Kawża T‑673/15

Guardian Europe Sàrl

vs

L‑Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill‑Kummissjoni Ewropea u mill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rappreżentanza tal-Unjoni – Preskrizzjoni – Tħassir tal-effetti legali ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva – Preċiżjoni tar-rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza – Ugwaljanza fit-trattament – Danni materjali – Telf subit – Lucrum cessans – Dannu mhux materjali – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tas-7 ta’ Ġunju 2017

  1. Unjoni Ewropea – Rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni – Rikors għad-danni kontra l-Unjoni intiż biex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni – Rappreżentanza tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    (Artikoli 13 TUE, 17(1) TUE u 19 TUE; Artikoli 256(1) TFUE, 268 TFUE, 335 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  2. Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Responsabbiltà minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu reġonevoli għal għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Data tal-għoti tas-sentenza inkwistjoni

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

  3. Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Responsabbiltà għal att individwali – Data li fiha jidhru l-effetti dannużi tal-att

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46)

  4. Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Interruzzjoni – Danni mhux materjali marbuta ma’ ħsara għar-reputazzjoni – Dannu kontinwu – Dati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46)

  5. Rikors għad-danni – Awtonomija fil-konfront tar-rikors għal annullament – Limiti – Talba għal kumpens għal danni addizzjonali li jirriżultaw minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet is-suġġett ta’ sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni u li hija ta’ natura differenti minn dik li tista’ tirriżulta mill-eżekuzzjoni ħażina ta’ dik is-sentenza – Ammissibbiltà

    (Artikoli 263 TFUE, 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-tal-Artikolu 340 TFUE)

  6. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  7. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova

    (Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE)

  8. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kunċett – Spejjeż ta’ garanzija bankarja li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ impriża li ma tħallasx il-multa imposta mill-Kummissjoni – Nuqqas ta’ rabta kawżali diretta

    (Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE)

  9. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Danni materjali li jirriżultaw minn deċiżjoni illegali tal-Kummissjoni li timponi multa għal aġir antikompetittiv – Piż marbut mal-ħlas ta’ multa mhux sostnut mir-rikorrenti – Assenza ta’ dannu reali

    (Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE)

  10. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Ksur mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell – Esklużjoni – Eċċezzjoni – Eżistenza ta’ funzjonament ħażin ġudizzjarju gravi

    (Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE)

  11. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Inklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

  12. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Kunċett – Spejjeż ta’ garanzija bankarja li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ impriża li ma tħallasx il-multa imposta mill-Kummissjoni – Nuqqas ta’ osservanza mill-qorti tal-Unjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-każ tar-rikors tal-imsemmija impriża – Eżistenza ta’ rabta kawżali – Kundizzjonijiet

    (Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE)

  13. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni tal-inflazzjoni – Interessi kumpensatorji u moratorji – Modalitajiet ta’ kalkolu

    (Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 340 TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 18)

  2.  Fil-każ speċifiku ta’ rikors għad-danni intiż għal kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza minn qorti tal-Unjoni, il-punt tat-tluq tat-terminu preskrittiv ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu, meta deċiżjoni tkun waqqfet it-terminu kontenzjuż għall-għoti ta’ sentenza, jiġi stabbilit bħala d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, tali data tikkostitwixxi data ċerta, stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Hija tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

    (ara l-punt 26)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 32, 35)

  4.  Fil-każ ta’ danni ta’ natura kontinwata, il-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, skont id-data tal-att li jinterrompi, għall-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin minn din id-data, mingħajr ma taffettwa d-drittijiet eventwali li nħolqu matul perijodi sussegwenti. Id-danni mhux materjali ta’ ħsara għar-reputazzjoni huma ta’ natura kontinwata. Fil-fatt, għalkemm hija tista’ tieħu forom differenti, il-ħsara għar-reputazzjoni hija ġeneralment dannu li jiġġedded kuljum u jdum sakemm tintemm l-allegata kawża ta’ tali ħsara. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-allegata ħsara għar-reputazzjoni allegatament toriġina minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li, għall-ewwel, tiġi adottata u reża pubblika permezz ta’ stqarrija għall-istampa u li, sussegwentement, tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ sommarju.

    (ara l-punti 39, 42, 43)

  5.  Ir-rikors għad-danni marbut ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tagħha ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu minn azzjonijiet ġudizzjarji oħra, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-iskop speċifiku tiegħu.

    Fir-rigward ta’ rikors għad-danni dwar allegat lucrum cessans subit minħabba allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet is-suġġett ta’ sentenza għall-annullament ta’ qorti tal-Unjoni meta r-rikorrenti titlob kumpens għad-danni li, minn naħa, huma differenti minn dawk li jirriżultaw minn eżekuzzjoni ħażina, mill-Kummissjoni tas-sentenza għal annullament u li, min-naħa l-oħra, huma addizzjonali għas-somom irrimobrsati mill-Kummissjoni sabiex teżegwixxi l-imsemmija sentenza, din it-talba la għandha l-istess suġġett u lanqas l-istess effett ta’ eventwali rikors għal annullament ippreżentat kontra miżura meħuda mill-Kummissjoni u ma għandhiex, għalhekk, titqies inammissibbli taħt użu ħażin ta’ proċedura.

