SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fil-konfront tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni – Bażi legali – Bażi fattwali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għall-proprjetà – Dritt għar-reputazzjoni – Proporzjonalità – Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dik iggarantita fl-Unjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża T‑731/15,

Sergiy Klyuyev, residenti f’Donetsk (l-Ukraina), irrappreżentat minn R. Gherson, T. Garner, solicitors, B. Kennelly, QC, u J. Pobjoy, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn Á. de Elera-San Miguel Hurtado u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE għal annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1781 tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2015, L 259, p. 23) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1777 tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 259, p. 3), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318/PESK tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 76), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311 tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 1), u t-tielet nett, id-Deċiżjoni (PESK) 2017/381 tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374 tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrenti kien inżamm fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, D. Spielmann u Z. Csehi, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina wara r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet fil-Pjazza tal-Indipendenza f’Kiev (l-Ukraina).

2

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar il-miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, ċerti entitajiet u ċerti korpi fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1).

3

Ir-rikorrent, Sergiy Klyuyev, huwa negozjant Ukrain kif ukoll ħu Andriy Klyuyev, l-ex kap tal-amministrazzjoni tal-President Ukrain. Huwa membru wkoll tal-Verkhovna Rada (il-Parlament Ukrain).

4

Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 jippreċiżaw:

“(1)

Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna f’termini l-aktar qawwija kull użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa appella għal tmiem immedjat tal-vjolenza fl-Ukraina, u għar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa appella lill-Gvern tal-Ukraina sabiex jeżerċita trażżin massimu u lill-kapijiet tal-oppożizzjoni sabiex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

(2)

Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

5

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi li:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

6

Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti tal-istess artikolu.

7

Skont id-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet għal dan l-iffriżar f’termini li huma, essenzjalment, identiċi ma’ dawk tad-deċiżjoni imsemmija.

8

L-ismijiet tal-persuni kkonċernati mid-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 jidhru fil-lista, identika, li tidher fl-anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014 (iktar ’il quddiem il-“lista”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni għall-inklużjoni tagħhom.

9

L-isem tar-rikorrent jidher fil-lista flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “negozjant, ħu [Andriy Klyuyev]” u l-motivazzjoni li ġejja:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali fl-Ukraina dwar investigazzjoni ta’ reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat taħt ir-referenza T‑341/14, li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament Nru 208/2014, sa fejn jirrigwardawh.

11

Fit-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1).

12

Id-Deċiżjoni 2015/143 ippreċiżat, mill-31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji ta’ indikazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(c) tad-Deċiżjoni 2014/119 kien inbidel b’dan it-test li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)

għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)

għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

13

Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

14

Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 kienu ġew ulterjorment emendati, rispettivament, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, (ĠU 2015, L 62, p. 25), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1). Id-Deċiżjoni 2015/364 emendat l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet il-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrenti, sas-6 ta’ Ġunju 2015. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 konsegwentement issostitwixxa l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

15

Permezz tad-Deċiżjoni 2015/364 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357, l-isem tar-rikorrent kien inżamm fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ħu [Andriy Klyuyev], negozjant” u l-motivazzjoni ġdida li ġejja:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni għal involviment fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u fl-abbuż tal-uffiċċju pubbliku bħala persuna b’kariga pubblika sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b’hekk ikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi Ukreni. Persuna assoċjata ma’ persuna identifikata (Andrii Petrovych Kliuiev) soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

16

Fil-5 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/876, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 142, p. 30), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/869, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 142, p. 1). Id-Deċiżjoni 2015/876, minn naħa, issostitwixxiet l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119 billi estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Ottubru 2015, u, min-naħa l-oħra, emendat l-anness ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/869 emenda l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

17

Permezz tad-Deċiżjoni 2015/876 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/869, l-isem tar-rikorrent inżamm fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ħu [Andriy Klyuyev], negozjant” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni għal involviment fil-miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Persuna assoċjata ma’ persuna deżinjata (Andrii Petrovych Kliuiev) soġġetta għal proċedimenti kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

18

B’ittra tal-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent ittra, iddatata s-26 ta’ Ġunju 2015 [kunfidenzjali] ( 2 ). F’din l-ittra, il-Kunsill informa lir-rikorrent li kien fi ħsiebu jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu filwaqt li ppreċiża li kien iffissa terminu sabiex jippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

19

Fil-5 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1781, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 259, p. 23), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1777, li jimplementa r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 259, p. 3) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Ottubru 2015”). Id-Deċiżjoni 2015/1781, minn naħa, issostitwixxiet l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119 billi estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2016, u, min-naħa l-oħra, emendat l-anness ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1777 għalhekk emenda l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

20

Permezz tad-Deċiżjoni 2015/1781 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1777, l-isem tar-rikorrent kien inżamm fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ħu [Andriy Klyuyev], negozjant” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għal involviment fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi. Persuna assoċjata ma’ persuna indikata (Andrii Petrovych Kliuiev) soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

21

B’ittra tat-6 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill kien bagħat lill-avukati tar-rikorrent kopja tal-atti ta’ Ottubru 2015, fejn informahom biż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista u wieġeb għall-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittra ddatata l-31 ta’ Awwissu 2015. Barra minn hekk, il-Kunsill annetta ma’ din l-ittra ittra oħra [kunfidenzjali] iddatata t-3 ta’ Settembru 2015.

Fatti li seħħew wara l-preżentazzjoni tar-rikors ineżami

22

B’ittra tat-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent ittra [kunfidenzjali] iddatata l-1 ta’ Diċembru 2015, fejn indikalu liema kien it-terminu stabbilit sabiex jippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

23

Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill (T‑341/14, EU:T:2016:47), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

24

Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/318, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2016”).

25

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2016, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, sas-6 ta’ Marzu 2017, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tiegħu kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Ottubru 2015.

26

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar iż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Huwa wieġeb ukoll għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula f’korrispondenzi preċedenti u bagħatlu l-atti ta’ Marzu 2016.

27

B’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill informa lill-avukati tar-rikorrent li kien beħsiebu jġedded il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar u annetta żewġ ittri [kunfidenzjali], waħda bid-data tat-25 ta’ Lulju 2016 u l-oħra ddatata s-16 ta’ Novembru 2016 (iktar’ il quddiem l-“ittri tas-25 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Novembru 2016”), filwaqt li fakkar x’kienet l-iskadenza biex jippreżenta osservazzjonijiet għall-eżami mill-ġdid annwali tal-miżuri restrittivi. Ir-rikorrent ippreżenta dawn l-osservazzjonijiet lill-Kunsill b’ittra tat-12 ta’ Jannar 2017.

28

Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/381, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2017, L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2017, L 58, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2017”).

29

Permezz tal-atti ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, sas-6 ta’ Marzu 2018, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tiegħu kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Ottubru 2015 u ta’ Marzu 2016.

30

Permezz ta’ ittra tal-6 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Huwa wieġeb ukoll għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula f’korrispondenza preċedenti u bagħatlu l-atti ta’ Marzu 2017. Huwa indika wkoll it-terminu sabiex jagħmel osservazzjonijiet qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk jinżammx ismu fil-lista.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-12 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

32

Fid-9 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill ippreżenta risposta. Fl-istess ġurnata, huwa ressaq talba motivata, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiġi ddikjarat li l-kontenut ta’ ċerti annessi tar-rikors kif ukoll dak ta’ anness mar-risposta ma kinux iċċitati fid-dokumenti relatati ma’ dan il-każ li għalihom kellu aċċess il-pubbliku.

33

Ir-replika ġiet ippreżentata fit-29 ta’ April 2016.

34

Fit-13 ta’ Mejju 2016, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent ppreżenta l-ewwel nota ta’ adattament sabiex jitlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, sa fejn kienu jirrigwardawh.

35

Il-kontroreplika kienet ġiet ippreżentata fis-27 ta’ Ġunju 2016.

36

Fil-5 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet dwar l-ewwel nota ta’ adattament.

37

Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-11 ta’ Lulju 2016.

38

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

39

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

40

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

41

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent talab sabiex is-seduta ta’ smigħ stabbilita għall-6 ta’ April 2017 tiġi ddifferita. Fl-1 ta’ Marzu 2017, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba u ddeċieda li jiddifferixxi s-seduta għall-18 ta’ Mejju 2017.

42

Fit-4 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta t-tieni nota ta’ adattament, sabiex jitlob l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn dawn kienu jikkonċernawh.

43

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-8 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill talab, minn naħa, estensjoni tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet dwar it-tieni nota ta’ adattament u, min-naħa l-oħra, fejn xieraq, id-differiment tas-seduta iffissata għat-18 ta’ Mejju 2017. Fl-10 ta’ Mejju 2017, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jiddifferixxi s-seduta għat-28 ta’ Ġunju 2017.

44

Fis-14 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni nota ta’ adattament.

45

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-15 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent talab, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiddaħħal fil-proċess kopja tad-deċiżjoni [kunfidenzjali], tal-5 ta’ Marzu 2016, għas-sospensjoni [kunfidenzjali].

