SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fil‑konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru‑Afrikana – Iffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni ta’ iskrizzjoni inizjali – Lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-ismijiet tar-rikorrenti – Implementazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-ONU – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T-619/15,

Bureau d’achat de diamant Centrafrique (Badica), stabbilit f’Bangui (Repubblika Ċentru-Afrikana),

Kardiam, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju),

irrappreżentati minn D. Luff u L. Defalque, avukati

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u P. Mahnič Bruni, bħala aġenti,

il-konvenut,

li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall‑annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1485, tat-2 ta’ Settembru 2015, li jimplimenta l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s‑sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU 2015, L 229, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur) u K. Kowalik-Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, jiġifieri il-Bureau d’achat de diamant Centrafrique (Badica), li hija kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u Kardiam, il-kumpannija oħt tagħha, li hija kumpannija Belġjana, jeżerċitaw attività ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ djamanti.

2

Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana hija pajjiż li għadu qiegħed jiżviluppa u parti mir-riżorsi tiegħu hija l-esportazzjoni tad-djamanati u tad-deheb. B’mod partikolari, id-djamanti jirrappreżentaw 40 % tal-valur tal‑esportazzjonijiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.

3

F’Marzu 2013, Francis Bozizé, President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, twaqqa’ mill-poter minn koalizzjoni b’maġġoranza musulmana, is‑Séléka. Michel Djotodia, l-opponent politiku tiegħu, sar President tar‑Repubblika Ċentru-Afrikana. Dan ġab miegħu vjolenza bejn is-Séléka u gruppi magħmula minn maġġoranza ta’ Kristjani u Animisti, imsejħa “anti-balaka”.

4

Sabiex jiġi evitat li “djamanti tal-gwerra” ma jalimentawx il-kunflitti bl-armi billi jipprovdu lill-gruppi rivali sors ta’ dħul, ġie introdott il-Proċess Kimberley, sistema internazzjonali ta’ ċertifikazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma. Bis-saħħa, b’mod partikolari, tat-Taqsima 4(a) tal-Proċess Kimberley, kull parteċipant għandu “joħloq sistema ta’ kontrolli interni sabiex jiġu eliminati d-[djamanti tal-gwerra] mill-merkanzija ta’ djamanti mhux maħduma li huma importati fit-territorju tiegħu jew li huma esportati”. Id-“djamanti tal-gwerra” huma ddefiniti mill-Proċess Kimberley bħala d-“djamanti mhux maħduma użati mill-movimenti ta’ ribelli jew l-alleati tagħhom sabiex jiffinanzjaw kunflitt maħsub li jdgħajjef gvernijiet leġittimi skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti”. Id-djamanti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti mill-Proċess Kimberley jingħataw ċertifikat.

5

F’Mejju 2013, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana ġiet sospiża temporanjament mill-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley. L-esportazzjoni ta’ djamanti Ċentru-Afrikani ġiet ipprojbita, minħabba din is-sospensjoni. F’Lulju 2014, il-Proċess Kimberley ippubblika deċiżjoni amministrattiva sabiex id-djamanti Ċentru-Afrikani jiġu esklużi mill-kummerċ leċitu.

Miżuri introdotti mill-ONU

6

Fil-5 ta’ Diċembru 2013, bħala risposta għas-sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r‑Riżoluzzjoni 2127 (2013) li fiha ddikjara li jinsab “imħasseb ferm bl-istat ta’ sigurtà li kompla jiddeterjora fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u dan huwa kkaratterizzat mill-kollass totali tal-ordni pubbliku, in‑nuqqas tal-Istat tad-dritt u tensjonijiet bejn diversi reliġjonijiet”. Fil-paragrafu 16 tal-imsemmija riżoluzzjoni, huwa “ikkundanna l-użu illegali tar-riżorsi naturali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li jikkontribwixxi għal kontinwazzjoni tal-kunflitt u enfasizza li dawn l‑attivitajiet illegali kellhom jieqfu, fost l-oħrajn billi jiġu eżerċitati l‑pressjonijiet meħtieġa fuq il-gruppi armati, it-traffikanti u l-protagonisti l-oħra kollha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

