutaġġ tagħha fil-pożizzjoni ta’ amministratur fi ħdan l-imsemmi direttorat ġenerali […]

14

Fix-xahar ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti ġiet informata mid-DĠ “Ġustizzja” li hija kienet intgħażlet għall-pożizzjoni ta’ amministratur u li kienet intbagħtet talba għar-reklutaġġ tagħha lid‑[DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” (iktar ’il quddiem id-DĠ “Riżorsi Umani”)].

15

Mid-dokumenti fil-fajl jirriżulta li, f’Ġunju 2013, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni kienu informaw lir-rikorrenti wkoll li, “[p]eress li l-Kummissjoni ma kinitx ipparteċipat fl‑organizzazzjoni tal-kompetizzjoni […] u peress li l-lista ta’ riżerva maħruġa għall-imsemmija kompetizzjoni, li fiha [FE] kienet inkluża, kienet lista ta’ ġuristi lingwisti u mhux ta’ amministraturi, kellha tintalab deroga mingħand il-[k]ummissarju responsabbli mir-[r]iżorsi umani u s-sigurtà, peress li l-politika tal-Kummissjoni hija li ma tużax dawn il-listi ħlief f’eċċezzjonijiet notevoli għas‑[s]ervizz legali tagħha u għal xi funzjonijiet speċjalizzati f’[direttorati ġenerali] oħra, taħt ċerti kundizzjonijiet”.

16

Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Lulju 2013, il-kap tal-unità “Dritt tal-kuntratti” tad-DĠ “Ġustizzja” ikkomunika lil [FE] li d‑DĠ “Riżorsi Umani” kien “qabel mar-reklutaġġ [derogatorju] tagħha bħala amministratur [mil-]lista ta’ riżerva ta’ ġuristi lingwisti”, filwaqt li enfasizza li d-DĠ “Riżorsi Umani” kien ser jikkuntattjaha u li ma kellha tagħmel xejn qabel ma tirċievi komunikazzjoni uffiċjali min-naħa tiegħu.

17

Fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2013, id-DĠ “Riżorsi Umani” talab lir-rikorrenti tipprovdi dokumenti ta’ sostenn tal-esperjenzi professjonali tagħha ta’ qabel il-kandidatura tagħha, fid-dawl tal‑kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali minima ta’ sentejn li kienet tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

18

Matul il-perijodu ta’ bejn l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2013 u x‑xahar ta’ Novembru 2013, [FE] kellha diversi intervisti ma’ rappreżentanti tad-DĠ “Riżorsi Umani” u pprovdiet dokumenti differenti u spjegazzjonijiet sabiex tikkjarifika l-kwistjoni tal‑esperjenzi professjonali li hija semmiet fil-kandidatura tagħha. Matul dan il-perijodu, ir-rappreżentanti tad-DĠ “Ġustizzja” ikkonfermaw diversi drabi l-interess tagħhom fir-reklutaġġ tagħha.

19

B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2013, l-[Awtorità tal-Ħatra] informat lil [FE] li r-reklutaġġ tagħha mad-DĠ “Ġustizzja” ma setax iseħħ, għar-raġuni li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni għall‑ammissjoni għall-kompetizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali meħtieġa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont l-[Awtorità tal-Ħatra], fid-data finali għar‑reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni, [FE] kellha biss tnejn u għoxrin xahar ta’ esperjenza professjonali, minflok sentejn kif meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Sabiex waslet għal din il‑konklużjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] kkunsidrat, fir-rigward tal-esperjenza professjonali bħala “tradut[tur] free-lance” għall‑Qorti tal-Ġustizzja, seba’ xhur biss u, fir-rigward tal‑esperjenza professjonali bħala persuna bi prova fl-uffiċċju legali W., xahrejn biss, li ma kinux jikkorrispondu għall-ħmistax u għat‑tliet xhur iddikjarati minn [FE] fil-kandidatura. Id-deċiżjoni kkontestata kienet tippreċiża wkoll li għal dak li jirrigwarda l‑attività “free-lance mal-[Qorti tal-Ġustizzja]” it-tul tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti kien ġie kkalkolat abbażi tan-numru totali ta’ paġni tradotti, jiġifieri 721, u ta’ standard ta’ 5 paġni kuljum, ikkunsidrat bħala adegwat mill-Kummissjoni u li huwa sostanzjalment inqas minn dak ta’ 8 paġni kuljum użat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

20

Fl-14 ta’ Marzu 2014, [FE] ressqet ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment kien ġie miċħud mill-[Awtorità tal-Ħatra] b’deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2014 […]”

Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

3

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑24 ta’ Ottubru 2014, FE ppreżentat rikors, irreġistrat bin-numru F‑19/14, intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tirreklutaha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-14 ta’ Lulju 2014, u min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 26132.85, flimkien mal‑interessi moratorji, u l-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjonijiet mix-xahar ta’ Settembru 2013, kif ukoll għall-ħlas ta’ EUR 1 simboliku għad-dannu morali kkawżat. Hija talbet ukoll il-kundanna tal‑Kummissjoni għall-ispejjeż.

4

Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn naħa, annulla d-deċiżjoni kkontestata u kkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil FE s-somma ta’ EUR 10000, u min-naħa l-oħra, ċaħad il‑kumplament tar-rikors. Huwa ordna lill-Kummissjoni tbati l‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn FE.

5

F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’mod partikolari rrileva li, għad-differenza tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, “f’dan il-każ, għalkemm l-avviż ta’ kompetizzjoni ċertament kien jirrikjedi tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tat-traduzzjoni jew, iktar probabbli, f’dak tat-traduzzjoni ġuridika, madankollu l-metodu ta’ kunsiderazzjoni u ta’ kalkolu, f’termini ta’ tul, ta’ esperjenza professjonali eżerċitata taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu ma kinitx spjegata” u li “l-argument […] li t-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali għandu, fil-każ partikolari tal‑kompetizzjoni, jinftiehem bħala li jirrigwarda, min-natura tiegħu, attività professjonali eżerċitata full-time, li għandha tiġi kkalkolata barra minn hekk skont il-modalitajiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata […] ma jistax jiġi aċċettatat” (punti 51 u 56 tas-sentenza appellata).

6

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda wkoll li, “billi adottat id‑deċiżjoni kkontestata, l-[Awtorità tal-Ħatra] [eċċediet] il-kompetenza tagħha fil-qasam tal-verifika tal-osservanza tal-kundizzjoni għall‑ammissjoni supplimentari relatata mal-esperjenza professjonali, billi [impinġiet] b’hekk fuq il-kompetenza li, dwar dan il-punt, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien irriżerva espressament lill-Bord tal-Għażla u billi [impinġiet] ukoll fuq il-prerogattivi ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tal‑Bord tal-Għażla” (punt 71 tas-sentenza appellata).

7

Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li “l-analiżi tal‑esperjenza professjonali [ta’ FE] magħmula mill-Kummissjoni intiża sabiex tikkalkola, skont il-kriterji użati mis-servizzi ta’ traduzzjoni tagħha, in-numru ta’ paġni tradotti [minn FE] matul il-perijodu ta’ attività tagħha bħala ġurista lingwista freelance mal-Qorti tal-Ġustizzja bħal li kieku kien xogħol ta’ “traduttur” tal-Kummissjoni, anki jekk tiġi preżunta possibbli, ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni legali rilevanti u direttament infurzabbli fil-konfront [ta’ FE] u tikkostitwixxi, għalhekk, żball manifest min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra, li faċilment jista’ jiġi skopert mit-Tribunal [għas-Servizz Pubbliku]” (punt 93 tas-sentenza appellata).

8

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda wkoll dwar it-talba għall‑kumpens ta’ FE billi kkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 10000 (punt 133 tas-sentenza appellata).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

9

Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell.

10

Fil-15 ta’ Marzu 2016, FE ppreżentat ir-risposta.

11

B’ittra ppreżentata fl-4 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat talba għal preżentazzjoni ta’ replika.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2016, il-President tal-Awla tal‑Appell laqa’ din l-aħħar talba.

13

Fit-23 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat replika, skont l‑Artikolu 201(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

14

Fis-6 ta’ Lulju 2016, FE ppreżentat kontroreplika.

15

B’ittra ppreżentata fid-29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni informat lill‑Qorti Ġenerali li hija ma xtaqitx tinstema’. FE ma ppreżentatx talba għas-smigħ fit-terminu previst mill-Artikolu 207 tar-Regoli tal‑Proċedura.