46

Fit-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ippreżenta talba analoga għal dak imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, intiża sabiex il-kontenut ta’ ċerti annessi fit-tieni nota ta’ adattament u dak tal-osservazzjonijiet dwar din in-nota ma jiġux ċċitati fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.

47

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-23 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill eċċepixxa l-inammissibbiltà tal-produzzjoni ta’ prova tal-appellant billi kienet tardiva.

48

Il-partijiet kienu nstemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom u fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tad-28 ta’ Ġunju 2017.

49

Wara l-ewwel u t-tieni adattamenti tar-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti ta’ Ottubru 2015, ta’ Marzu 2016 u ta’ Marzu 2017, sa fejn dawn jikkonċernawh;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

50

Wara l-kjarifiki mogħtija waqt is-seduta, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill jitlob lil din tal-aħħar jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

sussidjarjament, jekk l-atti ta’ Marzu 2017 ikollhom jiġu annullati sa fejn għandu x’jaqsam l-applikant, tordna ż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381 sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Fid-dritt

Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Ottubru 2015 u ta’ Marzu 2016, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent

51

Insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament, fir-rikors, ir-rikorrent invoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-raba’, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata u, il-ħames, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-reputazzjoni. Waqt l-ewwel adattament tar-rikors, huwa invoka wkoll, kontra l-atti ta’ Marzu 2016, motiv li huwa identifika bħala ġdid u li jirrigwarda ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6 TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3 TUE, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

52

Sussidjarjament, ir-rikorrent qajjem eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, jiġifieri li l-kriterju ta’ klassifikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/138 (iktar ’il quddiem il-“kriterju rilevanti”), li huwa nieqes minn bażi legali xierqa jew huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxija mill-atti inkwistjoni, jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tiegħu.

53

Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, sussegwentement l-ewwel motiv u l-motivi l-oħra fl-ordni li tidher fir-rikors, imbagħad il-motiv imqajjem fl-ewwel l-adattament tar-rikors u, fl-aħħar nett, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent sussidjarjament.

[omissis]

Fuq it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

86

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-kriterju rilevanti kien ġie ssodisfatt fir-rigward tiegħu. F’dan ir-rigward, jallega li d-dikjarazzjonijiet [kunfidenzjali], li l-Kunsill kien aċċetta mingħajr analiżi minn qabel u mingħajr ma ttieħed kont tal-ineżattezzi irrilevati mir-rikorrent, ma jikkostitwixxux bażi fattwali soda biżżejjed għal dan il-għan, minkejja li huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa fil-konfront tar-rikorrent, filwaqt li tqiesu l-osservazzjonijiet u l-evidenza li jiskaġunawh mressqa minnu. Fil-fehma tiegħu, il-Kunsill kellu jwettaq verifiki addizzjonali kif ukoll jitlob il-komunikazzjoni ta’ provi addizzjonali mingħand l-awtoritajiet tal-Istat terz. Dan jgħodd iktar u iktar fil-każ ta’ estensjoni tal-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda prova li r-rikorrent huwa “assoċjat” b’xi mod ma’ ħuh, Andriy Klyuyev, u li dan kien identifikat bħala responsabbli ta’ miżapproprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi. Il-fatt li huwa membru tal-familja tiegħu ma jkunx biżżejjed. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill issuġġettah għal sensiela ta’ miżuri restrittivi għal perijodu qasir mhux tas-soltu u b’hekk juri t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-mezzi ta’ prova meħtieġa sabiex jiġġustifika miżuri itwal.

87

L-ewwel nett, skont ir-rikorrent, l-ittri tas-26 ta’ Ġunju u tat-3 ta’ Settembru 2015, fir-rigward tal-atti ta’ Ottubru 2015, u l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2015, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2016, [kunfidenzjali], huma l-uniċi provi prodotti mill-Kunsill u li dawn ma humiex, min-naħa tagħhom, sostnuti minn provi oħra speċifiċi u konkreti. Il-Kunsill barra minn hekk lanqas ma ressaq il-prova li l-fatti allegati [kunfidenzjali] f’dawn l-ittri setgħu ipoġġu fid-dubju l-istat tad-dritt fl-Ukraina.

88

Ir-rikorrent isostni li, skont il-ġurisprudenza, filwaqt li l-eżistenza ta’ investigazzjoni għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi mwettqa minn awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat terz tista’ tkun suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ klassifikazzjoni, jibqa’ jkun hemm il-bżonn li din l-investigazzjoni tkun f’kuntest ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, [kunfidenzjali] ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “awtorità ġudizzjarja”. Skont ir-rikorrent, jekk dan il-kriterju jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’, minn naħa, il-persuna kkonċernata tkun imċaħħda mill-garanziji essenzjali riżultanti mill-involviment ta’ awtorità ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, dan ikun ekwivalenti għat-trasferiment lill-awtoritajiet nazzjonali Ukraini tas-setgħa li jagħżlu skont id-diskrezzjoni tagħhom il-persuni li għandhom jiġu koperti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni [kunfidenzjali].

89

B’mod partikolari, sabiex jiġi ppruvat li l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tat-3 ta’ Settembru 2015, li ma hijiex differenti minn dik tal-26 ta’ Ġunju 2015, kienet inadegwata, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq opinjoni legali minn professur tad-dritt fl-Università ta’ Kiev, li qal li l-prosekuzzjonijiet kontra r-rikorrent ma humiex ġustifikabbli. Abbażi ta’ opinjoni legali oħra mogħtija minn professur tad-dritt ieħor, ir-rikorrent isostni wkoll li [kunfidenzjali] wettaq ksur serju tad-drittijiet proċedurali tiegħu fil-kuntest ta’ [kunfidenzjali], fatt li ma jippermettix, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ukrain, li jiġi kklassifikat bħala persuna suġġetta għal “proċedura kriminali”. Skont ir-rikorrent, dawn il-pariri fihom provi oġġettivi u ddettaljati li kienu faċilment verifikabbli mill-Kunsill.

90

Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza numru ta’ ineżattezzi u dikjarazzjonijiet foloz maħruġa minn [kunfidenzjali], fir-rigward tal-investigazzjonijiet li jikkonċernawh, li jqajmu dubji dwar l-affidabbiltà tiegħu. F’sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) osservat, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent fl-Awstrija, li l-akkużi mqajma fir-rigward ta’ dan tal-aħħar mill-awtoritajiet Ukraini ma kinux issostanzjati biżżejjed u dehru li kienu ibbażati fuq preżunzjonijiet. Dan ġie kkonfermat minn ittra mill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Vjenna, bid-data tat-4 ta’ April 2016, li ddikjara it-tmiem tal-prosekuzzjoni fir-rigward tar-rikorrent.

91

Barra minn hekk, rapport relatat ma’ inkjesta indipendenti dwar l-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrent u tal-kumpannija kkonċernata mill-proċedura kriminali tikkonfuta l-akkużi kollha magħmula minn [kunfidenzjali]. Bl-istess mod, ir-rapport ta’ awditu ta’ attivitajiet finanzjarji u kummerċjali ta’ din il-kumpannija, fit-28 ta’ Lulju 2014, magħmul mill-Ispettorat Finanzjarju tal-Istat (IFI) tal-Ukraina għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u s-17 ta’ Ġunju 2014, ma jsemmi l-ebda ksur tal-leġiżlazzjoni u lanqas xi mġiba ħażina mwettaq minn din il-kumpannija.

92

Sussegwentement, skont ir-rikorrent, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Gvern Ukrain il-ġdid ippreġudika, preċiżament, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u dan kemm speċifikament fir-rigward tar-rikorrent kif ukoll fuq livell iktar ġenerali.

93

Rigward is-sitwazzjoni speċifika tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa kien vittma ta’ persekuzzjoni politika, l-awtoritajiet Ukraini fetħu investigazzjonijiet mhux iġġustifikati u abbużivi fir-rigward tiegħu, u li dawn tal-aħħar kisru d-dritt tiegħu għall-preżunzjoni tal-innoċenza. L-ittri [kunfidenzjali] li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu jipprovaw dan il-ksur, [kunfidenzjali] billi anki huma meħtieġa li japplikaw dan il-prinċipju u jżommu lura milli jakkużaw pubblikament il-persuni akkużati, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

94

Ir-rikorrent jesponi wkoll id-diversi passi li ppreċedew id-deċiżjoni tal-Verkhovna Rada li tneħħi l-immunità tiegħu u, ibbażata, b’mod partikolari, fuq opinjoni legali minn professur tad-dritt ieħor, isostni, minn naħa, li kull stadju tal-proċedura ta’ tneħħija tal-immunità kien ikkaratterizzat minn irregolaritajiet u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni finali kienet illegali.

95

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Ukraina, huwa jsostni li l-gvern il-ġdid ħa miżuri konkreti li jxekklu l-funzjonament tajjeb tas-sistema ġudizzjarja f’dan il-pajjiż u li jimminaw l-istat tad-dritt. B’mod iktar speċifiku, kif ukoll kif irrikonoxxa l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ukraina (iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Għoli”), f’rapport dwar il-perijodu inkluż bejn s-16 ta’ Frar u l-15 ta’ Mejju 2015, l-imħallfin Ukraini ma humiex indipendenti u jsofru theddid li jippreġudikalhom l-imparzjalità tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ uffiċjali tal-gvern preċedenti. Iktar konstatazzjonijiet simili jidhru f’rapport tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina fl-2015. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Ukraina hija Stat parti tal-KEDB ma huwiex biżżejjed biex jiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali jkunu rispettati f’dak il-pajjiż.