F’dan il-kuntest, il-Kunsill tas-Sigurtà, fil-paragrafu 54 tar‑Riżoluzzjoni 2127 (2013), impona embargo fuq l-armi. Fil‑paragrafu 56 tal-imsemmija riżoluzzjoni, huwa esprima wkoll “l-intenzjoni tiegħu li jipprevedi malajr l-impożizzjoni ta’ miżuri speċifiċi, fosthom il-projbizzjoni ta’ vvjaġġar u l-iffriżar ta’ fondi, għal persuni li, bl-aġir tagħhom, jikkompromettu l-paċi, l-istabbilità u s-sigurtà, b’mod partikolari billi […] jsostnu l-gruppi armati b’mod illegali u netwerks kriminali permezz tal-użu illeċitu ta’ riżorsi naturali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż id-djamanti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Fil-kuntest tal-miżuri msemmija fil-punt 7 hawn fuq, il-Kunsill tas‑Sigurtà, fil-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013), waqqaf Kumitat tas-Sanzjonijiet fir-rigward tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”) inkarigat mis‑superviżjoni tal-implementazzjoni tagħhom. Fil-paragrafu 59 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà talab ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU), sabiex b’konsultazzjoni mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, joħloq, għal perijodu inizjali ta’ tlettax-il xahar, grupp ta’ mhux iktar minn ħames esperti (iktar ’il quddiem il‑“grupp ta’ esperti”) taħt id-direzzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u inkarigat, b’mod partikolari, sabiex jgħinu jwettaq il-mandat tiegħu u jipprovdilu informazzjoni. Il-paragrafu 59(c) tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013) ippreveda b’mod partikolari li l-grupp ta’ esperti, “javża lill‑Kunsill [tas-Sigurtà], wara konsultazzjoni mal‑[k]umitat [tas-sanzjonijiet] bis-sitwazzjoni sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Marzu 2014, u jibgħat lill-Kunsill rapport ta’ azzjoni sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Lulju 2014 u rapport finali sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ Novembru 2014”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Fit-28 ta’ Jannar 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 2134 (2014) li tipprevedi li “l-Istati Membri kollha għandhom, għal perijodu inizjali ta’ sena mill-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, jiffriżaw b’mod immedjat il-fondi, beni oħra finanzjarji u riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit‑territorju tagħhom li qegħdin fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ individwi jew entitajiet indikati mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet imwaqqaf mill-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013)”. Huwa spjega li l-miżuri previsti japplikaw ukoll għal individwi u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li “[j]offru sostenn lill-gruppi armati jew netwerks kriminali, għall-użu illegali ta’ riżorsi naturali (djamanti, fawna u prodotti li ġejjin minn speċi selvaġġi) tar‑Repubblika Ċentru-Afrikana”.

10

Fis-26 ta’ Ġunju 2014, il-grupp ta’ esperti, skont il-paragrafu 59(c) tar‑Riżoluzzjoni 2127 (2013), ipprepara r-rapport ta’ azzjoni dwar ir‑Repubblika Ċentru-Afrikana. Huwa ddeskriva fil-qosor is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kummerċ ta’ riżorsi naturali bil-mod segwenti:

“Gruppi armati jipparteċipaw fit-traffiku u fl-użu illegali tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari tad-deheb u tad-djamanti. […] Fil-lvant, il‑forzi tas-Séléka jkomplu jikkontrollaw il-mini tad-deheb artiġjanali, bħal Ndassima (prefettura ta’ Ouaka). L-amministrazzjoni tal-mini qiegħda tieħu lura ftit ftit il-kontroll taż-żoni ta’ produzzjoni ta’ djamanti madwar Bria u Sam-Ouandja (prefettura ta’ Haute-Kotto), il-kummerċ uffiċċjali ma’ Bangui jerġa’ jibda parzjalment […] Minħabba s-sospensjoni temporanja tar-Repubblika Ċentru-Afrikana mis-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley, l-esportazzjonjiet uffiċjali ta’ djamanti ġew ipprojbiti f’Mejju. Madankollu, l-akkwist ta’ djar b’Bangui kompla bil-għan li jinxtraw u jiġu maħżuna uffiċjalment djamanti miż‑żoni ta’ produzzjoni kollha, filwaqt li kien hemm żieda ta’ traffiku ta’ djamanti bejn Bangui u l-Istati viċini […]”

11

Fit-28 ta’ Ottubru 2014, il-grupp ta’ esperti, skont il-paragrafu 59(c) tar‑Riżoluzzjoni 2127 (2013), ippreżenta r-rapport finali tiegħu dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti”). Huwa ddeskriva fil-qosor is-sitwazzjoni fir‑rigward tal-kummerċ ta’ riżorsi naturali bil-mod segwenti:

“Minn meta r-Repubblika Ċentru-Afrikana ġiet sospiża mill-Proċess Kimberley f’Mejju 2013, huwa stmat li madwar 140000 karati ta’ djamanti b’valur ta’ USD 24 miljun ġew esportati klandestinament. F’Mejju 2014, l-awtoritajiet Belġjani ssekwestraw 6634 karati li ntbagħtu minn Kinshasa mbagħad minn Doubaï għal Kardiam, kumpannija bis-sede f’Antwerp (il-Belġju), li hija s-sussidjarja Belġjana tal-kumpannija Ċentru-Afrikana ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ djamanti, Badica.