16

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn FE fl-ewwel istanza bħala infondat;

tiddeċiedi li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-ewwel istanza;

tikkundanna lil FE għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

17

FE titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkonferma s-sentenza tal-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Fuq l-appell

18

Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji, ibbażati, l‑ewwel nett, fuq diversi żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali minima, it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi fil-konklużjoni li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, u t-tielet nett, fuq żball ta’ liġi u ksur divers tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 10000 lil FE.

Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi u żnaturament fl‑interpretazzjoni tal-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal‑esperjenza professjonali minima

19

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq diversi żbalji ta’ liġi u żnatura provi fil‑kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv invokat minn FE fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra. Dan l‑aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal‑kundizzjoni tal-esperjenza professjonali minima

20

Fil-punti 51 sa 53 u 56 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda:

“51

[B’risposta għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li meta avviż ta’ kompetizzjoni jipprovdi, bħala kundizzjoni għall-ammissjoni għall‑eżamijiet, esperjenza professjonali ta’ tul minimu, dan il‑perijodu ta’ xogħol għandu jinftiehem, kemm mill-Bord tal‑Għażla kif ukoll mill-kandidati, fis-sens li jirrigwarda, min-natura tiegħu, attività professjonali eżerċitata full-time], għandu qabel xejn jiġi rrilevat li, fil-kawżi ċċitati mill-Kummissjoni u li taw lok għas‑sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni (T-293/03, EU:T:2006:37) u għad-digrieti tal-14 ta’ Diċembru 2006, Klopfer vs Il-Kummissjoni (F-118/05, EU:F:2006:137), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il-Kummissjoni (F-22/13, EU:F:2014:189), il-qorti tal-Unjoni ċertament iddeċidiet li t-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa, anki fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża fl-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni, kellu jinftiehem bħala t-tul ta’ esperjenza professjonali eżerċitata full-time. Madankollu, il-kawżi msemmija iktar ’il fuq, kienu jirrigwardaw attivitajiet professjonali eżerċitati fuq kollox bħala persuna impjegata u li għalhekk it-tul tagħhom seta’ faċilment jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kuntratti ta’ xogħol jew tad‑dikjarazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni li jimpjegaw. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, għalkemm l-avviż ta’ kompetizzjoni ċertament kien jirrikjedi tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali fil‑qasam tat-traduzzjoni jew, iktar probabbli, f’dak tat-traduzzjoni ġuridika, madankollu l-metodu ta’ kunsiderazzjoni u ta’ kalkolu, f’termini ta’ tul, ta’ esperjenza professjonali eżerċitata taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu ma kinitx spjegata, minkejja li din it-tip ta’ esperjenza ta’ xogħol free-lance tikkorrispondi totalment għan-natura tal-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

52

Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espressa fl-avviż ta’ kompetizzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa jew ta’ kwalunkwe indikazzjoni utili oħra f’dan ir-rigward, ir-ratio juris ta’ din il-kundizzjoni għall‑ammissjoni, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kandidati, [bħal FE], li jistgħu jipprevalixxu minn esperjenza speċifika ta’ ġurist lingwist free-lance, ċertament ma setgħetx tkun dik li teħtieġ min-naħa ta’ dawn il-kandidati, sabiex juru li din kienet attività professjonali ekwivalenti għal dik ta’ xogħol eżerċitat full-time, li jkunu ttraduċew matul kull ġurnata ta’ dan it‑tip ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ sentejn numru partikolari ta’ paġni ta’ testi ġuridiċi. Fil-fatt, din il-kundizzjoni ma kinitx prevista fl-avviż ta’ kompetizzjoni, la espliċitament u lanqas impliċitament, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

53

Għalhekk, fin-nuqqas fl-avviż ta’ kompetizzjoni ta’ kriterji jew ta’ modalitajiet ta’ kalkolu tal-esperjenza professjonali meħtieġa għall‑ammissjoni fil-kompetizzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Għażla, anki fil-każ fejn it-tul tal-esperjenza professjonali inkwistjoni kellu jirrigwarda dik ta’ attività eżerċitata full-time, seta’ jibbaża ruħu, għall-evalwazzjoni tal-ammissjoni [ta’ FE] sabiex tipparteċipa fl-eżamijiet, […] fuq il-fatt li kellha tkun attività “professjonali” ta’ ġurist lingwist – u għalhekk attività li ma setgħetx ikollha natura “okkażżjonali” u li kellha tirrigwarda prinċiparjament it-traduzzjoni ta’ testi ġuridiċi – eżerċitata b’mod kostanti, jiġifieri matul tul sinjifikattiv ta’ żmien, għas-servizz ta’ klijent professjonali, persuna pubblika jew privata li, abbażi tal-kuntratt inkwistjoni, kellu d-dritt li jitlob traduzzjonijiet ta’ testi ġuridiċi f’kull mument, u jekk ikun il-każ, f’termini imperattivi, preċiżament minħabba l-attività professjonali jew istituzzjonali tiegħu li tirrikjedi traduzzjonijiet ġuridiċi ta’ ċertu livell.

[…]

56

Għalhekk, peress li din il-kundizzjoni għall-ammissjoni supplimentari ma tistax tingħata, fid-dawl tal-formulazzjoni f’dan ir-rigward silenzjuża tal-avviż ta’ kompetizzjoni, portata differenti minn dik li ngħatat hawn fuq, taħt il-piena li tikser, fil-każ kuntrarju, il-prinċipju ta’ ċertezza legali […] l-argument tal-Kummissjoni li t‑tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali għandu, fil-każ partikolari tal-kompetizzjoni, jinftiehem bħala li jirrigwarda, min‑natura tiegħu, attività professjonali eżerċitata full-time, li għandha tiġi kkalkolata barra minn hekk skont il-modalitajiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata […] ma jistax jiġi aċċettat, fin‑nuqqas fil-fatt li jiġi indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni li, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kandidati li jinvokaw esperjenza professjonali ta’ ġurist lingwist free-lance, il-full-time inkwistjoni kellu jikkorrispondi neċessarjament għal dak ikkalkolat skont il-modalitajiet interni ta’ din l-istituzzjoni jew, fi kwalunkwe każ, skont modalitajiet partikolari”.

21

Il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-kundizzjoni li l-esperjenza professjonali minima għandha tinkiseb fuq bażi full-time ma tistax tkun meħtieġa fil-konfront ta’ FE, għaliex ma kinitx espressament indikata fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Dan l-iżball wassal għall-annullament tas-sentenza appellata, għaliex ippermetta lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ma kinitx illegali (punti 68 sa 70 u 73 sa 80 tas-sentenza appellata) u li għalhekk, l-Awtorità tal‑Ħatra, peress li ddeċidiet li ma tirreklutax lil FE, eċċediet il-kompetenza tagħha (punt 71 tas-sentenza appellata) u b’hekk adottat deċiżjoni illegali (punt 82 tas-sentenza appellata).

22

FE tikkontesta dan l-argument u ssostni b’mod partikolari li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eskludiex il-ġurisprudenza dwar l-esperjenza professjonali minima, iżda applikaha billi addattaha għal partikolaritajiet ta’ xogħol imwettaq bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 53, 54 u 80 tas-sentenza appellata. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement ċaħad il-mod li bih l-Awtorità tal‑Ħatra applikat din il-ġurisprudenza f’dan il-każ. Għalhekk, huwa osserva, minn naħa, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit‑trattament, u min-naħa l-oħra, l-indipendenza tal-Bord tal-Għażla u s‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu kif ukoll l-irwol mogħti lil avviż ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, FE ppreċiżat li, f’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni b’ebda mod ma kien jispeċifika l-mod li bih għandha tiġi evalwata l-esperjenza professjonali meħtieġa. Fil-fehma tagħha, fid-dawl tal-għan tal-kompetizzjoni, din l-esperjenza setgħet tinkiseb b’mod indipendenti.