96

Barra minn hekk, ir-rikorrent jirreferi għal liġi tal-Ukraina ta’ Ottubru 2014, imsejħa “liġi ta’ tisfija”, li ppermettiet it-tneħħija mill-kariga fi ħdan l-amministrazzjoni ċerti persuni, inklużi mħallfin u prosekuturi, minħabba l-aġir passat tagħhom, speċjalment meta dan kien favur l-ex President Viktor Yanukovych. In-nuqqasijiet gravi ta’ din il-liġi kienu ġew irrikonoxxuti mill-Kummissjoni ta’ Venezja fl-opinjoni provviżorja tat-16 ta’ Diċembru 2014. Din l-istess Kummissjoni, f’opinjoni li tat-23 ta’ Marzu 2015 b’mod konġunt mad-direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, ukoll qajmet tħassib rigward l-indipendenza tal-imħallfin fl-Ukraina.

97

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ problemi sistemiċi fi ħdan [kunfidenzjali], din hija kkonfermata bir-riżenja, tal-19 ta’ Frar 2016, tal-Prosekutur Ġenerali, Viktor Shokin, wara pressjonijiet eżerċitati mill-President Petro Poroshenko, f’kuntest ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, riżenja li ġiet milqugħa b’mod partikolari mil-Viċi President tal-Istati Uniti tal-Amerika.

98

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent josserva li l-ħtieġa għall-Kunsill li jagħmel kontroll strett, komplet u rigoruż, u li jiġi żgurat li kull deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva tittieħed fuq bażi fattwali solida biżżejjed, hija meħtieġa b’mod iktar partikolari f’dan il-każ, fid-dawl, minn naħa, tat-terminu li l-Kunsill stabbilixxa biex jiġu ppreżentati jew ivverifikati l-provi u l-informazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ ismu fil-lista inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-evidenza prodotta mir-rikorrenti, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Kunsill, biex jiġu enfasizzati d-dgħjufijiet tal-provi użati minn dan tal-aħħar.

99

Il-Kunsill qed jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti

100

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem persuna speċifika jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u suffiċjentement solida. Dan jinvolvi l-verifika tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqha tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma huwiex limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanzja astratta tar-raġunijiet invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn ir-raġunijiet, jew għall-inqas waħda minnhom meqjusa li hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tappoġġja l-istess deċiżjoni, humiex appoġġjati b’mod preċiż u konkret biżżejjed.(ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-KunsillT‑340/14, EU:T:2016:496, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

Skont il-ġurisprudenza l-Kunsill ma huwiex obbligat li, ex officio u sistematikament, jibda’ l-investigazzjonijiet tiegħu stess jew li jwettaq verifiki sabiex jikseb informazzjoni speċifika addizzjonali, meta huwa diġà jkollu elementi prodotti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz sabiex jadotta miżuri restrittivi kontra persuni li joriġinaw minn dan l-Istat u li hemmhekk huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 57).

102

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-BPG huwa waħda mill-ogħla awtoritajiet ġudizzjarji fl-Ukraina. Fil-fatt, huwa jaġixxi, f’dan l-Istat, bħala prosekutur pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali u jmexxi investigazzjonijiet preliminari fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali dwar, b’mod partikolari, miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punti 45111).

103

Ċertament, jista’ jiġi dedott, b’analoġija, mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li, f’dan il-każ, huwa l-Kunsill li għandu jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-provi trażmessi lilu mill-awtoritajiet Ukraini, [kunfidenzjali], fid-dawl, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet u l-evidenza eventwali li jiskaġunaw li ressaq r-rikorrent. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill huwa suġġett għall-obbligu li josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li miegħu huwa marbut, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-evidenza rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, sabiex tiġi evalwata n-natura, il-mod u l-intensità tal-prova li tista’ tintalab mill-Kunsill, għandhom jitqiesu n-natura u l-kuntest speċifiku tal-miżuri restrittivi, kif ukoll l-għan tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119, din tifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali ta’ politika tal-Unjoni ta’ sostenn għall-awtoritajiet Ukraini intiża li tiffavorixxi l-istabbiltà politika tal-Ukraina. Għalhekk hija tissodisfa l-għanijiet tal-PBSK, li huma stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, li bis-saħħa tagħhom l-Unjoni għandha timplementa kooperazzjoni internazzjonali biex tikkonsolida u tappoġġja d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Huwa f’dan il-kuntest li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprevedu l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi b’mod partikolari ta’ persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina. Fil-fatt, il-faċilitazzjoni tal-irkupru ta’ dawn il-fondi isaħħaħ u jsostni l-istat tad-dritt fl-Ukraina (ara l-punti 76 sa 80, iktar ’il fuq).

107

Minn dan isegwi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex intiżi li jissanzjonaw aġir kundannabbli li possibbilment twettaq mill-persuni kkonċernati, u lanqas ma huma intiżi li jiddiswaduhom, permezz tar-restrizzjoni, milli jwettqu tali aġir. L-uniku għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jiffaċilitaw il-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Ukraini, tal-miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li jżommu l-opportunità, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ tali miżapproprjazzjonijiet. Għandhom għalhekk natura purament ta’ konservazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Għalhekk, il-miżuri restrittivi inkwistjoni, li ġew imposti mill-Kunsill abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikoli 21 u 29 TUE, ma għandhom l-ebda konnotazzjoni kriminali. Dawn għalhekk ma jistgħux jiġu assimilati ma’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ assi adottata minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-proċedura kriminali applikabbli u fl-osservanza tal-garanziji mogħtija minn din il-proċedura. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti imposti fuq il-Kunsill dwar il-provi li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna fil-lista ta’ dawk li huma s-suġġett ta’ dan l-iffriżar ta’ assi ma jistgħux strettament ikunu identiċi ma’ dawk imposti fuq l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali fil-każ ineżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

F’din il-kawża, il-Kunsill għandu jivverifika, minn naħa, sa fejn l-ittri [kunfidenzjali] li fuqhom huwa beħsiebu jibbaża ruħu jippermettu li jiġi stabbilit li, kif indikat fir-raġunijiet ta’ iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista inkwistjoni, imfakkra fil-punti 18 u 20 iktar ’il fuq, dan huwiex is-suġġett ta’ proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini għal fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li dawn l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri jippermettux li l-aġir tar-rikorrent jiġi kkwalifikat b’mod konformi mal-kriterju rilevanti. Huwa biss f’każ li dawn il-kontrolli ma ikollhomx suċċess, fid-dawl tal-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 103 iktar ’il fuq, li l-Kunsill għandu jagħmel verifiki addizzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kooperazzjoni skont l-atti inkwistjoni (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), bħala prinċipju, ma huwiex il-Kunsill li għandu jeżamina u jevalwa huwa stess l-eżattezza u r-rilevanza tal-evidenza li fuqha jibbażaw ruħhom l-awtoritajiet Ukraini biex imexxu proċeduri kriminali dwar ir-rikorrent għal fatti klassifikabbli bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 107 iktar ’il fuq, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill ma jipprovax jissanzjona huwa stess il-miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi investigati mill-awtoritajiet Ukraini, imma li jżommu l-opportunità, għal dawn l-awtoritajiet, li jikkonstataw l-imsemmija miżapproprjazzjonijiet filwaqt li jirkupraw il-prodott tagħhom. Għalhekk huma dawn l-awtoritajiet li għandhom, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, jivverifikaw l-evidenza li fuqha huma jibbażaw ruħhom u, jekk ikun meħtieġ, li jisiltu minnhom l-konsegwenzi fir-rigward tal-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 108 iktar ’il fuq, l-obbligi tal-Kunsill fil-kuntest tal-atti inkwistjoni ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dawk ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura kriminali għall-iffriżar ta’ assi, miftuħa b’mod partikolari fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni kriminali internazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 66).

111

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza fejn jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jivverifika l-fondatezza tal-investigazzjonijiet li tagħhom hija s-suġġett il-persuna kkonċernata, imma biss li jivverifika l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward tad-dokument ipprovdut mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77).

112

Ċertament, il-Kunsill ma jistax japprova, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini li jidhru fid-dokumenti prodotti minn dawn tal-aħħar. Tali aġir ma jkun konformi la mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas, b’mod ġenerali, mal-obbligu, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa tal-applikazzjoni magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 67).