Il-grupp ta’ esperti huwa tal-fehma li ċerti djamanti ssekwestrati fil-Belġju kienu ġejjin minn Sam-Ouandja u minn Bria (prefettura ta’ Haute-Kotto) fil‑lvant tal-pajjiż, fejn il-forzi tal-ex-Séléka jimponu taxxi fuq inġenji tal‑ajru li jittrasportaw djamanti u jirċievu mingħand il-kolletturi tad‑djamanti pagamenti għal protezzjoni […]

It-traffiku tad-deheb fiċ-Ċentru-Afrikan, stmat madwar 2 tunnellati fis‑sena, jgħaddi prinċipalment mill-Kamerun. F’dan it-traffiku jipparteċipaw kolletturi ta’ Yaloké (prefettura ta’ Ombella-Mpoko) u ta’ Boda (prefettura ta’ Lobaye) li ħarbu mill-Kamerun sabiex jevitaw l‑attakki ispirati minn motivi reliġjużi jew minn gruppi anti-balaka sa minn Jannar 2014 u li waslu sabiex ħadu l-kontroll tal-mini tad-deheb artiġjanali ta’ madwar Yaloké […]”

12

Fit-22 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 2196 (2015) li fiha, b’mod partikolari, estenda l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi introdotti bir-Riżoluzzjoni 2134 (2014). Fil-paragrafu 7 tal-imsemmija Riżoluzzjoni huwa indika, li, “sad-29 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri kollha għandhom ikomplu jiffriżaw […] il-fondi u beni oħra finanzjarji u riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit‑territorju tagħhom li qegħdin fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ individwi jew entitajiet indikati mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet jew minn kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi għan-nom jew fuq l-ordnijiet tagħhom jew ta’ kwalunkwe entità fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom”. Fil‑paragrafu 12(d) tal-imsemmija riżoluzzjoni huwa spjega li, “il-miżuri previsti [fil-paragrafu 7] japplikaw ukoll għall-persuni u entitajiet li l‑Kumitat tas-Sanzjonijiet kien indika bħala li jagħtu sostenn lill-gruppi armati jew lit-traffiku ta’ riżorsi naturali (djamanti, jew annimali selvaġġi jew prodotti li joriġinaw minn dawn l-annimali) tar-Repubblika Ċentru-Afrikana”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Fil-11 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti bagħtu lill-President u lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà “kontrorapport” (iktar ’il quddiem il‑“kontrorapport”) intiż sabiex “jitfa’ dawl differenti fuq l-akkużi kontra Badica u Kardiam [u sabiex] jikkoreġi l-informazzjoni nieqsa jew ineżatta [tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti]” u sabiex issir korrezzjoni, mill-grupp tal-esperti, tal-fatti allegati fir-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti.

14

Fit-8 u fis-27 ta’ April u fit-2 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti kitbu lill‑Kumitat tas-Sanzjonijiet sabiex jirrapportaw l-irregolaritajiet fl‑investigazzjoni li saret mill-grupp ta’ esperti. Barra minn hekk, fil-messaġġ elettroniku tagħhom tas-27 ta’ April 2015, huma talbu li jingħatalhom aċċess għall-fajl.

15

Fit-28 ta’ April 2015, il-koordinatur tal-grupp ta’ esperti (iktar ’il quddiem il-“koordinatur”) informa lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz ta’ messaġġ elettroniku, li l-investigazzjoni kienet saret b’mod legali, skont ir‑regoli tal-ONU u li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġew irrispettati. F’dan ir-rigward, huwa nnota li l-grupp ta’ esperti kien sema’ lir‑rikorrenti minkejja r-riżervi min-naħa tagħhom.

16

Fl-20 ta’ Awwissu 2015, skont il-paragrafu 59(d) tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika fuq is-sit internet tal-ONU “Sunt tal-motivi tal-iskrizzjoni fil-lista ta’ sanzjonijiet tiegħu ta’ ismijiet ta’ individwi u ta’ entitajiet fil-qosor” (iktar ’il quddiem is-“sunt tal-motivi tal‑Kumitat tas-Sanzjonijiet”), fosthom dawk tar-rikorrenti. Is‑sunt tal‑motivi tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet huwa s-segwenti:

“Motivi li waslu għall-iskrizzjoni fil-Lista:

Fl-20 ta’ Awwissu 2015, skont [il-paragrafu 12(d)] tar‑Riżoluzzjoni 2196 (2015), [Badica u Kardiam] ġew inklużi fuq il‑Lista ta’ persuni u entitajiet “li jagħtu sostenn lill-gruppi armati jew netwerks kriminali bl-użu illegali jew it-traffiku ta’ riżorsi naturali (djamanti, jew annimali selvaġġi jew prodotti li joriġinaw minn daw l-annimali) tar‑[Repubblika Ċentru‑Afrikana]”.

Informazzjoni addizzjonali:

[Badica u Kardiam taw] sostenn lil gruppi armati fir-Repubbliku Ċentru‑Afrikana, jiġifieri lil-ex-Séléka u l-forzi anti-balaka, permezz tal‑użu u tal-kummerċ illegali ta’ riżorsi naturali – djamanti u deheb, b’mod partikolari.