23

F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li r-rwol essenzjali ta’ avviż ta’ kompetizzjoni huwa li jinforma lill-persuni kkonċernati, b’mod l-iktar preċiż possibbli, dwar in-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-impjieg inkwistjoni sabiex, b’mod partikolari, ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom. L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa għall-postijiet ta’ xogħol li għandhom jimtlew u sabiex tispeċifika, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il‑kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Min-naħa l-oħra, l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ legalment sempliċement itenni, mingħajr ma jispeċifika l-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-postijiet tax-xogħol, il-formulazzjoni ġenerali korrispondenti għall‑Artikolu 5(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u jħalli, għalhekk, għall-Bord tal-Għażla, ir-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk il-kwalifiki u d-diplomi pprovduti kif ukoll l-esperjenza professjonali ppreżentata minn kull kandidat jikkorrispondux għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk mill-avviż ta’ kompetizzjoni, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet li jaqgħu fil-kategorija prevista minn dan l-avviż (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T-293/03, EU:T:2006:37, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, il-punt A.II.2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jistabbilixxi li, sabiex ikunu jistgħu jiġu ammessi għall-eżamijiet, il-kandidati kellhom, fid-data li fiha kienet tiskadi r-reġistrazzjoni għall‑kompetizzjoni, jiġġustifikaw, “[w]ara l-istudji universitarji meħtieġa, esperjenza professjonali ta’ mhux inqas minn sentejn”. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-imsemmi avviż la kien jispjega n-natura ta’ din l-esperjenza professjonali u lanqas il-qasam li fih għandha tinkiseb. Bl-istess mod, kif jirriżulta wkoll mill-proċess tal-ewwel istanza, ebda spjegazzjoni oħra dwar il-mod li bih l-esperjenzi differenti għandhom jinkisbu ma kienet prevista fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew fil-gwida għall-kandidati (ĠU 2005, C 327 A, p. 3), li kien hemm riferiment għaliha fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

26

F’dan ir-rigward, fil-punt 70 tas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni (T-293/03, EU:T:2006:37), il-Qorti Ġenerali speċifikat li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn kundizzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni kienet ifformulata f’termini ġenerali, il-Bord tal-Għażla kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni, inkluż dik tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa.

27

Madankollu, il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punti 71 u 72 tas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni (T-293/03, EU:T:2006:37), li billi kien jeżiġi li l-attività professjonali titwettaq f’perijodu ta’ żmien minimu, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien neċessarjament jeħtieġ l-eżerċizzju effettiv ta’ din l-attività matul l-imsemmi perijodu, li għalhekk seta’ jiġi interpretat biss bħala li jirreferi għal perijodu ta’ xogħol fuq bażi full-time matul dan il-perijodu ta’ żmien minimu jew għal perijodu ta’ xogħol imwettaq magħmul f’perijodu jew perijodi ta’ part-time ekwivalenti, f’termini ta’ żmien ta’ xogħol, għall-perijodu ta’ żmien minimu fuq bażi full-time. Għaldaqstant, il-Bord tal-Għażla jista’ jikkalkola u jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-ammissjoni għall‑kompetizzjoni ta’ kandidati esterni, il-perijodi ta’ esperjenza professjonali mhux esklużivi u part-time, bil-kundizzjoni li t-total tal‑imsemmija perijodi jikkorrispondi għall-minimu tal-perijodu meħtieġ fuq bażi full-time.

28

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni (T-293/03, EU:T:2006:37), ma setax jitqies li, peress li applika l-kriterju dwar ir-rekwiżit ta’ xogħol fuq bażi full-time, il‑Bord tal-Għażla kiser it-termini tal-avviż tal-kompetizzjoni jew impona kundizzjonijiet supplimentari li jmorru lil hinn mill‑kundizzjonijiet għall-ammissjoni stabbiliti mill-imsemmi avviż (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T-293/03, EU:T:2006:37, punt 76).

29

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, peress li, f’dan il‑każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni jeżiġi biss li l-attività professjonali titwettaq matul perijodu ta’ tul minimu ta’ sentejn, din il-kundizzjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal perijodu ta’ xogħol imwettaq fuq bażi full-time għal sentejn jew għal perijodu ta’ xogħol imwettaq għal perijodu jew perijodi fuq bażi part-time, jew taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu, ekwivalenti, f’termini ta’ żmien ta’ xogħol, għal perijodu ta’ sentejn full-time.

30

Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza ċċitata mit‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 51 tas-sentenza appellata u hija wkoll l-unika waħda li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-proċedura ta’ reklutaġġ għall-kandidati kollha tal-kompetizzjoni, peress li, skont jekk l-attività hijiex eżerċitata full-time, part-time, kwart taż-żmien jew b’jum fil-ġimgħa għal tliet snin, il‑perijodu ta’ attività meħtieġ jista’ jvarja kunsiderevolment, li jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għal inugwaljanza bejn il‑kandidati fir-rigward tat-tul tal-esperjenza meħtieġa (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T-293/03, EU:T:2006:37, punti 7475).

31

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku effettivament spjega b’mod korrett, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, li f’dan il-każ, “[i]l-metodu ta’ kunsiderazzjoni u ta’ kalkolu, f’termini ta’ tul, ta’ esperjenza professjonali eżerċitata taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu ma kinitx spjegata” u li għal fir-rigward ta’ FE, ir-ratio juris tal-kundizzjoni għall-ammissjoni marbuta mat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa “ċertament ma setgħetx tkun dik li teħtieġ min‑naħa ta’ dawn il-kandidati, sabiex juru li din kienet attività professjonali ekwivalenti għal dik ta’ xogħol eżerċitat full-time, li jkunu ttraduċew matul kull ġurnata ta’ dan it-tip ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ sentejn numru partikolari ta’ paġni ta’ testi ġuridiċi”.

32

Madankollu, wara li fil-punt 53 tas-sentenza appellata, irrefera għar-rekwiżit li t-tul tal-esperjenza professjonali inkwistjoni kellu jkun dak ta’ attività eżerċitata full-time, bħala sempliċi fatt, it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku ddeċieda fil-punt 56 tal-istess sentenza, li “l‑argument tal-Kummissjoni li t-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali [kellu], fil-każ partikolari tal-kompetizzjoni, jinftiehem bħala li jirrigwarda, min-natura tiegħu, attività professjonali eżerċitata full-time […] ma jistax jiġi aċċettat”.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-konstatazzjonijiet tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 51 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq qari żbaljat kemm tas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni (T-293/03, EU:T:2006:37), kif ukoll tal‑avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti li kienet is-suġġett tal-kawża ma kinitx eżerċitata taħt l-istatus ta’ persuna impjegata u li għalhekk it-tul tagħha seta’ kien faċilment iddeterminat fid-dawl tal-kuntratti ta’ xogħol jew ta’ dikjarazzjonijiet ta’ xogħol minn persuni li jimpjegaw, iżda dik ta’ president ta’ bord ta’ fondazzjoni, imwettaq fuq bażi volontarja u part-time u li ma kienx marbut ma’ limiti ta’ żmien jew ta’ ħin, iżda kien eżerċitat b’mod parallel ma’ attività oħra, ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-KummissjoniT-293/03, EU:T:2006:37, punti 11 sa 14618182). Għaldaqstant, it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku sostna, b’mod żbaljat, li d-differenza fir-rigward taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-imsemmija sentenza tinsab, f’dan il-każ, fil-“metodu ta’ kunsiderazzjoni u ta’ kalkolu, f’termini ta’ tul, ta’ esperjenza professjonali eżerċitata taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu ma kinitx spjegata, minkejja li din it-tip ta’ esperjenza ta’ xogħol freelance tikkorrispondi totalment għan-natura tal‑funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni”. Fil-fatt, fl‑imsemmija kawża wkoll, l-avviż ta’ kompetizzjoni ma pprovda lill‑Bord tal-Għażla ebda indikazzjoni preċiża dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kundizzjoni ta’ tul minimu tal-esperjenza professjonali preċedenti jew dwar il-metodu li tittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe esperjenza li ma twettqitx bħala persuna impjegata jew full‑time (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T-293/03, EU:T:2006:37, punti 370).

34

Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata b’mod żbaljat li f’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni jeħtieġ tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali “fil-qasam tat-traduzzjoni jew, iktar probabbli, f’dak tat-traduzzjoni ġuridika”. Fil-fatt, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprovdi biss li l-kandidati kellhom jiġġustifikaw “[w]ara l-istudji universitarji meħtieġa, esperjenza professjonali ta’ mhux inqas minn sentejn […]”, mingħajr speċifika l-qasam tal-esperjenza meħtieġa.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li billi ddeċieda, b’mod partikolari, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet f’dan is-sens fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal‑Għażla ma kellux jinterpreta l-kundizzjoni tat-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali bħala li tirrigwarda attività full-time, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi.

36

Tali żball ta’ liġi ma jistax, madankollu, f’din il-kawża, iwassal fih innifsu għall-annullament tas-sentenza appellata. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan għandux ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kinux effettivament sussegwentement ivvizzjati bil-premessa żbaljata li dan stabbilixxa fil-punt 56 tas-sentenza appellata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi fid‑definizzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tar-relazzjonijiet bejn il-Bord tal-Għażla u l-Awtorità tal-Ħatra

37

Il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 38 u 71 tas-sentenza appellata, li fihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda essenzjalment li, billi ddeċidiet, fl-istadju ta’ reklutaġġ, li teskludi lil FE mil-lista ta’ riżerva għal motivi ta’ ammissjoni li ma jinsabux fl-avviż ta’ kompetizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra eċċediet il-limiti tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal‑verifika tal-osservanza tal-kundizzjoni għall-ammissjoni supplimentari fir-rigward tal-esperjenza professjonali.