113

Madankollu, huwa l-Kunsill li għandu jevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, in-neċessità li jwettaq verifiki addizzjonali, b’mod partikolari, li jitlob lill-awtoritajiet Ukraini jikkomunikawlu provi addizzjonali jekk jirriżulta li dawk diġà prodotti ma humiex suffiċjenti jew koerenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li elementi mgħarrfa lill-Kunsill, jew mill-awtoritajiet Ukraini nnifishom, jew b’xi mod ieħor, ma jwasslux sabiex din l-istituzzjoni jkollha dubji dwar in-natura suffiċjenti tal-provi diġà prodotti minn dawn l-awtoritajiet. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-possibbiltà li l-persuni kkonċernati għandhom jingħataw sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li l-Kunsill beħsiebu jagħti sabiex iżomm isimhom fil-lista inkwistjoni, dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw elementi, jekk mhux saħansitra elementi li jiskolpaw, ta’ natura li jkunu jeħtieġu li l-Kunsill iwettaq verifiki addizzjonali. B’mod partikolari, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jissostitwixxi ruħu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Ukraina fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-proċeduri kriminali msemmija fl-ittri [kunfidenzjali], ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, din l-istituzzjoni tkun obbligata titlob lill-awtoritajiet Ukraini kjarifiki dwar l-evidenza li fuqha huma bbażati dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 68).

114

F’dan il-każ, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li l-ittri li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu [kunfidenzjali] jirrapportaw proċeduri kriminali li jikkonċernaw lir-rikorrent, li għalihom huma speċifikati, b’mod ġenerali, id-data tal-bidu, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-artikoli tal-Kodiċi Kriminali Ukrain allegatament miksura.

115

L-ilmenti ewlenin tar-rikorrent huma marbutin mal-fatt li l-ittri [kunfidenzjali] tal-26 ta’ Ġunju, tat-3 ta’ Settembru u tal-1 ta’ Diċembru 2015 ma kienx fihom informazzjoni suffiċjenti u preċiża biżżejjed.

116

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra [kunfidenzjali] tat-26 ta’ Ġunju 2015 — li hija waħda mill-elementi ewlenin ta’ prova li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex iżomm isem ir-rikorrent fil-lista, waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Ottubru 2015 – tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

117

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-ittra [kunfidenzjali] tal-3 ta’ Settembru 2015 – li hija l-prova l-oħra li fuqha l-Kunsill ibbaża ruħu sabiex iżomm isem ir-rikorrent fil-lista, waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Ottubru 2015 – fiha informazzjoni simili u tindika wkoll li, [kunfidenzjali] (ara l-punt 82 iktar ’il fuq).

118

Fit-tielet lok, l-ittra [kunfidenzjali] mill-1 ta’ Diċembru 2015 – li hija l-prova prinċipali li fuqha l-Kunsill ibbaża ruħu sabiex iżomm isem ir-rikorrent fil-lista, waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2016 –, minbarra li kkonfermat l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tat-3 ta’ Settembru 2015, tirreferi għall-ewwel darba, fir-rigward tal-istess fatti, għall-ksur tal-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Kodiċi Kriminali Ukrain [kunfidenzjali].

119

Minn dan isegwi li l-ittri [kunfidenzjali] msemmija fil-punti 115 sa 118 iktar ’il fuq jinkludu informazzjoni li tippermetti li jinftiehem b’mod ċar li, minn naħa, ir-rikorrent huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu [kunfidenzjali] tal-Kodiċi Kriminali Ukrain, li jissanzjona l-miżapproprjazzjoni tal-fondi pubbliċi, u, min-naħa l-oħra, li [kunfidenzjali]. Għalkemm is-sunt tal-fatti li wasslu għal dan il-ksur huwa sintetiku u ma jiddeskrivix fid-dettall il-mekkaniżmi li permezz tagħhom ir-rikorrent hu ssuspettat li mmiżapproprja l-fondi tal-Istat Ukrain, jirriżulta minn dawn l-ittri, b’ċarezza suffiċjenti, li l-fatti li kien akkużat bihom ir-rikorrent jikkonċernaw il-miżapproprjazzjoni [kunfidenzjali]. Issa, tali aġir jista’ kkawża telf ta’ fondi għall-Istat Ukrain u jikkorrispondi għalhekk mal-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, milqut mill-kriterju rilevanti.

120

F’dan ir-rigward, dwar l-argument tar-rikorrent li l-kriterju rilevanti ma kienx issodisfatt peress li ismu kien ġie inkluż fil-lista mhux fid-dawl ta’ prosekuzzjoni jew proċeduri ġudizzjarji, imma għal investigazzjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-effett utli ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi jiddgħajjef jekk l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kienet tkun suġġetta għall-impożizzjoni ta’ kundanni kriminali kontra persuni ssuspettati li mmiżapproprjaw fondi pubbliċi, peress li, fil-frattemp, huma kellhom iż-żmien meħtieġ biex jittrasferixxu l-assi tagħhom fi Stati li ma jkollhom ebda forma ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istat li tiegħu huma ċittadini jew residenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill,C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 71). Barra minn hekk, peress li huwa stabbilit li l-persuna kkonċernata hija, bħal f’dan il-każ, is-suġġett ta’ investigazzjonijiet, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini, għal fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, l-istadju preċiż li fih tinsab l-imsemmija proċedura ma jistax jikkostitwixxi evidenza li tista’ tiġġustifika l-esklużjoni tagħha mill-kategorija ta’ persuni msemmija (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 124).

121

Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq u tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat terz fil-modalitajiet tal-implementazzjoni ta’ proċeduri kriminali, il-fatt li r-rikorrent kien suġġett għal investigazzjoni preliminari [kunfidenzjali] ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jwassal għal konstatazzjoni ta’ illegalità tal-atti inkwistjoni, minħabba l-fatt li, f’tali ċirkustanzi, il-Kunsill kien imissu talab verifiki addizzjonali mill-awtoritajiet Ukraini dwar atti allegati fil-konfront tal-persuna kkonċernata, peress li, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, ir-rikorrent ma ressaqx provi li jistgħu jpoġġu f’dubju r-raġunijiet imsemmija mill-awtoritajiet Ukraini biex jibbażaw l-akkużi magħmula kontrih fir-rigward ta’ fatti speċifiċi ħafna jew li juru li s-sitwazzjoni partikolari tiegħu kienet ġiet affettwata mill-problemi allegati tas-sistema ġudizzjarja Ukraina. F’dan ir-rigward, il-fatt li Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina kien irriżenja wara akkużi ta’ korruzzjoni ma għandu l-ebda impatt fuq il-kredibbiltà [kunfidenzjali].

122

Għaldaqstant il-Kunsill ma wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, bl-atti ta’ Ottubru 2015 u ta’ Marzu 2016, fuq il-bażi tal-informazzjoni, kontenuta fl-ittri [kunfidenzjali] tat-26 ta’ Ġunju, it-3 ta’ Settembru u l-1 ta’ Diċembru 2015, b’mod partikolari dwar il-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li kienet tiġġustifika, [kunfidenzjali], l-eżistenza ta’ investigazzjoni fil-konfront tar-rikorrent. F’dan ir-rigward, l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ prova li kien “marbut” ma’ ħuh, Andriy Klyuyev, huwa barra minn hekk irrilevanti.
Fil-fatt, isem ir-rikorrent huwa mniżżel fil-lista mhux esklużivament minħabba rabtiet familjari tiegħu ma’ ħuh, imma wkoll minħabba proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukraini dwar l-involviment personali tiegħu f’fatti li huma klassifikabbli bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

123

Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa fid-dubju permezz ta’ provi li jiskaġunaw prodotti mir-rikorrent jew minn argumenti l-oħra invokati minnu.

124

L-ewwel nett, fir-rigward tal-pariri legali li r-rikorrent kien ippreżenta mar-rikors tiegħu, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex verosimili u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li dawn l-opinjonijiet kienu ġew stabbiliti għall-finijiet tad-difiża tar-rikorrent u li, minħabba dan, huma għandhom biss valur probatorju limitat. Fi kwalunkwe każ, huma ma jistgħux jikkontestaw il-fatt, [kunfidenzjali], li r-rikorrent kien suġġett għal investigazzjoni preliminari għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, dawn l-opinjonijiet jirrigwardaw, essenzjalment, il-fondatezza ta’ din l-investigazzjoni, li għandha tiġi evalwata, bħala prinċipju, mill-awtoritajiet Ukraini.

125

It-tieni nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna), għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li din ma kinitx dwar miżuri nazzjonali ta’ ffriżar ta’ assi, imma fuq digriet mogħti mill-prosekutur pubbliku ta’ Vjenna, tal-26 ta’ Lulju 2014, rigward l-iżvelar ta’ informazzjoni fuq kontijiet u tranżazzjonijiet bankarji, fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra għadd kbir ta’ persuni, fosthom ir-rikorrent, issuspettati li wettqu delitti jew reati ta’ ħasil tal-flus fit-tifsira tal-leġiżlazzjoni kriminali Awstrijaka u l-liġi dwar is-sanzjonijiet. Din id-Deċiżjoni, rigward reati kriminali minbarra dawk li abbażi tagħhom ittieħdu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, teżamina b’mod inċidentali biss il-fatti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni [kunfidenzjali]. Minn dan isegwi li tali deċiżjoni, minkejja li tkun ingħatat minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, ma setgħetx tqajjem dubji leġittimi dwar l-eżitu tal-investigazzjoni jew l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta [kunfidenzjali]. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Vjenna, bid-data tal-4 ta’ April 2016, li ħabbret it-twaqqif tal-proċeduri kontra r-rikorrent, biżżejjed jingħad li din ma hijiex rilevanti peress li din saret wara l-atti ta’ Marzu 2016. Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-assi għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-informazzjoni li l-Kunsill seta’ kellu meta huwa adotta din id-deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 115).