Fl-2014, [Badica] kompliet tixtri djamanti ta’ Bria u Sam-Ouandja (prefettura ta’ Haute-Kotto) fil-lvant tar-Repubblika Ċentru‑Afrikana, fejn forzi tal-ex-Séléka jimponu taxxi fuq ajruplani li jittrasportaw djamanti u jitolbu ħlas minn għażżieqa tad-djamanti sabiex jiżguraw is‑sigurtà tagħhom. Diversi fornituri ta’ djamanti [ta’ Badica] fi Bria u Sam-Ouandja għandhom rabtiet mill-qrib mal-kmandanti tal-ex-Séléka.

F’Mejju 2014, l-awtoritajiet Belġjani ssekwestraw żewġ pakketti ta’ djamanti mibgħuta fl-uffiċċju [ta’ Badica] f’Antwerp, li huwa rreġistrat fil-Belġju bl-isem K[ardiam]. Skont l-esperti, huwa probabbli ferm li d-djamanti ssekwestrati ġejjin mir-Repubblika Ċentru‑Afrikana peress li għandhom il-karatteristiċi tad-djamanti ta’ Sam-Ouandja u ta’ Bria, kif ukoll ta’ Nola (prefettura ta’ Sangha Mbaéré), fil-lbiċ tal-pajjiż.

In-negozjanti li kienu jixtru djamanti li ħarġu illegalment mir-Repubblika Ċentru‑Afrikana, b’mod partikolari mill-parti tal-punent tal-pajjiż, lejn swieq barranin kienu joperaw fil-Kamerun permezz ta’ [Badica].

F’Mejju 2014, B[adica] esportat ukoll id-deheb minn Yaloké (Ombella‑Mpoko), fejn il-mini ta’ deheb artiġjanali kienu taħt il-kontroll tas-Séléka sal-bidu tax-xahar ta’ Frar 2014, qabel ma waqgħu f’idejn gruppi anti-balaka.”

17

Fl-24 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti saru jafu, permezz ta’ messaġġ elettroniku mibgħut lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, bl-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ sanzjonijiet prevista bir-Riżoluzzjoni 2196 (2015). Filwaqt li fakkru t-“tħassib qawwi” tagħhom dwar il-legalità tal-investigazzjoni magħmula mill-grupp ta’ esperti, huma b’mod partikolari, reġgħu talbu aċċess għall-fajl.

18

Fit-23 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti osservaw li, wara l-laqgħa tal-istess jum li saret mas-Segretarju tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, it-talba tagħhom għal aċċess għall-fajl ġiet miċħuda, minħabba n-natura “diplomatika” tal-proċess li wassal għall-impożizzjoni tas-sanzjonijiet.

19

Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-koordinatur talab informazzjoni lir-rikorrenti dwar l-attivitajiet tagħhom fir-Repubblika Ċentru‑Afrikana sa mill‑adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 2196 (2015) u, b’mod partikolari, li kienu jikkonċernaw il-pagamenti magħmula minn Badica lill-forzi tal-ex-Séléka fi Bria (Repubblika Ċentru-Afrikana) u Sam‑Ouandja (Repubblika Ċentru-Afrikana) sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-kolletturi tagħhom u li jikkonċernaw l-għarfien li t-tmexxija ta’ Badica kellha ta’ dawn il-pagamenti u ta’ ħlasijiet magħmula lill-forzi tal-ex-Séléka mill-kolletturi u mill-minaturi artiġjanali fornituri ta’ djamanti f’Badica.

20

Fit-23 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti rrispondew għall-mistoqsijiet tal‑koordinatur. Huma għamlu wkoll numru ta’ lmenti fir-rigward tal‑investigazzjoni li saret mill-grupp ta’ esperti. B’mod partikolari, huma allegaw li l-grupp ta’ esperti kellu jagħti aċċess għad-dokumenti li fuqhom ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu, ma kienx sema’ lil dawk responsabbli minn Badica u li bbaża ruħu fuq diskors li sar minn xhieda anonimi. Ir-rikorrenti enfasizzaw ukoll li l-grupp ta’ esperti wettaq l‑investigazzjoni meta kien akkumpanjat minn persuni terzi mhux magħrufa u li kien wettaq investigazzjoni inkriminanti.

21

Fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-koordinatur irrisponda għall-messaġġ elettroniku tar-rikorrenti tat-23 ta’ Ottubru 2015. Wara li ħa konoxxenza tal-fatt li r‑rikorrenti xtaqu jiksbu mill-grupp ta’ esperti dokumenti addizzjonali minbarra dawk ippreżentati fir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa indika, b’mod partikolari, li ċerti elementi speċifiċi b’riferiment għall‑kontrorapport kienu integrati fir-rapport sussegwenti tal-grupp ta’ esperti li l-pubblikazzjoni tiegħu kienet prevista qabel il‑31 ta’ Diċembru 2015.