38

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-adozzjoni mill-Awtorità tal‑Ħatra tad-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx titqies bħala interferenza fil-kompetenzi tal-Bord tal-Għażla, fid-dawl tal-fatt li din id-deċiżjoni kienet neċessarja sabiex tikkoreġi illegalità mwettqa minnu, peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tkun marbuta b’deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla vvizzjati b’illegalità.

39

FE tirribatti li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament qies, minn naħa, li ma kien hemm ebda raġuni sabiex tingħata preferenza lill‑metodu ta’ kalkolu ta’ istituzzjoni waħda jew oħra, bħal pereżempju dak tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni ta’ din l-esperjenza magħmula mill-Bord tal-Għażla kienet iktar plawżibbli minn dik magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra. Fi kwalunkwe każ, l‑argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-parti b’ebda mod ma jwasslu sabiex tintlaqa’ t-talba tagħha li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien żbaljat meta kkonkluda li l-Awtorità tal-Ħatra kienet eċċediet il-kompetenzi tagħha. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li l-Awtorità tal‑Ħatra kienet eċċediet il-kompetenzi tagħha bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet il-konsegwenza inevitabbli u neċessarja tal-fatt li l‑Bord tal-Għażla ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

40

F’dan ir-rigward, mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li, minn naħa, il-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali minima f’dan il‑każ għandha tinftiehem bħala esperjenza professjonali li kienet eżerċitata full-time, u li min-naħa l-oħra, sabiex jivverifika jekk il‑kandidati kinux jissodisfaw din il-kundizzjoni, il-Bord tal-Għażla kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

41

Fil-punt 66 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex “il-kompetenza sabiex tkun tista’ tneħħi b’mod leġittimu, a posteriori, mil-lista ta’ riżerva stabbilita mill-Bord tal-Għażla kandidat li għadda minn kompetizzjoni li ma jkunx osserva kundizzjoni għall-ammissjoni li ma tinsabx fl-avviż ta’ kompetizzjoni li hija stess tkun adottat u li lanqas ma tinsab f’dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew f’xi test legali ieħor infurzabbli fil-konfront tal-kandidati”.

42

Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-illegalità invokata mill‑Awtorità tal-Ħatra kontra FE ma kinitx ser tirriżulta “minn żball manifest li l-Bord tal-Għażla wettaq fl-evalwazzjoni ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni speċifika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni jew li tinsab f’dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda tirriżulta mill‑iżball imwettaq mill-Awtorità tal-Ħatra stess li ma ppreveditx, fl‑avviż ta’ kompetizzjoni, il-klawżola supplimentari li l-esperjenza professjonali minima ta’ sentejn meħtieġa għall-ammissjoni għall‑eżamijiet kellha tkun esperjenza professjonali eżerċitata full-time matul sentejn u kellha tkun ikkalkolata skont kriterji speċifiċi stabbiliti b’mod ċar minn qabel, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom twassal għan‑nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet tal-kompetizzjoni”. Huwa qies ukoll li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal‑Ħatra f’dan il-każ kienet tammonta għal “regolarizzazzjoni, ex post, tal-avviż ta’ kompetizzjoni […] waqt ir-reklutaġġ” (punt 67 tas-sentenza appellata).

43

Din il-konklużjoni hija kkonfermata fil-punt 68 tas-sentenza appellata, fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku spjega, essenzjalment, li sabiex il‑kundizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ tkun tista’ titqies bħala esperjenza professjonali full-time għal sentejn, “biex b’hekk kienet tinħoloq modalità ġuridikament vinkolanti kemm għall-Bord tal‑Għażla kif ukoll għal kandidati u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha minnhom kien iwassal għall-eliminazzjoni tagħhom mill-kompetizzjoni”, l-Awtorità tal-Ħatra kellha tindika dan debitament fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

44

Abbażi ta’ din il-konklużjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, minn naħa, li d-deċiżjonijiet rispettivi tal-Bord tal-Għażla u tal‑Awtorità tal-Ħatra sempliċement irriflettew differenza bejn il-metodu tal-Bord tal-Għażla li jikkalkola l-esperjenza professjonali minima preskritta mill‑avviż ta’ kompetizzjoni u l-metodu ta’ kalkolu full-time skont kriterji speċifiċi użati mill-Awtorità tal-Ħatra, u min-naħa l-oħra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet prova ta’ nuqqas manifest, min-naħa tal-Bord tal-Għażla, li jivverifika jekk il‑kundizzjoni għall-ammissjoni tal-esperjenza professjonali kinitx issodisfatta fir-rigward ta’ FE (punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata).

45

Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li, billi addottat id‑deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra kienet eċċediet il‑kompetenza tagħha fil-qasam tal-verifika tal-osservanza tal‑kundizzjoni għall-ammissjoni supplimentari fir-rigward tal‑esperjenza professjonali, billi [impinġiet fuq] il-kompetenza li l-avviż ta’ kompetizzjoni kien irriżerva espressament lill-Bord tal-Għażla, kif ukoll fuq il-prerogattivi ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (punt 71 tas‑sentenza appellata).

46

Madankollu, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-kundizzjoni għall-ammissjoni tal-esperjenza professjonali minima ta’ sentejn, mifhuma fis-sens li tirrigwarda attività professjonali eżerċitata full-time, setgħet tiġi invokata f’dan il-każ, mingħajr ma dan kien speċifikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

47

Minn dan isegwi li fil-punt 71 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi.

48

Għaldaqstant it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi fid‑definizzjoni, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-kundizzjonijiet ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, fuq żnaturament tal-atti tal-proċess u fuq żball ta’ liġi fil-kunsiderazzjoni li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-esperjenza professjonali applikat mill‑Kummissjoni kien illegali

49

Il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 57 sa 82 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw l-eżami mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f’din l-ordni, tal-metodu ta’ kalkolu tat-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali, tas-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra li teskludi lil FE mil-lista ta’ riżerva tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kif ukoll tal-iżball manifest eventwalment imwettaq mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali ta’ FE. Skont il‑Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies b’mod żbaljat li ebda żball manifest ma ġie pprovat fid-deċiżjoni tal-Bord tal‑Għażla tal-ammissjoni ta’ FE għall-kompetizzjoni.

50

Fil-punt 70 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet il-prova ta’ “nuqqas manifest min-naħa tal-Bord tal-Għażla [li jieħu inkunsiderazzjoni l‑kundizzjoni għall-ammissjoni tal-esperjenza professjonali] jew fi kwalunkwe każ, il-prova ta’ ammissjoni għall-eżamijiet tal‑kompetizzjoni [ta’ FE] li kienet ġiet deċiża mill-Bord tal-Għażla b’mod manifestament arbitrarju fir-rigward tat-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni” u li “xejn ma jippermetti li jiġi affermat li l-Bord tal‑Għażla ma eżaminax […] id-dokumenti [ppreżentati minn FE], pereżempju abbażi tal-kriterju indikat fil-punti 53 u 55 [tas-sentenza appellata]”.

51

Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummisssjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi. Minflok ma kkunsidra jekk l‑argumenti mressqa mill-Kummissjoni setgħux jimminaw il-plawżibbiltà tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, huwa identifika kriterji li fil-fehma tiegħu, ippermettewlu jikkonkludi li l-Bord tal-Għażla kien inħeles mill-obbligu tiegħu li jikkalkola l-esperjenza professjonali ta’ FE. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżiġa b’mod żbaljat prova ta’ nuqqas manifest ta’ kalkolu tal-esperjenza professjonali jew ta’ ammissjoni manifestament arbitrarja għall-kompetizzjoni min-naħa tal-Bord tal-Għażla.

52

Skont FE, dan l-ilment huwa inammissibbli inkwantu jikkritika l‑konstatazzjonijiet ta’ fatt. Rigward il-mertu, hija ssostni li kienet fil-fatt l-Awtorità tal-Ħatra li kellha tipproduċi prova li d-deċiżjoni tal-Bord tal‑Għażla kienet ivvizzjata bi żball manifest, peress li fil-prinċipju din tibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità, li jiġġustifika wkoll il‑verifika limitata tal-Awtorità tal-Ħatra. Fil-fehma tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq proprju dan l-eżami ta’ żball manifest, b’mod partikolari fil-punti 72 sa 82 tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-fatturi li huwa kien identifika, abbażi tal-avviż ta’ kompetizzjoni, fil-punti 53 sa 55 tal-istess sentenza. Fl‑aħħar nett, FR tirrileva n-natura kontradittorja tal-argumenti tal‑Kummissjoni.