126

It-tielet nett, fir-rigward, minn naħa, tar-rapport ta’ awditu stabbilit mill-IFI fuq talba [kunfidenzjali], tal-28 ta’ Lulju 2014 u relatat ma’ attivitajiet finanzjarji u kummerċjali ta’ PJSC Semiconductor Plant, [kunfidenzjali], u, min-naħa l-oħra, tar-rapport ta’ investigazzjoni indipendenti dwar l-attivitajiet kummerċjali rilevanti tar-rikorrent u ta’ din il-kumpannija, iddatat is-16 ta’ Ottubru 2014 u ppreparat minn tim ta’ investigaturi u avukati indipendenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport Pepper Hamilton”), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent baqa’ ma ppreċiżax b’liema mod dawn iż-żewġ rapporti jistgħu jikkontradixxu l-informazzjoni f’[kunfidenzjali], fid-dawl tal-fatt li kemm rapport dwar l-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrent u tal-kumpannija li tagħha huwa azzjonist kif ukoll rapport ta’ awditu fuq l-attività ekonomika tagħha ma jinkludux neċessarjament informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi [kunfidenzjali]. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapport Pepper Hamilton, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li sar fuq talba ta’ kumpannija proprjetà tar-rikorrent u ħuh u indirizzat lil dan tal-aħħar u li, minħabba f’hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 124 iktar ’il fuq, għandu biss valur probatorju limitat.

127

Din l-evidenza skaġunanti, waħedha, ma tistax tiġġustifika li l-Kunsill iwettaq verifiki addizzjonali.

128

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegati irregolaritajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni tal-Verkhovna Rada li tneħħi l-immunità tar-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jaffettwawx il-legalità taż-żamma ta’ ismu fil-lista, peress li t-tneħħija tal-immunità parlamentari ma tikkostitwixxix kundizzjoni qabel l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva fir-rigward ta’ persuna fiżika u li kull irregolarità ta’ dan it-tip għandha tiġi ttrattata fi ħdan il-qafas tas-sistema Ukraina.

129

Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-ebda notifika ta’ suspett ma kienet ġiet indirizzata lir-rikorrent skont il-modalitajiet previsti mill-kodiċi ta’ proċedura kriminali Ukrain, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jistrieħ biss fuq opinjoni legali minn professur tad-dritt. Issa, indipendentement mill-fatt li tali opinjoni, kif ġie ppreċiżat fil-punt 124 iktar ’il fuq, għandha valur probatorju limitat, jirriżulta, kif issostni mill-bqija ir-rikorrent fl-iskritturi tiegħu, li n-notifika ta’ suspett hija vvizzjata minn irregolaritajiet ta’ natura purament formali.

130

Jekk wieħed jippreżumi li n-notifika ta’ suspett hija effettivament irregolari, għalkemm ikollha l-effett li [kunfidenzjali] għandha ssir notifika ġdida fil-forma tajba u dovuta, dan ma jfissirx li l-proċedura kriminali li għaliha jirreferi dan il-parir ma għadhiex għaddejja.

131

Anki jekk jitqies li, minħabba difett formali li jaffettwa n-notifika ta’ suspett, ir-rikorrent ma jistax jiġi kkunsidrat bħala persuna ssuspettata fis-sens tal-Artikolu 42 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Ukrain, minn dan ma jsegwix li dan ma mhux suġġett għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini fis-sens tal-kriterju rilevanti. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, wara notifika irregolari, [kunfidenzjali] trid ssir notifika ġdida ma taffettwax il-fatt li dan tal-aħħar ikkunsidra li kien hemm evidenza suffiċjenti sabiex jiġi ssuspettat li r-rikorrent kien għamel miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

132

B’hekk, huwa ineffettiv l-ilment tar-rikorrent dwar l-irregolaritajiet formali li jaffettwaw in-notifika ta’ suspett dwaru.

133

Is-sitt nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza imwettaq b’mod partikolari [kunfidenzjali], għandu jiġi osservat li r-rikorrent jillimita ruħu li jinvoka li l-awtoritajiet Ukraini ddefinixxewh bħala ħati ta’ ksur li kien ġiet akkużata bih, mentri l-ħtija tiegħu ma kinitx ġiet stabbilita minn qorti.

134

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja xi formulazzjonijiet xejn eleganti, l-ittri [kunfidenzjali] dejjem jirriflettu l-proċeduri kriminali fil-konfront tar-rikorrent, li jwassal għall-konklużjoni li [kunfidenzjali] r-rikorrent huwa biss issuspettat li wettaq il-ksur inkwistjoni u li huwa jkun jista’ jitqies ħati biss jekk il-proċeduri kriminali inkwistjoni jispiċċaw f’kundanna deċiża minn qorti. Għalhekk, moqrija fil-kuntest tagħhom, l-affermazzjonijiet li jinsabu [kunfidenzjali] ma jiksrux il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dawn l-affermazzjonijiet huma ksur tal-imsemmi prinċipju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huma ma jistgħux jikkontestaw il-legalità, u wisq inqas l-eżistenza, tal-proċeduri kriminali li ppermettew lill-Kunsill sabiex jikkunsidra li r-rikorrenti kien jissodisfa l-kriterju rilevanti, u lanqas ma jista’ jiġġustifika li l-Kunsill jipprova jikseb [kunfidenzjali] tal-informazzjoni addizzjonali.

135

Is-seba’ nett, fir-rigward tal-argument li l-gvern il-ġdid tal-Ukraina stess jimmina l-istat tad-dritt, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Ukraina huwa Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1995 u rratifika l-KEDB. Barra minn hekk ir-reġim il-ġdid tal-Ukraina ġie rrikonoxxut bħala leġittimu mill-Unjoni kif ukoll mill-komunità internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill (T‑340/14, EU:T:2016:496, punt 93).

136

Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex suffiċjenti, waħedhom, biex jiġi żgurat li r-reġim il-ġdid tal-Ukraina josserva l-istat tad-dritt f’kull ċirkustanza.

137

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, hija l-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-miżuri restrittivi, li tirrikonoxxi lill-Kunsill marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-kriterji ġenerali li jiddelimitaw iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120, u tat-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 41).

138

Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-appellant ma jistax jikkontesta l-għażla politika tal-Kunsill li jagħti l-appoġġ tiegħu għar-reġim il-ġdid tal-Ukraina mingħajr evidenza inkonfutabbli ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mill-awtoritajiet ġodda Ukraini.

139

Filwaqt li fiha kritika u tenfasizza ċerti nuqqasijiet li jaffettwaw il-funzjonament tal-istituzzjonijiet, inkluż ġudizzjarji, Ukraini, l-evidenza invokata mir-rikorrent ma tippermettix madankollu li jiġi kkunsidrat li r-reġim il-ġdid ma jistax jiġi appoġġjat mill-Unjoni.

140

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat wkoll li n-nuqqasijiet imsemmija mid-dokumenti invokati mir-rikorrent jidhru mnaqqsa b’mod qawwi fid-dawl tad-dokumenti ċċitati mill-Kunsill fl-iskritturi tiegħu u prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, li juru ħafna titjib introdott mir-reġim il-ġdid.

141

Fil-fatt, fir-rigward tal-aġġornament “tal-liġi ta’ tisfija” mill-Kummissjoni ta’ Venezja, għandu jiġi kkonstatat li l-opinjoni tal-16 ta’ Diċembru 2014, invokata mir-rikorrent, hija biss opinjoni provviżorja ta’ dik il-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma kellhiex aċċess għall-awtoritajiet Ukraini, għall-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżami tagħha. Madankollu, peress illi dawn l-awtoritajiet impenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv għat-titjib “tal-liġi ta’ tisfija” u li, minn dak iż-żmien, taw aċċess għall-materjal meħtieġ sabiex il-Kummissjoni ta’ Venezja tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza tagħha, din tal-aħħar adottat opinjoni finali dwar din il-liġi fit-19 ta’ Ġunju 2015. Din l-opinjoni tispjega li kien hemm bosta skambji ta’ fehmiet u li l-awtoritajiet Ukraini pproponew emendi għal-“liġi ta’ tisfija”. Il-Kummissjoni ta’ Venezja tqis leġittimi l-għanijiet ta’ din il-liġi li huma l-protezzjoni tas-soċjetà kontra persuni li jistgħu jikkostitwixxu theddida għar-reġim il-ġdid demokratiku kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ta’ Venezja tenfasizza ċerti punti għat-titjib u s-sorveljanza, hija tenfasizza wkoll it-titjib li diġà sar għal-liġi, speċjalment wara l-adozzjoni tal-opinjoni provviżorja tagħha.