22

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2015, il-grupp ta’ esperti ppreżenta rapport ġdid dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (iktar tard ir-“rapport tal‑21 ta’ Diċembru 2015 tan-Nazzjonijiet Uniti”) li fih ikkonferma l‑konklużjonijiet tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

23

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2016 lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ir‑rikorrenti bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑21 ta’ Diċembru 2015.

Miżuri imposti mill-Unjoni

24

Sabiex jimplementa r-Riżoluzzjonijiet 2134 (2014) u 2196 (2015) tal‑Kunsill tas-Sigurtà, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea introduċa miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru‑Afrikana billi adotta, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 224/2014, tal-10 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru‑Afrikana (ĠU 2014, L 70, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (UE) 2015/734, tas-7 ta’ Mejju 2015 (ĠU 2015, L 117, p. 11) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”).

25

L-Artikolu 5 tar-Regolament Bażiku jipprevedi:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l‑proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom ikunu mqegħdin għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I.

3.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li huma involuti jew jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar‑Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jheddu jew jiksru l‑ftehimiet transitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta’ transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza:

[…]

d)

li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, id-deheb, annimali selvaġġi kif ukoll prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-Repubblika Ċentru‑Afrikana;

[…]”

26

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku:

“1.   Fejn il-Kunsill ta’ Sigurtà […] jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp u jkun ipprovda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-elenakar, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet lill‑persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

2.   Meta jitressqu osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna, l-entità jew l-korp skont dan.

3.   Fejn in-Nazzjonijiet Uniti jiddeċiedu li jneħħu mil-lista persuna, entità jew korp, jew li jemendaw id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont dan.”

27

Fit-2 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill adotta, minn naħa, id‑Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni (PESK) 2015/1488 li timplimenta d‑Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU 2015, L 229, p. 12) u, min-naħa l-oħra, ir‑Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/1485 li jimplimenta l‑Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku (ĠU 2015, L 229, p. 1, iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

28

L-Artikolu 1 tal-att ikkontestat jindika li l-“persuni u l-entità elenkati fl‑Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl‑Anness I tar-Regolament [Bażiku]”.

29

Il-punt B.1 tal-lista li tinsab fl-anness tal-att ikkontestat iżid lir-rikorrenti fuq il-lista annessa mar-Regolament Bażiku. Il-motivazzjoni użata għall‑imsemmi punt tirrifletti, fl-argumenti intitolati “Informazzjoni mit‑taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill‑Kumitat tas-Sanzjonijiet” u “Informazzjoni oħra”, ir-raġunijiet tal‑iskrizzjoni fil-lista użati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara l‑punt 16 hawn fuq). F’dan ir-rigward, huwa spjegat, fl-ewwel argument imsemmi hawn fuq li, “[f]l-20 ta’ Awwissu 2015, skont il‑paragrafu 12(d) tar-Riżoluzzjoni 2196 (2015) bħala li “pprovda appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illegali u l-kummerċ ta’ riżorsi naturali bħad-djamanti, id-deheb, kif ukoll l-annimali selvaġġi u l-prodotti tagħhom, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana”.

30

Fit-2 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti informaw lill-Kunsill, permezz ta’ messaġġ elettroniku, li ma kienu rċevew ebda notifika tal-att ikkontestat, minkejja li l-indirizzi tagħhom kienu magħrufa. Barra minn hekk, huma kkontestaw ir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti u s-sanzjonijiet li rriżultaw minnu u talbu lill-Kunsill jibgħatilhom id-dokumenti li fuqu ġie bbażat l-imsemmi rapport.

31

Fis-16 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill irrisponda l-ittra tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Ottubru 2015. Huwa indika li t-talba għal aċċess għad‑dokumenti tal-fajl intbagħtet lill-President tal-Kumitat tas‑Sanzjonijiet u annetta r‑risposta tiegħu, datata 8 ta’ Ottubru 2015. Fir-risposta tiegħu, il-President tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet indika li l‑kontrorapport kien intbagħat lill-membri tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Huwa rrefera wkoll, bħala informazzjoni mitluba mir-rikorrenti dwar id-denominazzjoni tagħhom, għar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti u għas‑sunt tar-raġunijiet tal‑Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

33

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-att ikkontestat inkwantu jirrigwardahom;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

34

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

35

Fir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti u, it‑tielet nett, fuq nuqqas ta’ eżami tal-fatti inkwistjoni mill-Kunsill. Fir‑replika, ir-rikorrenti jinvokaw motiv ġdid ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

36

Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat il-motiv ġdid ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, imbagħad, il-motiv ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sussegwentement il-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, u fl-aħħar nett, il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami tal-fatti tal-kawża mill-Kunsill.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

37

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill jiġġustifika l-legalità tal-att ikkontestat bil-produzzjoni, fl-anness mar-risposta, ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti wara d-data tal-att ikkontestat, jiġifieri r-rapport redatt minn Amnesty International fit-30 ta’ Settembru 2015, ir-risposta tal-grupp ta’ esperti lir-rikorrenti tas‑7 ta’ Diċembru 2015 u r-rapport tal‑21 ta’ Diċembru 2015 tan-Nazzjonijiet Uniti.