53

Għandu jiġi osservat li, b’dan l-ilment, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata u li jirrigwardaw l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda l-konklużjonijiet tiegħu dwar l-obbligi tal-Bord tal‑Għażla kif ukoll l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni. Dawn il‑konstatazzjonijiet iqajmu kwistjonijiet ta’ liġi li huma suġġetti għall‑istħarriġ tal-qorti tal-appell.

54

Kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju u kif fakkar it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Għażla għandu f’dan il-każ setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-ekwivalenza, f’termini ta’ żmien ta’ xogħol, bejn attività eżerċitata f’ħinijiet varji fuq bażi freelance u xogħol full‑time.

55

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Awtorità tal‑Ħatra ma għandhiex is-setgħa li tannulla jew li temenda deċiżjoni adottata minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, madankollu, hija marbuta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stess, tadotta deċiżjonijiet li ma humiex illegali. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun marbuta b’deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla li l-illegalità tagħhom tista’, konsegwentement, tivvizzja d-deċiżjonijiet tagħha stess. Huwa għalhekk li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu tivverifika, qabel ma tinnomina lil persuna bħala uffiċjal, jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Meta l-Bord tal-Għażla jawtorizza b’mod żbaljat il-parteċipazzjoni ta’ kandidat f’kompetizzjoni u jinkludih sussegwentement fil-lista ta’ riżerva, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tirrifjuta l-ħatra ta’ dan il-kandidat permezz ta’ deċiżjoni motivata, li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tevalwa l-fondatezza tagħha (ara s‑sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Luxem vs Il-Kummissjoni, T‑306/04, EU:T:2005:326, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l‑Bord tal-Għażla sabiex jiddetermina jekk l-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-verifika dwar ir‑regolarità tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla, għandha tillimita ruħha għal verifika li l-eżerċizzju mill-Bord tal-Għażla tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ma kienx ivvizzjat bi żball manifest.

57

Dwar dan l-aħħar punt, ġie deċiż li żball jista’ biss jiġi kkwalifikat bħala manifest meta jkun jista’ jiġi identifikat b’faċilità fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta l-eżerċizzju mill‑amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li twettaq żball manifest fl‑evalwazzjoni tal-fatti li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, huwa neċessarju li jintwera li l-evalwazzjonijiet adottati fid‑deċiżjoni kkontestata ma humiex plawżibbli. Fi kliem ieħor, ma jistax ikun hemm żball manifest jekk l-evalwazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi aċċettata bħala ġenwina jew valida (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il-Kummissjoni, F-57/11, EU:F:2012:145, punt 51 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

58

L-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li qabel ma nnominat lil FE, l-Awtorità tal-Ħatra, minn naħa, kellha l‑obbligu li tivverifika d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li taċċettaha fil‑kompetizzjoni, u min-naħa l-oħra, kellha tirrifjuta li tinnominaha li kieku qieset li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

59

F’dan il-każ, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ddeċieda favur l-ammissjoni ta’ FE għall-kompetizzjoni. Minkejja li din id-deċiżjoni ma kinitx motivata, għandu jiġi dedott li huwa qies li l-kandidata kienet ipproduċiet prova li hija tissodisfa l-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali preċedenti minima.

60

F’dan il-kuntest, u għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, ma hijiex l‑Awtorità tal-Ħatra li għandha tipprova b’mod speċifiku li l-Bord tal-Għażla ma kienx eżamina affattu jekk FE kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali minima, iżda għandha min-naħa l-oħra tivverifika jekk dan kienx ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li parti sinjifikattiva minn din l-esperjenza kienet twettqet fuq bażi ta’ freelance u jekk, mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ikkalkolax din l-esperjenza f’termini ta’ xogħol full-time.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla ma jistax jipprekludi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tqis li d-deċiżjoni li ħa, jiġifieri dik li jaċċetta lil FE fil-kompetizzjoni, tista’ tkun ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

62

Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, jikkonkludi li l-Awtorità tal-Ħatra kienet tkun kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata biss fil-każ fejn kien manifest li l-Bord tal-Għażla kien naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l‑kundizzjoni għall-ammissjoni tal-esperjenza professjonali u milli jikkalkola t-tul tagħha jew anki fil-każ li l-Bord tal-Għażla ddeċieda li jaċċetta lil FE għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni b’mod manifestament arbitrarju fir-rigward tat-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

63

It-tieni nett, fir-rigward tal-punti 53 u 55 tas-sentenza appellata, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirreferi għalihom fil‑punt 70 tal-istess sentenza, huwa kkonstata li, sabiex jiġi evalwat jekk FE għandhiex tiġi ammessa sabiex tipparteċipa fl-eżamijiet, il-Bord tal-Għażla seta’ jibbaża ruħu, b’mod partikolari, “fuq il-fatt li kellha tkun attività ‘professjonali’ ta’ ġurist lingwist – u għalhekk attività li ma setgħetx ikollha natura ‘okkażżjonali’ u li kellha tirrigwarda prinċiparjament it‑traduzzjoni ta’ testi ġuridiċi – eżerċitata b’mod kostanti, jiġifieri matul tul sinjifikattiv ta’ żmien, għas-servizz ta’ klijent professjonali, persuna pubblika jew privata li, abbażi tal-kuntratt inkwistjoni, kellu d-dritt li jitlob traduzzjonijiet ta’ testi ġuridiċi f’kull mument, u jekk ikun il-każ, f’termini imperattivi, preċiżament minħabba l-attività professjonali jew istituzzjonali tiegħu li tirrikjedi traduzzjonijiet ġuridiċi ta’ ċertu livell”, u li “kien il-Bord tal-Għażla li kellu […] jevalwa, b’mod differenti, in-natura professjonali tal-esperjenza miksuba skont jekk din kinitx attività eżerċitata bħala ‘tradut[tur] free-lance’ jew bħala ‘ġurist lingwist free-lance’, b’mod partikolari meta din it-tieni attività kienet twettqet għal istituzzjoni tal-Unjoni li, bħall-Qorti tal-Ġustizzja, titlob lill‑fornituri tagħha biss it-traduzzjoni ta’ testi li jkollhom kontenut esklużivament ġuridiku”.

64

Kif issostni l-Kummissjoni, dawn il-kriterji għall-ammissjoni ma setgħux ikunu rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tat-tul tal‑esperjenza professjonali preċedenti f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, skont l-avviż ta’ kompetizzjoni, il-kandidati kellhom jipproduċu prova ta’ tul minimu ta’ esperjenza professjonali u mhux esperjenza fil-qasam tat-traduzzjoni ta’ testi ġuridiċi (ara wkoll il-punt 34 hawn fuq). Barra minn hekk, l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jipprovdi ebda istruzzjoni dwar in-natura tal‑esperjenza professjonali minima meħtieġa jew dwar il-funzjonijiet eżerċitati, kif fakkar it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stess fil-punt 46 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, billi identifika l-imsemmija kriterji, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda dwar il-karatteristiċi u l‑obbligi tal-attività ta’ ġurista lingwista kif ukoll dwar id-differenzi bejn l-attivitajiet ta’ “traduttur freelance” u ta’ “ġurista lingwista freelance”, mingħajr madankollu ma bbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-elementi tal-proċess.

65

Għaldaqstant, billi identifika, fil-punti 53 u 55 tas-sentenza appellata, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni għall-ammissjoni inwkistjoni, li ma kinux parti mill-fajl ippreżentat mill-partijiet fl‑ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi.

66

It-tielet nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-punti 73 sa 82 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika barra minn hekk il‑kriterji identifikati fil-punti 53 u 55 tal-imsemmija sentenza fil-kuntest tal-eżami tal-“iżball manifest eventwalment imwettaq mill-Bord tal‑Għażla tal-kompetizzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali [ta’ FE]”, u dan mingħajr ma wieġeb b’mod validu għall‑argumenti tal-Kummissjoni mressqa dwar dan il-punt u miġbura fil-qosor fil-punt 76 tas-sentenza appellata. Fit-tmiem ta’ dan l-eżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet prova li l-Bord tal-Għażla kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-esperjenza professjonali ta’ FE (punt 81 tas-sentenza appellata).