142

Fir-rigward tar-rapporti tal-Kummissarju Għoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, għalkemm dan jirrigwarda l-perijodu mill-16 ta’ Frar sal-15 ta’ Mejju 2015, fis-silta li għaliha jirreferi r-rikorrent wera tħassib fir-rigward tat-theddid imġarrab minn ċerti mħallfin Ukraini, għandu jiġi ppreċiżat, kif għamel il-Kunsill, li din is-silta tikkonċerna biss ir-reġjun tal-Lvant tal-Ukraina, maqbud f’kunflitt indipendentista, fejn it-theddid ġej minn attivisti politiċi li jsostnu l-unità tal-Ukraina. Dak ir-rapport isemmi wkoll ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja li, għalkemm imperfetta, “għandha elementi pożittivi”. Barra minn hekk, ir-rapporti sussegwenti li jikkonċernaw is-sena 2015 u fil-bidu tas-sena 2016 juru titjib kostanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari permezz tat-tfassil u l-adozzjoni, fis-23 ta’ Novembru 2015, tal-ewwel strateġija nazzjonali dwar is-suġġett, wara r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissarju Għoli kif ukoll dawk maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja, f’diversi oqsma. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fir-rapport tal-Kummissarju Għoli li jkopri l-perjodu mill-16 ta’ Frar sal-16 ta’ Mejju 2016, il-Gvern Ukrain ħoloq uffiċjalment uffiċċju nazzjonali ta’ inkjesta biex jinvestiga reati mwettqa minn uffiċjali għoljin, membri ta’ l-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-membri tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-uffiċċju speċjali kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-BPG.

143

Madankollu, minkejja dan il-progress ma jfissirx li s-sistema tal-Ukraina ma għandhiex nuqqasijiet rigward ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, xorta jibqa’ l-fatt li l-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu l-Kunsill (ara l-punt 137 iktar ’il fuq), ma tistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tqis bħala manifestament żbaljat l-għażla politika tiegħu li jappoġġja ir-reġim il-ġdid tal-Ukraina billi jadotta miżuri restrittivi li japplikaw, b’mod partikolari, għall-membri tar-reġim preċedenti li huma suġġetti għal proċeduri kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

144

It-tmien nett, fir-rigward tal-persekuzzjoni politika li r-rikorrent jallega li huwa s-suġġett tagħha u li hija l-oriġini tal-proċeduri kriminali mibdija kontra tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat li jillimita ruħu għal dikjarazzjonijiet li ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-kredibbiltà tal-informazzjoni, [kunfidenzjali], dwar l-akkużi kontra r-rikorrent dwar il-fatti preċiżi ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, u lanqas sabiex juru li s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent kienet ġiet affettwata mill-problemi relatati mal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Ukraina, matul il-proċeduri li jirrigwardawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punti 113114).

145

Id-disa’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent dwar iż-żmien twil li l-Kunsill kellu biex iwettaq kontroll rigoruż u komplet tal-provi li qagħad fuqhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kunsill issodisfa l-obbligi imposti fuqu. Issa, il-portata ta’ dawn l-obbligi ma hijiex iddeterminata miż-żmien disponibbli għall-Kunsill.

146

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

[omissis]

Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent

216

Permezz tat-tieni nota ta’ adattament tiegħu, ir-rikorrent talab sabiex tiġi estiża l-portata tar-rikors tiegħu sabiex dan jinkludi l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn dawn jirrigwardawh.

217

Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent iqajjem sitt motivi, kemm il-ħames motivi li huwa invoka, fir-rikors, insostenn tat-talba tiegħu għal annullament tal-atti ta’ Ottubru 2015 (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), kif ukoll il-motiv il-ġdid li kien qajjem, fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament tiegħu, insostenn tat-talba għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2016 (ara l-punt 192 iktar ’il fuq).

218

Għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

219

Wara li fakkar li l-motiv invokat insostenn taż-żamma ta’ ismu fil-lista kien identiku għal dak li jinsab fl-atti ta’ Ottubru 2015 u ta’ Marzu 2016 u li, fl-ittra tat-6 ta’ Marzu 2017 li tiġġustifika l-estensjoni tal-klassifikazzjoni, il-Kunsill kien ikkonferma li huwa kien ibbaża ruħu biss fuq [kunfidenzjali], ir-rikorrent isostni li din ma tissodisfax il-kriterji ta’ klassifikazzjoni għal żewġ raġunijiet.

220

L-ewwel nett, ir-rikorrent huwa suġġett biss għal investigazzjoni preliminari, li ma hijiex suffiċjenti biex jiġi ssodisfatt il-kriterju rilevanti. Fi kwalunkwe każ, din l-investigazzjoni hija illegali, peress li ebda notifika bil-miktub ta’ suspett qatt ma ġiet imwassla validament lir-rikorrent fi [kunfidenzjali]. Fid-data tal-estensjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ma kien involut fl-ebda investigazzjoni preliminari pendenti, peress li l-investigazzjoni f’dik il-proċedura kienet ġiet formalment sospiża mill-5 ta’ Ottubru 2015. [kunfidenzjali] Barra minn hekk, l-informazzjoni inkluża fl-ittri [kunfidenzjali] ma hijiex affidabbli. Minn naħa, l-ittra [kunfidenzjali] tad-25 ta’ Lulju 2016 tindika li [kunfidenzjali], filwaqt li l-prosekutur pubbliku Awstrijak, bħall-qrati Awstrijaċi, irrifjuta li jaqbad l-assi tar-rikorrent, li [kunfidenzjali] kien totalment konxju dwaru u l-Kunsill kien ġie infurmat dwarhom. Min-naħa l-oħra, l-ittra [kunfidenzjali] tal-16 ta’ Novembru 2016 ma tinkludi ebda riferiment għal [kunfidenzjali]. Fi kwalunkwe każ, l-allegata eżistenza [kunfidenzjali] fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari fi [kunfidenzjali] ma hijiex ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-fatt li din l-investigazzjoni ilha sospiża mill-5 ta’ Ottubru 2015.

221

It-tieni nett, l-ittri [kunfidenzjali] tal-25 ta’ Lulju u s-16 ta’ Novembru 2016, li fuqhom il-Kunsill allegatament ibbaża d-deċiżjoni li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, ma huma ssostanzjati minn ebda prova u ma joffrux biżżejjed preċiżazzjonijiet dwar l-atti koperti mill-investigazzjoni u l-allegata responsabbiltà personali tar-rikorrent. B’mod partikolari, dawn huma kontradittorji fir-rigward [kunfidenzjali].

222

Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma weriex kif l-allegazzjonijiet [kunfidenzjali] setgħu jissodisfaw il-kriterju rilevanti billi dan jirrigwarda biss miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi ta’ natura li tippreġudika l-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ukraina, minħabba l-ammont jew in-natura ta’ fondi jew ta’ assi mmiżapproprjati jew tal-kuntest li fih twettaq ir-reat.

223

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li, minkejja l-għadd sinifikanti ta’ evidenza li tiskaġunah li kkomunikalu u li l-Kunsill kellu jeżamina b’attenzjoni u imparzjalità, minħabba l-kuntest politiku tal-Ukraina u l-fatt li dan qagħad esklużivament fuq investigazzjoni preliminari sospiża, il-Kunsill sistematikament irrifjuta li jwettaq l-iċken investigazzjoni jew verifiki addizzjonali f’dan ir-rigward.

224

Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kunsill ma pproduċiex provi konkreti u l-informazzjoni suffiċjenti li tiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

225

Il-Kunsill jirribatti, minn naħa, li r-raġunijiet għall-klassifikazzjoni tar-rikorrent jissodisfaw il-kriterji tal-klassifikazzjoni u huma bbażati fuq bażi fattwali soda biżżejjed u, min-naħa l-oħra, li ma wettaqx żbalji ta’ evalwazzjoni billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-ittri [kunfidenzjali] tal-25 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Novembru 2016.

226

L-ewwel nett, il-Kunsill josserva li dawn l-ittri [kunfidenzjali]. L-opinjoni legali li fuqha jibbaża ruħu r-rikorrenti biex isostni li n-notifika ta’ suspett ma kinitx ġiet validament innotifikata lilu kellha valur probatorju limitat.

227

It-tieni nett, il-fatt li [kunfidenzjali] kienet formalment sospiża fid-data tal-klassifikazzjoni ġdida tar-rikorrent ma tippermettix li jintwera, fis-sens tal-Artikolu 280 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Ukrain, li l-investigazzjoni preliminari mwettqa kontra tiegħu ma kinitx għadha teżisti.

228

It-tielet nett, il-Kunsill isostni li l-informazzjoni li tinsab fl-ittri [kunfidenzjali] kienu affidabbli.

229

Ir-raba’ nett, il-Kunsill iqis li n-natura u l-karattru ddettaljat tal-informazzjoni inkluża fl-ittri [kunfidenzjali] kienet iktar milli biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent kien suġġett għal proċedura kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u kien assoċjat ma’ Andriy Klyuyev, indikat huwa stess bis-saħħa tal-istess atti.

230

Il-ħames nett, il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent li l-ittri [kunfidenzjali] huma “materjalment ineżatti”. Fil-fatt, l-informazzjoni li jirreferi għaliha r-rikorrenti ma tikkonċernax [kunfidenzjali]. Fi kwalunkwe każ, is-suġġett [kunfidenzjali] ma huwiex kriterju ta’ klassifikazzjoni.

231

Is-sitt nett, skont il-Kunsill, jirriżulta mill-ittri [kunfidenzjali]. Għaldaqstant, il-ksur li għalih ir-rikorrent huwa akkużat jista’ jiġi kkwalifikat bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi ta’ natura li tippreġudika l-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ukraina.