38

Skont ir-rikorrenti, il-legalità ta’ att adottat minn istituzzjoni tal‑Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument li fih sar l-att. Din il-pożizzjoni hija stabbilita fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-motivazzjoni għandha tkun inkluża fl-att stess u li, sabiex tiġi ssodisfatta, ma huwiex biżżejjed li din tkun tista’ tinsilet minn dokumenti fil-fajl, u wisq inqas meta dawn tal-aħħar jkunu tfasslu wara d-data tal-adozzjoni tal‑att.

39

Konsegwentement, billi ġġustifika l-att ikkontestat b’punti ta’ liġi u ta’ fatt wara d-data tal-adozzjoni tiegħu u li ġew irrilevati matul il-proċedura, il-Kunsill kiser ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni formali li huwa għandu jissodisfa.

40

Ir-rikorrenti jispjegaw li dan il-motiv, minkejja li huwa ġdid, jista’ jitqajjem sa fejn, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda hija permissibbli sakemm dawn ikunu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt irrilevati matul il‑proċedura, li huwa l-każ f’din il-kawża.

41

Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqgħu taħt il‑ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis‑sens tal-Artikolu 230 TFUE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill‑qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tirrikonoxxi ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dan il‑motiv huwiex ibbażat fuq “punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il‑proċedura”.

44

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li, billi fir-risposta ġġustifikaw l-att ikkontestat permezz ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi wara d-data ta’ dan l-att, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni.

45

Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jikkontestaw jekk il-motivazzjoni kif tinsab fl-att ikkontestat kinitx biżżejjed.

46

Min-naħa l-oħra, kif ifakkru r-rikorrenti stess (ara l-punt 38 hawn fuq), fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, il‑legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li, anki jekk il-Kunsill ipprova, matul din il-proċedura ġudizzjarja, iressaq motivi addizzjonali għall-att ikkontestat, dan il-fatt, fih innifsu, ma għandux jannulla l-legalità tal-imsemmi att, sakemm dan ma jkunx tali li jistabbilixxi li l-motivi li jinsabu fl-att ikkontestat fil‑mument tal-adozzjoni tiegħu ma kinux biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T-349/03, EU:T:2005:221, punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq il-preżentazzjoni mill‑Kunsill, fir-risposta, ta’ elementi ta’ fatt u ta’ liġi li seħħew wara d‑data tal-att ikkontestat, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li huwa intiż sabiex jistabbilixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, bla ħsara għall-ammissibbiltà tal-imsemmija punti fil-kuntest tal‑eżami tal-fondatezza tal-att ikkontestat.

48

Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

49

L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel waħda, fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali lir‑rikorrenti tal-att ikkontestat u, it-tieni, fuq “in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ provi, ta’ aċċess għall-fajl u ta’ ksur tal-prinċipju tal‑kontradittorju u ta’ trasparenza”.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali lir-rikorrenti tal-att ikkontestat

50

Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal‑Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku, inkwantu l-att ikkontestat ma ġiex innotifikat lilhom mill-Kunsill minkejja li dan tal-aħħar kien jaf l-indirizzi tagħhom.

51

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti ma huwiex fondat.

52

Minn naħa, għalkemm huwa minnu li att li jadotta jew li jżomm miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew entità għandu jiġi kkomunikat lil din tal-aħħar u li hija din il-komunikazzjoni li tiskatta t-terminu għall‑preżentata, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata, ta’ rikors għal annullament kontra l-att inkwistjoni abbażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, dan il-fatt ma jfissirx li n‑nuqqas ta’ tali komunikazzjoni tiġġustifika, waħedha, l-annullament tal‑att inkwistjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T-7/11, EU:T:2013:397, punt 112).

53

F’dan ir-rigward, kif isostni l-Kunsill, ir-rikorrenti ma jinvokawx argument li juru li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tal-att ikkontestat wasslet għal ksur tad-drittijiet tagħhom li jiġġustifika l-annullament ta’ dawn tal-aħħar sa fejn jikkonċernawhom (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayale vs Il-Kunsill, T‑307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali dannu ma tirriżultax, barra minn hekk, mill-atti tal-proċess, peress li, qabelxejn, il-motivi użati fir-rigward tar-rikorrenti fl-att ikkontestat huma identiċi għall-motivi li jinsabu fis‑sunt tar-raġunijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet magħrufa minnhom, imbagħad, huma kienu f’pożizzjoni li jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-att ikkontestat, u, fl-aħħar nett, huma kienu f’pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni tal-att ikkontestat minn sors ieħor u li jehmżu kopja tiegħu mar-rikors tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 113).