67

L-iżbalji ta’ liġi mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil‑punti 53, 55 u 56 tas-sentenza appellata kif ġew identifikati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti u ta’ dan l-ilment tat-tielet parti tal-ewwel aggravju vvizzjaw ukoll bi żball ta’ liġi l-evalwazzjoni tiegħu li permezz tagħha fil-punti 75 sa 81 ta’ dik l-istess sentenza, huwa ddeċieda li l‑Kummissjoni lanqas ma kienet ipproduċiet prova li l-Bord tal-Għażla kien wettaq żball manifest fil-kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali ta’ FE. Fil-fatt, ir-raġunijiet li fuqhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu ma kinux jissostanzjaw validament din il-konklużjoni.

68

Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku żnatura l-provi fil-fajl, peress li dawn ma setgħux iwasslu għad-deċiżjoni, fil-punti 61 u 77 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm ebda raġuni li tattesta li l-Bord tal-Għażla ma kienx ħa inkunsiderazzjoni n‑natura freelance tax-xogħol ta’ FE.

69

Kif issostni FE, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova dwar kwalunkwe kalkolu min-naħa tal-Bord tal‑Għażla tal-esperjenza professjonali ta’ FE li tippermetti li jiġi kkonstatat li huwa la kkalkola effettivament din l-esperjenza f’termini ta’ xogħol full-time, possibbilment b’metodu differenti minn dak użat mill‑Awtorità tal-Ħatra, u lanqas evalwa din l-esperjenza abbażi ta’ kriterji oħra, pereżempju dawk li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku espona fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi mressqa quddiemha, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jirriżulta manifestament mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi (ara s‑sentenza tal-4 ta’ Lulju 2014, Kimman vs Il-Kummissjoni, T-644/11 P, EU:T:2014:613, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, minkejja li l-Kummissjoni tinvoka żnaturament tal-proċess, fir-realtà hija tfittex li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ tal‑qorti ta’ appell.

71

It-tielet ilment tat-tielet parti huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fil-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punti 57 sa 61 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-Bord tal-Għażla ma kellux l-obbligu li japplika l-kriterju ta’ konverżjoni ta’ paġni tradotti f’jiem ta’ xogħol, kif applikat mill-Awtorità tal-Ħatra. Skont il-Kummissjoni, ix-xogħol invokat minn FE kien effettivament xogħol ta’ traduzzjoni.

72

Skont FE, din il-parti hija inammissibbli. Dwar il-mertu, hija ssostni li, fin-nuqqas ta’ regoli preċiżi fl-avviż ta’ kompetizzjoni u fil-gwida għall‑kandidati, il-Bord tal-Għażla seta’ japplika l-kriterji għall-eżami tat-tul ta’ esperjenza professjonali li huwa stess kien stabbilixxa għal dan l-għan.

73

Dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Kif ġie deċiż fil-punt 35 iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi billi ddeċieda, fil‑punt 56 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Għażla ma kellux l‑obbligu li jikkalkola t-tul tal-esperjenza professjonali f’termini ta’ xogħol full-time.

74

Madankollu, għandu jiġi speċifikat li, fil-kuntest tal-kundizzjoni għall‑ammissjoni hekk iddefinita, il-Bord tal-Għażla kien liberu li japplika kull metodu ta’ kalkolu li jippermettilu jikkalkola l-perijodu tal-esperjenza professjonali ta’ FE f’termini ta’ xogħol full-time. Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju ta’ konverżjoni ta’ paġni tradotti f’jiem ta’ xogħol huwa obbligatorju ma jistax jintlaqa’.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok, minn naħa, li l-ewwel u t-tieni parti kif ukoll l-ewwel ilment tat-tielet parti jiġu milqugħa, u min-naħa l-oħra, li t-tieni u t-tielet ilment tat-tielet parti tal-ewwel aggravju jiġu miċħuda, bħala li huma inammissibbli u infondati rispettivament.

76

L-iżbalji ta’ liġi kkonstatati fil-punti 35, 47, 62, 65 u 67 iktar ’il fuq ma jippermettux madankollu l-annullament tas-sentenza appellata inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ wkoll it-tieni motiv invokat minn FE fl-ewwel istanza b’mod sussidjarju, billi ddeċieda li l-Awtorità tal-Ħatra kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni (punti 83 sa 94 tas-sentenza appellata).

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-konklużjoni li l-Awtorità tal-Ħatra kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni

77

Fil-punti 91 sa 93 tas-sentenza appellata, li fihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda dwar it-tieni motiv ibbażat b’mod partikolari fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal‑Awtorità tal-Ħatra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l‑metodu ta’ kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali applikat mill‑Awtorità tal-Ħatra “ma kienx imniżżel fil-[Komunikazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni SEC (2004), 638, tal-25 ta’ Mejju 2004, dwar il-bżonnijiet f’termini ta’ traduzzjoni] bħala kriterju mandatarju ta’ selezzjoni għall-ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni intiża b’mod speċifiku għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti”, “ma kienx jinsab fl‑avviż ta’ kompetizzjoni”, “lanqas ma kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni aċċessibbli jew neċessarjament magħrufa mill-Bord tal-Għażla jew mill‑kandidati kkonċernati”, “ma jikkorrispondix għall-kriterji użati mis‑servizzi ta’ traduzzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra li għandhom aċċess għal‑lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni għar-reklutaġġ, jekk ikun il-każ, tal-ġuristi lingwisti tagħhom” u għalhekk dan ma kienx “komuni għall‑istituzzjonijiet tal-Unjoni”. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li l-Awtorità tal-Ħatra “ma setgħetx tuża metodu ta’ kalkolu esklużivament intern għall-Kummissjoni u konsegwentement mhux interistituzzjonali, li jirriżulta għalhekk irrilevanti, peress li dan il-każ jinvolvi r-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti, u mhux vinkolanti fil-konfront ta’ persuni esterni għall‑istituzzjoni”.

78

Fil-punt 93 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda għalhekk li l-analiżi tal-Kummissjoni, “anki jekk tiġi preżunta possibbli, ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni legali rilevanti u direttament infurzabbli fil-konfront [ta’ FE] u tikkostitwixxi, għalhekk, żball manifest min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra, li faċilment jista’ jiġi skopert mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”, u laqa’ t-tieni motiv invokat minn FE quddiemha.

79

Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ previżjoni fl-avviż ta’ kompetizzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ esperjenza professjonali ma jistax jipprekludi lill-Bord tal-Għażla milli japplikah. Barra minn hekk, il-problema eventwali tan-nuqqas ta’ osservanza tal‑kundizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali tista’ tkun invokata sal-mument tar-reklutaġġ. Addizzjonalment, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterji ta’ kalkolu jmur manifestament kontra r-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati. Fl-aħħar nett, il-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija kontradittorja, u għalhekk tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu fil-punt 93 tas-sentenza appellata huwa rrikonoxxa li l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ konverżjoni tal-Kummissjoni setgħet titqies bħala “possibbli”, li fis-sens tal‑ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, teskludi tali żball.

80

FE teċepixxi li, fin-nuqqas ta’ metodu ta’ kalkolu fid-dispożizzjonijiet rilevanti, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu japplikaw dawn il-metodi arbitrarji u mhux trasparenti, filwaqt li l-Bord tal-Għażla huwa marbut b’dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, in-natura interna jew interistituzzjonali tar-regola ta’ konverżjoni hija irrilevanti għall‑evalwazzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata li hija bbażata fuq infurzabbiltà ta’ din ir-regola. Fl-aħħar nett, ir-riferiment għan‑natura “possibbli” tal-analiżi tal-esperjenza professjonali ta’ FE huwa fattur retoriku li jindika n-natura purament ipotetika tal-preżunzjoni kif ukoll tan-natura superfluwa tal-argumenti l-oħra mressqa minn FE fit‑tieni motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

81

Għandu jiġi rrilevat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża l‑konklużjoni tiegħu li tgħid li l-Awtorità tal-Ħatra kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq il-konstatazzjoni li l-metodu ta’ kalkolu użat minn din tal-aħħar, jiġifieri l-kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali skont ratio ta’ ħames paġni ta’ traduzzjoni kuljum (ara l-punt 90 tas-sentenza appellata), minn naħa, ma huwa bbażat fuq ebda dispożizzjoni legali magħrufa u min-naħa l-oħra, ma kienx komuni għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni. Fil-fatt, għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu kienet tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan kien esklużivament intern għall-Kummissjoni u, bħala tali, la kien rilevanti u lanqas vinkolanti għal persuni esterni għall-Kummissjoni, bħal FE (punt 92 tas-sentenza appellata).