232

Is-seba’ nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma qagħadx fuq il-provi ta’ skaġunament, dan jisħaq li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ma huwiex obbligat jagħmel evalwazzjoni indipendenti addizzjonali jew eżami bir-reqqa tal-fatti li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali fil-pajjiż terz ikkonċernat. Il-fatt li jiġi vverifikat jekk investigazzjoni hijiex fondata taffettwa kwistjonijiet li ma jkunux jistgħu jiġu verament eżaminati ħlief fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż, fil-każ tal-Ukraina, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti EDB. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna), il-Kunsill josserva li dik il-qorti kienet ikkonċernata bl-iżvelar ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-kontijiet u t-tranżazzjonijiet bankarji u li l-konklużjonijiet ta’ dik il-qorti ma kinux ta’ natura li juru li l-informazzjoni kontenuta fl-ittri [kunfidenzjali] kienet manifestament falza jew qarrieqa. Barra minn hekk, filwaqt li jammetti li l-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) qieset li l-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Awstrijaċi matul il-perjodu mill-2010 sal-2014 ma kinitx wisq estiża, il-Kunsill iqis madankollu li dan ma jippermettix ċertament li jiġi ppruvat li l-ittri [kunfidenzjali] kienu insuffiċjenti għall-finijiet tal-proċeduri tal-Kunsill li jwasslu għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2017. Għaldaqstant, ma kienx neċessarju li jagħmel verifiki addizzjonali f’dan ir-rigward.

233

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-kriterju rilevanti, minn naħa, jipprovdi li miżuri restrittivi għandhom jiġu adottati fir-rigward ta’ persuni li ġew “identifikati bħala responsabbli” għal atti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi – li jinkludu l-persuni “li huma suġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini” għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi Ukraini (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) – u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrigwardax b’mod astratt kull fatt ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, imma pjuttost fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li jistgħu jippreġudikaw ir-rispett tal-istat tad-dritt fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T‑340/14, EU:T:2016:496, punt 91).

234

F’dan il-każ, isem ir-rikorrent kien inżamm fil-lista, permezz tal-atti ta’ Marzu 2017, għar-raġunijiet li ġejjin:

“Persuna suġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għal involviment fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi. Persuna assoċjata ma’ persuna deżinjata [Andrii Petrovych Kliuiev] soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

235

Huwa stabbilit li, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2017, il-Kunsill ibbaża ruħu, sabiex jiddeċiedi fuq iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, fuq l-ittri [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, il-Kunsill ma pprovdiex evidenza [kunfidenzjali] dwar l-klassifikazzjoni ta’ Andriy Klyuyev, li r-rikorrent ġie identifikat bħala “assoċjat” miegħu, bħala persuna responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina fis-sens tal-kriterju rilevanti.

236

Għalhekk, il-Kunsill ma ssostanzjax b’mod suffiċjentement preċiż u konkret it-tieni raġuni taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, jiġifieri dak li bih huwa persuna “assoċjata”, fis-sens ta’ kriterju rilevanti, ma’ persuna suġġetta għal proċeduri kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. B’hekk għad irid jiġi vverifikat l-ewwel motiv li jibbaża ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, jiġifieri dak dwar il-fatt li huwa persuna suġġetta għal proċedura kriminali mill-awtoritajiet Ukraini għar-rwol tiegħu fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi, kif ukoll l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill dwar evidenza li għandu fil-pussess tiegħu.

237

Tali evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punti 100 sa 113 iktar ’il fuq.

238

Hemm lok li jitfakkar li, f’dan il-każ, din hija deċiżjoni ta’ żamma ta’ isem ta’ persuna fil-lista u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, meta osservazzjonijiet ikunu fformulati mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill għandu l-obbligu li jeżamina, b’reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u l-evidenza eventwali li tiskaġuna mehmuża magħhom, b’tali obbligu ikun marbut ma’ dak li jiġi osservat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara l-punt 100 sa 113 iktar ’il fuq).

239

B’mod iktar speċifiku, dak li l-Kunsill għandu jivverifika, kif ġie rrilevat fil-punt 109 iktar ’il fuq, huwa, minn naħa, sa fejn il-provi li fuqhom huwa qagħad jippermettu li jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni tar-rikorrent tikkorrispondi mar-raġuni taż-żamma ta’ ismu fil-lista u, min-naħa l-oħra, jekk dawn il-provi jippermettux li l-aġir tar-rikorrent jiġi kklassifikat skont il-kriterju rilevanti. Huwa biss f’każ li dawn il-kontrolli ma kellhomx suċċess, fid-dawl tal-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 103 iktar ’il fuq, li l-Kunsill għandu jagħmel verifiki supplimentari.

240

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-evidenza miġjuba għall-attenzjoni tal-Kunsill, kemm mill-awtoritajiet Ukraini nnifishom kif ukoll mill-persuni koperti mill-miżuri restrittivi, jew b’xi mod ieħor, twasslu jiddubita min-natura suffiċjenti tal-provi mogħtija diġà minn dawn l-awtoritajiet. Għalkemm, f’dan il-każ, huwa minnu li l-Kunsill ma għandux jissostitwixxi lilu nnifsu minflok l-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-investigazzjoni preliminari msemmija fl-ittri [kunfidenzjali], lanqas madankollu ma jista’ jiġi eskluż li, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent, din l-istituzzjoni tkun obbligata titlob lill-awtoritajiet Ukraini kjarifiki dwar l-elementi li fuqhom hija bbażata dik l-investigazzjoni.

241

F’dan il-każ, ir-rikorrent jammetti li l-ittri [kunfidenzjali] jsemmu, b’mod partikolari, proċedura kriminali li fil-qafas tagħha qed titmexxa investigazzjoni li tikkonċernah. Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kunsill setax jikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-informazzjoni pprovduta [kunfidenzjali] fil-konfront ta’ din il-proċedura setgħet tkompli ssostni r-raġuni tal-klassifikazzjoni tar-rikorrent.

242

Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni ma hijiex jekk, fid-dawl tal-elementi li nġiebu għall-attenzjoni tal-Kunsill, dan kienx obbligat li jneħħi l-isem tar-rikorrent mil-lista, imma biss jekk kienx obbligat jieħu inkunsiderazzjoni din l-evidenza u, fejn xieraq, li jwettaq verifiki addizzjonali jew li jitlob kjarifika mingħand l-awtoritajiet Ukraini. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-elementi imsemmija jkunu tali li jqajmu dubji leġittimi dwar, minn naħa, ir-riżultat tal-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà u l-aġġornament tal-informazzjoni pprovduta [kunfidenzjali].

243

Issa, fl-ittra tiegħu tat-6 ta’ Marzu 2017, li twieġeb l-osservazzjonijiet tar-rikorrent tal-12 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill sempliċement jafferma li ma jaqbilx mal-opinjoni tiegħu u jrid li jikkonferma l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. Huwa ma jispeċifikax, min-naħa l-oħra, liema elementi huwa ħa inkunsiderazzjoni sabiex jikkonkludi li ma kienx jikkondividi l-perspettiva tar-rikorrent u jikkonferma li ma hemmx evidenza oħra li fuqha huwa bbaża ruħu lil hinn mill-ittri [kunfidenzjali] tat-25 ta’ Lulju u tal-16 ta’ Novembru 2016, diġà fil-pussess tar-rikorrent.

244

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ittri għandhom għadd ta’ inkonsistenzi u impreċiżjonijiet. L-ewwel nett, fl-ittra tat-25 ta’ Lulju 2016, [kunfidenzjali] tindika, għall-ewwel darba, mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet, għalfejn [kunfidenzjali] kienet ġiet separata minn [kunfidenzjali], filwaqt li tali separazzjoni kienet saret [kunfidenzjali], hekk kif jirriżulta mill-ittra stess. It-tieni nett, għandha tiġi kkonstatata l-inkoerenza eżistenti fiż-żewġ ittri [kunfidenzjali]. It-tielet nett, l-ittra [kunfidenzjali] tat-25 ta’ Lulju 2016 tirreferi, b’mod partikolari, [kunfidenzjali], filwaqt li l-prosekutur pubbliku ta’ Vjenna, fl-4 ta’ April 2016, temm il-proċeduri fir-rigward tar-rikorrent.

245

Minkejja li dawn l-inkoerenzi, fihom innifishom, ma humiex ta’ natura li jqajmu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni, minkejja dan huma indikattivi ta’ ċertu livell ta’ approssimazzjoni [kunfidenzjali] li x’aktarx tnaqqas l-affidabbiltà tal-informazzjoni [kunfidenzjali] kif ukoll l-aġġornament tagħhom.

246

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tat-16 ta’ Novembru 2016, [kunfidenzjali].