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-“nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ provi, ta’ aċċess għall-fajl u ta’ ksur tal-prinċipju tal‑kontradittorju u ta’ trasparenza”

56

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma kienu suġġetti għal sanzjonijiet internazzjonali u Ewropej mingħajr ma kellhom aċċess għall‑fajl, mingħajr ma l-kontrorapport tagħhom ma ttieħed inkunsiderazzjoni mill-ONU u mingħajr ma ngħatat ebda risposta mill‑ONU.

57

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jindikaw, essenzjalment, li la seta’ jkollhom aċċess għall-fajl quddiem l-ONU u lanqas quddiem il-Kunsill, bi ksur tas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punti 281 sa 285). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-aċċess għall-fajl huwa rekwiżit fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jippermetti li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża.

58

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-grupp ta’ esperti ma ħejjiex rapport ġdid wara l-kontrorapport u ma wettaqx investigazzjoni addizzjonali, minkejja l-proposti ta’ kooperazzjoni li huwa għamel bil-miktub. Madankollu, fil-kontrorapport, ir-rikorrenti kienu enfasizzaw li r-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti ma kienx fondat fuq investigazzjoni rigoruża tal‑fatti u ma kienx ġie redatt b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali, tar-regoli proposti mill-ONU fir-“rapport tagħhom tal‑2006” u tal-prinċipji ewlenin stabbiliti mill-esperti nfushom fl‑introduzzjoni tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti.

59

It-tielet nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li r-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, inkwantu jikkonċernahom huwa purament inkriminanti, bi ksur tal‑Artikolu 14(3)(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑6 ta’ Diċembru 1966, u tal-prinċipji essenzjali tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti jżidu li Badica bl-ebda mod ma ngħatat dritt ta’ risposta waqt li kien qiegħed jitħejja l-abbozz tar-rapport u li d-dikjarazzjonijiet li kienu favur Badica ma ssemmewx fir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-aħħar nett, huma jindikaw, li wara l-adozzjoni tas-sanzjonijiet, il‑koordinatur tal-grupp ta’ esperti talab lil Badica tagħtih provi negattivi, f’lingwa li ma kinitx tiegħu, mingħajr ma ntbagħtet kopja lill-avukati tagħha u f’terminu ta’ ħamest ijiem xogħol.

60

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-investigazzjoni tal-grupp ta’ esperti oriġinat minn proċedura kriminali mibdija f’Antwerpen (Belġju) kontra Kardiam, wara s-sekwestru ta’ żewġ lottijiet ta’ djamanti ssuspettati li kienu ġejjin mir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Madankollu, peress li din l‑investigazzjoni kienet għadha pendenti, Kardiam ma setax ikollu għarfien tad-dokumenti tal-proċess u jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ innoċenza. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jispjegaw, fir-replika, li fis‑sentenza tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il-Kunsill (T-37/07 u T‑323/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:296, punt 48), id-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi kienet adottata mill-Kunsill billi bbaża ruħu fuq kundanna mogħtija minn qorti nazzjonali. Madankollu, f’dan il-każ, ma kien għad hemm ebda kundanna fil-Belġju, b’tali mod li l-miżura kienet tikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

61

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja li l-Kunsill irrikonoxxa li ma għandu ebda dokument mill-fajl tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ma jistax jitqies li huwa f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta u li għandu jimplementa b’mod awtomatiku “ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti”, mingħajr kunsiderazzjoni għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518), mingħajr ma jkun ivverifika, minn qabel, l-eżattezza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-imsemmija riżoluzzjonijiet u r-rispett tad-drittijiet fundamentali minn dawn ir-riżoluzzjonijiet – b’mod partikolari, id-dritt li jkun hemm aċċess għall-fajl u d-dritt għal smigħ. Ir‑rikorrenti jilmentaw, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill ma pproduċa ebda informazzjoni jew prova li tmur lil hinn mill-motivazzjoni li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika fl-20 ta’ Awwissu 2015, fis-sunt tar‑raġunijiet tiegħu, u li wettaq it-traspożizzjoni tas-sanzjonijiet b’mod awtomatiku.

62

Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

63

Fl-ewwel lok, għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u fuq ksur tal-prinċipju tal‑kontradittorju mill-ONU kif ukoll fuq investigazzjoni li saret minn grupp ta’ esperti fil-kuntest tar-redazzjoni tar-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti.