82

Min-naħa l-oħra, fil-punti 86 u 94 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex fuq il-kwistjoni dwar jekk l‑evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali ta’ FE mill-Awtorità tal-Ħatra tistax tkun aċċettata bħala plawżibbli (punt 93 tas-sentenza appellata), u pprefera jillimita l-eżami tiegħu għall-konstatazzjoni li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Awtorità tal-Ħatra ma kienx infurzabbli kontra FE. Madankollu, b’tali konklużjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex effettivament dwar l-ilment ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda pjuttost dwar l-ilment tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

83

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, sabiex jiġi stabbilit li twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jkun ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, huwa neċessarju li jintwera li l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex plawżibbli.

84

Peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda fil-punt 93 tas‑sentenza appellata, li l-Awtorità tal-Ħatra kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni mingħajr ma ddeċieda dwar in-natura plawżibbli jew le tal-analiżi magħmula minn din tal-aħħar tal-esperjenza professjonali ta’ FE, huwa kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fl‑Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

85

Fit-tieni lok, dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat, kif għamel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li avviż ta’ kompetizzjoni jitlef l-għan tiegħu, li huwa dak li jinforma lill-kandidati dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw sabiex jiġu ammessi, jekk l-amministrazzjoni tkun tista’ teskludi kandidat għal raġuni li ma tinsabx espressament fl-imsemmi avviż jew fir-Regolamenti tal-Persunal, jew li ma kinitx is-suġġett ta’ pubblikazzjoni (ara, f’dan is‑sens, fir-rigward tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il-Kummissjoni, F-113/07, EU:F:2011:44, punt 74, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Moschonaki vs Il‑Kummissjoni, F-55/10 RENV, EU:F:2014:235, punt 42).

86

Madankollu, għalkemm dan ir-rekwiżit jipprekludi l-użu, fil-konfront ta’ kandidat għal kompetizzjoni, ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni li ma tinsabx, b’mod partikolari, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga l-Awtorità tal-Ħatra tispjega, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, anki l-metodu jew metodi ta’ kalkolu differenti possibbli għall-evalwazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet għall-ammissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali interpretazzjoni tneħħi kważi għalkollox is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla fl‑evalwazzjoni tal-osservanza tal-kriterji previsti mill-imsemmi avviż ta’ kompetizzjoni.

87

Għalhekk, ma jistax jitqies li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

88

Fil-kontroreplika, FE ssostni li, kuntrarjament għall-każ ineżami, l-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni (T-293/03, EU:T:2006:37), kien jinkludi deskrizzjoni espliċita u fid-dettall tan-natura tal-esperjenza professjonali meħtieġa kif ukoll tal-postijiet ta’ xogħol li bihom tista’ tinkiseb. Barra minn hekk, din is-sentenza tikkonferma li huwa l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, bis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li għandu jevalwa jekk il-kandidati jissodisfawx il-kundizzjonijiet. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra ma tat ebda indikazzjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ma jistgħux jiġu kkontestati sussegwentement mill-Awtorità tal‑Ħatra abbażi ta’ kriterji li ma kienx marbut bihom il-Bord tal-Għażla.

89

Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan l-aggravju jirrigwarda r-rilevanza u l-infurzabbiltà ta’ metodu ta’ kalkolu użat mill-Awtorità tal‑Ħatra f’dan il-każ u mhux il-kwistjoni tas-setgħa diskrezzjonali li l‑Bord tal-Għażla eżerċita fil-kuntest tal-kundizzjonijiet għall‑ammissjoni previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l‑metodu ta’ kalkolu użat mill-Awtorità tal-Ħatra la kien rilevanti u lanqas infurzabbli f’dan il-każ u li billi applikatu, din tal-aħħar kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

91

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’.

Fuq l-annullament parzjali tas-sentenza appellata

92

Peress li l-ewwel parti, it-tieni parti u l-ewwel ilment tat-tielet parti tal‑ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju ġew iddikjarati fondati, jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex il-kompetenza sabiex tadottaha u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens lil FE, li kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni tagħha li l-eżami tal-ewwel motiv invokat wera li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’illegalità (ara l‑punt 121 tas-sentenza appellata), ma għandhiex bażi ġuridika.

94

Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tielet aggravju, hemm lok li l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jiġu annullati.

95

Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok li jiġi annullat il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li permezz tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad il-kumplament tar-rikors ta’ FE, peress li din id-deċiżjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-ewwel parti, it-tieni parti u l-ewwel ilment tat-tielet parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju ġew iddikjarati fondati.

96

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata, id‑deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq l-ispejjeż, u għaldaqstant, il-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, għandhom jiġi annullati wkoll.

Fuq ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza

97

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it‑trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl‑ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal‑persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), meta l-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku u tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, l-awla li tiddeċiedi dwar l‑appell għandha hija stess tiddeċiedi dwar il-kawża. Dan huwa l-każ inkwistjoni.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, fid-dawl tal-fatt li s-sentenza appellata hija annullata biss sa fejn hija vvizzjata bl-iżbalji kkonstatati fil-punti 35, 47, 62, 65, 67 u 90 iktar ’il fuq, li jirrigwardaw l‑allegazzjonijiet invokati fl-ewwel u fit-tieni motivi fl-ewwel istanza u bbażati fuq l-inkompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l‑evalwazzjonijiet l-oħra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku saru definittivi.

99

B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan l-appell, ma ġietx ikkontestata b’mod espliċitu l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tinsab fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li t-talbiet għal annullament ta’ FE magħmula kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu, u għaldaqstant, għandhom jitqiesu li huma formalment diretti kontra d‑deċiżjoni kkontestata, kif spjegat mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. L‑istess japplika fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku li tinsab fil-punti 101 sa 109 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha huwa ċaħad it-tielet motiv invokat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli.

100

Għaldaqstant, hemm lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir‑rikors inizjalment ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minn FE billi tiddeċiedi dwar l-ilmenti tat-tieni motiv u tar‑raba’ motiv, li ma ġewx eżaminati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

101

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, mill-analiżi tal-ewwel aggravju invokat fil-kuntest ta’ dan l-appell, jirriżulta li f’dan il-każ, il-kundizzjoni għall‑ammissjoni tat-tul minimu tal-esperjenza professjonali preċedenti għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal perijodu ta’ xogħol imwettaq fuq bażi full-time u li qabel ma tirrekluta lil FE, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l‑obbligu li tivverifika jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan.

102

Barra minn hekk, il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu tal-esperjenza professjonali preċedenti ma kienx previst fl-avviż ta’ kompetizzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li jeħles lill-Bord tal-Għażla minn kull kalkolu tat-tul tal-imsemmija esperjenza. f’termini ta’ xogħol full-time.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi eżaminat il-fajl ta’ FE qabel ir-reklutaġġ tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tosserva li x-xogħol ta’ ġurista lingwista freelance invokat minnha kien jirrappreżenta kważi n-nofs tal‑esperjenza professjonali tagħha (15-il xahar fuq total ta’ 31 xahar) u kważi żewġ terzi tal-perijodu minimu ta’ 24 xahar meħtieġ, li matul dan il-perijodu FE kienet ittraduċiet 721 paġna u li b’mod parallel ma’ parti minn dan ix-xogħol, hija segwiet kors ta’ studju (ara l-punti 11, 19, 78 u 79 tas‑sentenza appellata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l‑Awtorità tal-Ħatra setgħet b’mod validu tivverifika t-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti ta’ FE.

104

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni motiv invokat minn FE fl‑ewwel istanza b’mod sussidjarju, u l-ewwel nett dwar l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, għandu jiġi osservat li l-metodu ta’ kalkolu li jikkonsisti fil-kwantifikazzjoni tax-xogħol imwettaq abbażi tan-numru ta’ paġni tradotti huwa użat b’mod ġenerali fil-qasam tat-traduzzjoni, u dan kemm mill-istituzzjonijiet kif ukoll mis-settur privat, peress li jitqies bħala l-iktar wieħed oġġettiv. B’mod partikolari, huwa użat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż fir-rigward tal-ġuristi lingwisti, kif ukoll għall-ħlas ta’ servizzi ta’ traduzzjoni freelance. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ordnijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentati minn FE jsemmu bħala kompitu t-“traduzzjoni ta’ dokument”, it-terminu previst għal dan, in-numru ta’ paġni tad-dokument kkonċernati, il-prezz għal kull paġna u l-ammont totali li jrid jitħallas. Barra minn hekk, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku mkien ma kkonstata li, sabiex tipprova l-esperjenza tagħha ta’ “ġurista lingwista freelance”, FE kellha tippreżenta provi li juru li f’dan ir-rigward hija wettqet kompiti oħra għall-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għajr dawk tat-traduzzjoni ta’ dokumenti ġuridiċi.