247

Fit-tielet lok, jirriżulta mill-ittra tal-prosekutur pubbliku ta’ Vjenna, tat-4 ta’ April 2016, li, wara li eżamina d-dokumenti ta’ sostenn ikkomunikati fil-kuntest ta’ talba għal assistenza ġudizzjarja [kunfidenzjali], billi bbaża ruħu wkoll fuq ir-rapport Pepper Hamilton li għalih jagħmel riferiment espliċitu, ikkunsidra li dawn id-dokumenti ma jikkorroborawx l-akkużi magħmula [kunfidenzjali] u li l-akkużi rrapportati fil-midja li jgħidu li r-rikorrent u ħuh kienu wettqu reati punibbli fl-Ukraina, li kienu fl-oriġini ta’ numru kbir ta’ każijiet ta’ suspetti ta’ ħasil tal-flus irrapportati fl-Awstrija, ma setgħux jiġu kkonfermati, minkejja diversi operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ provi li kien twettaq.

248

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, kif isostni l-Kunsill, li l-miżuri restrittivi ma jaqgħux fil-kuntest tad-dritt kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni meħtieġa sabiex jinżamm isem il- persuna fil-lista hija li din tkun identifikata bħala responsabbli, b’mod partikolari, għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, meqjusa bħala tali persuna li tkun suġġetta għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini. Minn dan isegwi li, jekk il-Kunsill ikun informat bil-fatt li l-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru tal-Unjoni jqajjem dubji serji, kif kien il-każ f’din il-kawża, fir-rigward tan-natura sostnuta suffiċjentement minn elementi li jappoġġjaw l-investigazzjoni tal-awtoritajiet Ukraini li wasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, huwa għandu jagħmel verifiki addizzjonali ma’ dawk l-awtoritajiet jew, għall-inqas, jitlob kjarifiki min-naħa tagħhom, sabiex jiġi stabbilit jekk l-evidenza li għandu f’idejh, jiġifieri informazzjoni pjuttost vaga, li hija limitata biex tikkonferma l-eżistenza ta’ investigazzjoni preliminari li tirrigwarda lir-rikorrent, tibqax fuq bażi fattwali soda biżżejjed biex tiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista.

249

Fir-raba’ lok, fiż-żewġ ittri msemmija fil-punti 246 u 247 hawn fuq, [kunfidenzjali] ma indikax li [kunfidenzjali] kienet sospiża, il-Kunsill kien ġie informat mir-rikorrent permezz tal-osservazzjonijiet li dan tal-aħħar kien ippreżentalu fit-12 ta’ Jannar 2017, bil-ħsieb tal-eżami mill-ġdid annwali tal-miżuri li jikkonċernawh.

250

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-produzzjoni ta’ prova, magħmula mir-rikorrent qabel is-seduta, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tikkonsisti fid-deċiżjoni [kunfidenzjali] tal-5 ta’ Marzu 2016 li tissospendi [kunfidenzjali], peress li kienet tardiva u li d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħha ma kinitx iġġustifikata. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill, minn naħa, ma jikkontestax il-fatt li r-rikorrent kien informah, fit-terminu stabbilit biex iressaq osservazzjonijiet għar-reviżjoni annwali tal-miżuri restrittivi, b’dik is-sospensjoni u, min-naħa l-oħra, ma jallegax li ma ħax inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni, fl-eżami mill-ġdid, għaliex huwa qiesha bħala mhux issostanzjata jew kredibbli biżżejjed. Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmi dokument, peress li l-eżami tiegħu ma huwiex neċessarju sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kunsill kellux jitlob informazzjoni fir-rigward tas-sospensjoni tal-proċedura mal-awtoritajiet Ukraini.

251

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu, kif isostni l-Kunsill, il-fatt li [kunfidenzjali] tkun formalment sospiża ma tippermettix li jintwera li l-investigazzjoni preliminari mwettqa fil-konfront tar-rikorrent kienet intemmet, xorta jibqa’ l-fatt, minn naħa, li l-Kunsill kien ġie informat mir-rikorrent, [kunfidenzjali], li din il-proċedura ma kinitx formalment pendenti u, min-naħa l-oħra, li tali ċirkustanza ma kinitx irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni taż-żamma ta’ miżura restrittiva min-naħa tal-Kunsill, li altrimenti jirriskja li jestendi tali miżura, mingħajr ma jkun jaf, b’mod indefinit, li jmur kontra n-natura provviżorja tal-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, il-fatt li [kunfidenzjali] llimita ruħu biex jirrepeti dejjem l-istess informazzjoni dwar l-investigazzjoni preliminari mingħajr ma jsemmi informazzjoni ġdida dwar l-iżvolġiment tagħha, f’dan il-każ is-sospensjoni tagħha, idgħajjef l-affidabbiltà ta’ informazzjoni [kunfidenzjali] ipprovduta u kemm kienet aġġornata.

252

Minn dan isegwi li l-Kunsill kellu jitlob lill-awtoritajiet Ukraini kjarifiki dwar ir-raġunijiet li ddeterminaw is-sospensjoni tal-proċedura kif ukoll it-tul tagħha sabiex jiġi stabbilit jekk il-kriterju rilevanti kienx issodisfatt f’dan il-każ.

253

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-informazzjoni dwar [kunfidenzjali], stabbilita fl-ittri [kunfidenzjali], hija inkompleta u ivvizzjata b’inkoerenzi tali li kellha toħloq dubju għall-Kunsill dwar kemm kienu suffiċjenti l-provi li kellu.

254

Min-naħa l-oħra, l-elementi invokati mir-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2017, iktar u iktar meta jittieħdu flimkien ma’ evidenza li tiskaġuna msemmija fil-punti 125 u 126 hawn fuq, jiġifieri, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna), ir-rapport tal-awditu stabbilit mill-IFI u r-rapport Pepper Hamilton, kienu ta’ natura li jqajjem dubji leġittimi, min-naħa tal-Kunsill, li jiġġustifikaw li dan jagħmel kontrolli addizzjonali mal-awtoritajiet Ukraini.

255

Għalhekk, il-Kunsill, fid-dawl, minn naħa, tan-nuqqas ta’ bażi fattwali li fuqhom huwa bbaża ruħu u, min-naħa l-oħra, elementi li jiskaġunaw invokati mir-rikorrent, kellu jagħmel verifiki addizzjonali u jitlob kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukraini, skont il-ġurisprudenza ċċitata, b’mod partikolari, fil-punt 113 iktar ’il fuq.

256

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kienx marbut jieħu inkunsiderazzjoni l-evidenza ppreżentata mir-rikorrent u l-argumenti mressqin minnu jew li jwettaq verifiki addizzjonali mal-awtoritajiet Ukraini, meta l-imsemmija evidenza u l-argumenti kienu tali li jqajmu dubji leġittimi dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta [kunfidenzjali].

257

It-tieni motiv mqajjem mir-rikorrent fit-tieni nota ta’ adattament huwa, għalhekk, fondat. Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati la l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, u lanqas l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata sussidjarjament, hemm lok li r-rikors jintlaqa’ sa fejn huwa intiż sabiex jikseb l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent.

Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381

258

Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li, fil-każ ta’ annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381 jinżammu fis-seħħ sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374.

259

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-appell ma għandux effett sospensiv. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 ta’ dak l-istatut jipprevedi, madankollu, li b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament jidħlu fis-seħħ biss wara li jiskadi l-perijodu li matulu jista’ jiġi ppreżentat appell, jew, jekk appell ikun ġie ppreżentat f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tiegħu.

260

F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374 għandu n-natura ta’ regolament meta jipprovdi li huwa obbligatorju kollu kemm hu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, li jikkorrispondi mal-effetti ta’ regolament kif stabbilit fl-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 121).

261

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 60, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa għaldaqstant applikabbli f’dan il-każ (sentenza tal-21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 122).

262

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni 2017/381, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

263

F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374 u’ dik tad-Deċiżjoni 2017/381 tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. L-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381 għandhom għalhekk jinżammu f’dak li jirrigwarda r-rikorrent, sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374.

Fuq l-ispejjeż

264

Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

265

F’dan il-każ, peress li r-rikorrent tilef fir-rigward tat-talba għal annullament imressqa fin-nota ta’ adattament tat-talbiet, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din it-talba, skont kif mitlub mill-Kunsill. Billi dan tilef fir-rigward tat-talba għal annullament parzjali tal-atti ta’ Marzu 2017 li saret fit-tieni nota ta’ adattament, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din it-talba, skont it-talbiet tar-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukraina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u ta’ ċerti korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina huma annullati, peress li l-isem tas- Sergiy Klyuyev kien inżamm fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

 

2)

L-effetti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2017/381 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374 qed jinżammu fir-rigward ta’ S. Klyuyev sakemm jiskadi t-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk appell ikun ippreżentat f’dak il-perijodu, sakemm l-appell jiġi miċħud.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

S. Klyuyev huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tat-talbiet għal annullament magħmula fir-rikors u fl-ewwel nota ta’ adattament.

 

5)

Il-Kunsill huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż sostnuti minn S. Klyuyev fir-rigward tat-talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2017/381 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374, imressqa fit-tieni nota ta’ adattament

 

Berardis

Spielmann

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Frar 2018.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Fatti li seħħew wara l-preżentazzjoni tar-rikors ineżami

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Fid-dritt

 

Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Ottubru 2015 u ta’ Marzu 2016, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

 

Fuq it-talbiet għal annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent

 

Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti hawn biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li huma utli għall-pubblikazzjoni.

( 2 ) Data kunfidenzjali moħbija.