    (ara l-punti 53, 63, 64)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 75, 76, 154)

  7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 81, 82)

  8.  Fir-rigward ta’ talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba allegat ksur suffiċjentment serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal aġir antikompetittiv, rikorrent ma jistax issostni b’mod validu li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja li huwa ħallas huma riżultat dirett tal-illegalità ta’ din id-deċiżjoni, peress li huwa ddeċieda, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li ma jeżegwixxix b’mod sħiħ l-obbligu tiegħu li jħallas il-multa immedjatament, iżda li jikkostitwixxi garanzija bankarja għal parti mill-ammont tal-multa, konformement mal-possibbiltà offruta mill-Kummissjoni.

    F’dan ir-rigward, id-dannu li huwa jallega li jirriżulta direttament u b’mod determinanti mill-għażla tiegħu stess li ma jeżegwixxix l-obbligu tiegħu li jħallas il-multa sħiħa. Li kieku r-rikorrent għażel il-ħlas immedjat tal-ammont sħiħ tal-multa, huwa kien jevita li jħallas l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa. Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-deċiżjoni kontenzjuża u l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja għandha tiġi miċħuda.

    (ara l-punti 91-93)

  9.  Fir-rigward ta’ talba għal kumpens għad-dannu li allegatament sofra minħabba deċiżjoni illegali tal-Kummissjoni li timponi multa għal aġir antikompetittiv, rikorrent li ma ġarrabx personalment il-piż marbut mal-ħlas ta’ din il-multa ma jistax manifestament jallega li huwa sofra danni reali u ċerti li jikkonsistu fid-differenza bejn, minn naħa, l-interessi rrimobrsati mill-Kummissjoni fuq il-parti tal-ammont tal-multa li finalment ġiet iddikjarata mhux dovuta mill-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id-dħul li huwa seta’ jiġġenera li kieku, minflok ma ħallas is-somma inkwistjoni lill-Kummissjoni, huwa kien investiha fl-attivitajiet tiegħu.

    (ara l-punt 103)

  10.  L-Unjoni ma tistax tinżamm responsabbli minħabba kontenut ta’ deċiżjoni ġuridika li ma ġietx mogħtija minn qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza u li għalhekk setgħet tkun is-suġġett ta’ appell. Din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà li rikorrent ifittex, f’każijiet eċċezzjonali, ir-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba funzjonament ħażin ġudizzjarji gravi, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali jew amministrattiva, li jaffettwa l-attività ta’ qorti tal-Unjoni.

    (ara l-punti 122, 124)

  11.  Sa fejn taqbeż b’26 xahar it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, il-proċedura segwita f’kawża fil-qasam tal-kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

    Fil-fatt, in-natura raġonevoli tal-perijodu bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kumplessità tat-tilwima kif ukoll fuq l-aġir tal-partijiet u fuq l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali. Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, qabel kollox, perijodu ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura bħala prinċipju jikkostitwixxi tul adegwat sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Sussegwentement, fil-kawża inkwistjoni, it-trattament parallel ta’ kawżi konnessi ma jistax jiġġustifika titwil tal-perijodu bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, il-grad ta’ kumplessità fattwali, legali u proċedurali tal-kawża ma jiġġustifikax li jinżamm perijodu itwal. F’ dan ir-rigward, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, il-proċedura la ġiet interrotta u lanqas ittardjata bl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ kwalunkwe miżura ta’ organizzazzjoni ta’ din. Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u tal-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali, il-perijodu li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura bl-ebda mod ma kien influwenzat minn tali aġir jew mill-okkorrenza ta’ tali inċidenti.

    Għalhekk, il-perijodu ta’ 41 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din tal-aħħar juri perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat ta’ 26 xahar.

    (ara l-punti 133-137, 139)

  12.  Fil-kuntest ta’ kawża dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għal aġir antikompetittiv, teżisti rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni u l-okkorrenza tad-dannu li r-rikorrenti sofriet minħabba l-ħlas, minnha, ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-qbiż ta’ dan it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-mument fejn ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha fil-kawża inkwistjoni u fil-mument fejn din tal-aħħar għamlet garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li r-rikors tagħha jiġi ttrattat f’terminu raġonevoli. It-tieni nett, il-qbiż tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawża inkwistjoni ġrat wara l-għażla inizjali tar-rikorrenti li tagħmel garanzija bankarja. Għalhekk, ir-rabta bejn il-qbiż ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi għal dan il-qbiż ma setax ġie interrott mill-għażla inizjali tar-rikorrenti li ma tħallasx immedjatament parti mill-multa imposta fuqha bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u li tagħmel garanzija bankarja.

    (ara l-punt 160)

  13.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 167-169)