105

Barra minn hekk, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra użat il-kriterju ta’ numru ta’ paġni tradotti kuljum skont ir-ratio użat mis-servizzi ta’ traduzzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri ħames paġni għal kull ġurnata ta’ xogħol, ma jistax jitqies bħala manifestament żbaljat fih innifsu.

106

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla u dik tal-Awtorità tal-Ħatra f’dan il-każ ma għandhomx l-istess portata. Minkejja li l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet twassal għall‑ammissjoni jew le ta’ kandidat għal kompetizzjoni, dik tal-Awtorità tal-Ħatra hija limitata għar-reklutaġġ potenzjali ta’ kandidat li għadda minn kompetizzjoni minn istituzzjoni partikolari. Għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 62 sa 72 tas-sentenza appellata, fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina “is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra li tneħħi lil [FE] mil-lista ta’ riżerva ta’ kandidati li għaddew għal kompetizzjoni”, skont ġurisprudenza stabbilita bbażata fuq il-prinċipju ta’ indipendenza tal-bordijiet tal-għażla, l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex setgħa li tannulla jew tibdel deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni (sentenzi tal-20 ta’ Frar 1992, Il-Parlament vs Hanning, C-345/90 P, EU:C:1992:79, punt 22, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Luxem vs Il‑Kummissjoni, T-306/04, EU:T:2005:326, punti 2224). Barra minn hekk, peress li FE tixtieq tkun irreklutata mill-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ metodu interistituzzjonali ġeneralment applikabbli jew ta’ indikazzjonijiet dwar kalkolu plawżibbli min-naħa tal-Bord tal-Għażla, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni kienet korretta meta applikat il-metodu ta’ kalkolu ġeneralment użat internament fil-qasam ta’ traduzzjoni.

107

Barra minn hekk, rigward l-ispjegazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sens li dan il-każ jirrigwarda t-traduzzjoni b’mod speċifiku ta’ testi ġuridiċi jew il-verifika tal-konkordanza lingwistika ta’ testi ġuridiċi (punt 90 tas‑sentenza appellata), għandu jiġi osservat li FE ma pproduċiet ebda prova li turi li, abbażi ta’ kalkolu li japplika ratio ieħor ta’ paġni tradotti kuljum, użat b’mod partikolari fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija setgħet tissodisfa l-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti minima ta’ sentejn.

108

Għandu jiġi konkluż li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Awtorità tal-Ħatra ma huwiex irraġonevoli u li FE ma wrietx li, b’metodu ta’ kalkolu ieħor, l‑Awtorità tal-Ħatra setgħet tasal għal deċiżjoni differenti. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu ma tistax titqies bħala manifestament żbaljata.

109

Fl-aħħar nett, l-argument li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat, li l-prattika li għamlet FE mal-uffiċċju legali W. fi Brussell kienet damet xahrejn u mhux tliet xhur, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l‑Awtorità tal-Ħatra kienet effettivament wettqet dan l-iżball, din il-konklużjoni ma tistax tibdel id-deċiżjoni tagħha li FE ma tissodisfax il-kundizzjoni għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

110

It-tieni nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment invokat minn FE fl‑ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament. Fil-fatt, FE ma wrietx li s-sitwazzjoni tagħha dak iż-żmien kienet differenti minn dik ta’ tradutturi li jaħdmu għall-istituzzjonijiet oħra jew li jittraduċu għal lingwi oħra għajr il-Pollakk.

111

It-tielet nett, fl-ewwel istanza, FE ssostni ukoll li, billi applikat il-prinċipju li l-esperjenza professjonali tagħha kellha tikkorrispondi għal xogħol full-time, l-Awtorità tal-Ħatra kienet kisret l-avviż ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan l-avviż ma kien ipprovda ebda rekwiżit dwar il-prestazzjoni jew il-produzzjoni tal-kandidati, jew standards bħal dawk applikati mill-Awtorità tal-Ħatra. Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-motivi esposti b’mod partikolari fil-punti 29 u 86 ta’ din is-sentenza.

112

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-raba’ motiv invokat fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-illegalità tal-kundizzjoni għall-ammissjoni fil‑kompetizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali, FE ssostni, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, li din il-kundizzjoni għall‑ammissjoni li tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu avviżi ta’ kompetizzjoni oħra għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti ma jipprovdu ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip.

113

Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud, prinċipalment bħala inammissibbli u sussidjarjament bħala infondat.

114

Fil-punt 112 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li peress li l-ewwel motiv għall-annullament ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra ntlaqa’, ma kienx għad hemm lok li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv. Barra minn hekk, huwa spjega li, “ladarba fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla, ġie stabbilit li l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li [FE] tkun ammessa għall‑kompetizzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali peress li din id-deċiżjoni ma kienx fiha żball manifest, l-eventwali illegalità ta’ din il-kundizzjoni għall-ammissjoni ma tagħtix lok għal dannu personali addizzjonali li għandu jkun ikkumpensat favur [FE]”.

115

Hija ġurisprudenza stabbilita li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, li hija operazzjoni amministrattiva kumplessa komposta minn sensiela ta’ deċiżjonijiet, kandidat għal kompetizzjoni jista’, f’azzjoni li tkun tressqet kontra att sussegwenti, jinvoka l-irregolarità ta’ atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib miegħu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C-448/93 P, EU:C:1995:264, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), u jinvoka, b’mod partikolari, l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni li abbażi tiegħu ttieħed l-att inkwistjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il‑Kummissjoni, T-60/92, EU:T:1993:74, punt 23 u tal-5 ta’ Diċembru 2012, BA vs Il-Kummissjoni, F-29/11, EU:F:2012:172, punt 39).

116

Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni jseħħ meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkunu juru ebda differenzi essenzjali, jiġu ttrattati b’mod differenti u meta tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament. Fl-adozzjoni tar‑regoli applikabbli, b’mod partikolari, fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, il-leġiżlatur għandu josserva l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T-104/14 P, EU:T:2015:776, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni skont l-interessi tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2001, Van Huffel vs Il‑Kummissjoni, T-142/00, EU:T:2001:268, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament mill‑avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li ċerti kompetizzjonijiet oħra intiżi għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti, organizzati, inċidentalment, wara l-kompetizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, ma jipprovdux l-istess kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali minima bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

118

Barra minn hekk, FE ma wrietx li, mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal‑interess tas-servizz, il-kandidati tal-kompetizzjoni inkwistjoni jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-kandidati tal-kompetizzjonijiet oħra għar-reklutaġġ tal-imsemmija ġuristi lingwisti.

119

Għaldaqstant, l-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni ma jiksirx il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

120

Fir-raba’ lok, rigward it-talba kumpensatorja, għandu jitfakkar li, meta d-dannu invokat mir-rikorrent ikun joriġina mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ talbiet għal annullament, iċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet għal annullament jimplikaw, bħala regola, iċ-ċaħda tat-talbiet għad-danni, peress li dawn tal-aħħar huma marbuta mill-qrib magħhom (ara s‑sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, Andres et vs BĊE, F-15/10, EU:F:2013:194, punt 420 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, li d-dannu invokat minn FE joriġina mill‑allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Awtorità tal-Ħatra u li t-talbiet għal annullament ġew miċħuda. Konsegwentement, it-talba kumpensatorja ta’ FE għandha tiġi miċħuda.

122

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li r-rikors fl-ewwel istanza għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

123

Skont l-Artikolu 211(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell huwa fondat u l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 134(1) tar‑Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 211(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, mill-Artikolu 211(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, f’appelli ppreżentati mill-istituzzjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom isostnu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 135(2) tal-istess regoli.

124

F’dan il-każ, hemm lok li l-Kummissjoni u FE jiġu kkundannati jbatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tal-appell. Fir-rigward tal-proċedura tal-ewwel istanza, peress li FE tilfet it-talbiet kollha tagħha u l-Kummissjoni talbet li FE tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li FE tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punti 1, 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas‑6 ta’ Ottubru 2015, FE vs Il-Kummissjoni (F-119/14), huma annullati.

 

2)

Ir-rikors ippreżentat minn FE quddiem it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fil-Kawża F-119/14 huwa miċħud.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-appell.

 

4)

FE hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inkluż l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Jaeger

Prek

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.