64

F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali mill-ONU, mis-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C-415/0 P, EU:C:2008:461, punt 326) jirriżulta li, il-qrati tal-Unjoni għandhom, skont il-ġurisdizzjoni li huma għandhom bis-saħħa tat-Trattat, jiggarantixxu stħarriġ, bħala regola ġenerali, komplet, tal‑legalità tal-atti tal-Unjoni kollha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkluż tali atti li huma intiżi li jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

65

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-qrati tal-Unjoni huma kompetenti sabiex jistħarrġu l-atti adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà bħala tali jew il-konformità mad-drittijiet fundamentali tal-investigazzjonijiet magħmula mill-korpi tal-ONU.

66

Fil-fatt, mill-Artikolu 263(1) TFUE u mill-Artikolu 275(2) TFUE jirriżulta li, jekk il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti sabiex tistħarreġ il‑legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill, dan ma tagħmlux sabiex tistħarreġ il-ftehim internazzjonali li fuqu tali atti tal-Unjoni huma bbażati.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’kuntest bħal dak ta’ dan il‑każ inkwistjoni, l-istħarriġ ta’ legalità li għandu għaldaqstant jiġi żgurat mill-qorti tal-Unjoni jikkonċerna l-att tal-Unjoni intiż sabiex jimplementa l-ftehim internazzjonali inkwistjoni, u mhux dan tal-aħħar fih innifsu. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ att tal-Unjoni li, bħall‑att ikkontestat, huwa intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas-Sigurtà, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tistħarreġ il‑legalità ta’ tali riżoluzzjoni adottata minn dan il-korp internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punti 286287), jew l‑investigazzjoni li minnha oriġinat.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti, sa fejn huma intiżi li jikkontestaw il-legalità ta’ atti tal-ONU fir-rigward tad-drittijiet fundamentali elenkati fil-punt 63 hawu fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala li tressqu quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom.

69

Fit-tieni lok, għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, sa fejn dawn l-argumenti huma indirizzati kontra l-Kunsill bħala awtur tal-att ikkontestat.

70

Fir-rigward, minn naħa, tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il‑fatt li l-Kunsill, minkejja t-talbiet tagħhom, ma tahomx aċċess għall‑fajl tal-ONU, għandu jitfakkar li, bħal f’dan il-każ, il-fatt li l‑awtorità kompetenti tal-Unjoni ma tagħmilx aċċessibbli għall-persuna kkonċernata informazzjoni jew provi li huma biss f’idejn il-Kumitat tas‑Sanzjonijiet jew ta’ membru tal-ONU kkonċernat, relatati mas-sunt tar-raġunijiet li huwa l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax, bħala tali, jistabbilixxi konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 137139).

71

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza mill-Kunsill, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jeżiġi li kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skont il-liġi, ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri protettivi ta’ ffriżar ta’ fondi, sa fejn dawn ma għandhomx l-għan li jibdew proċedura kriminali kontra l-persuna kkonċernata (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T‑592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 40, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Alsharghawi vs Il-Kunsill, T-485/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:520, punt 69).

72

Madankollu, tali miżuri għandhom, fid-dawl tal-gravità tagħhom, ikunu previsti mil-liġi, ikunu adottati minn awtorità kompetenti u jkunu limitati rationae temporis (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il-Kunsill, T-37/07 u T-323/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:296, punt 40; tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il‑Kunsill, T-592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 40, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Alsharghawi vs Il-Kunsill, T-485/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:520, punt 69).

73

L-ewwel nett, il-miżuri restrittivi inkwistjoni, anki jekk obbligatorji, ma għandhomx l-għan li jagħtu bidu għal proċedura kriminali intiża li tistabbilixxi l-ħtija tar-rikorrenti. L-argument ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri inkwistjoni joriġinaw minn proċedura kriminali li għadha fis-seħħ, mibdija f’Antwerpen kontra Kardiam, għalhekk, ma għandux jintlaqa’.

74

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni huma previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li l-Kunsill kellu kompetenza li jadottahom, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

75

It-tielet nett, fl-aħħar nett għandu jiġi kkonstatat li, minkejja, kif ikkonferma l-Kunsill wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-att ikkontestat ma fihx data ta’ skadenza tal-iskrizzjoni fir-rigward tal‑Unjoni, f’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni ma hijiex ta’ natura definittiva. Fil-fatt, il-Kunsill huwa obbligat li jirrevediha fi kwalunkwe mument, fil-livell tal-Unjoni, kemm abbażi tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Bażiku jekk “jitressqu osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali”, u kemm skont l-Artikolu 17(3) tar‑Regolament Bażiku jekk “in-Nazzjonijiet Uniti jiddeċiedu li jneħħu mil-lista [il-]persuna […] jew li jemendaw id-data ta’ identifikazzjoni tal‑persuna […]” F’dan ir-rigward, fil-paragrafu 61 tar‑Riżoluzzjoni 2127 (2013), il-Kunsill tas-Sigurtà ddikjara li huwa “ser ikompli jsegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ser ikun lest li jeżamina l-opportunità tal-miżuri ddikjarati f’din ir-riżoluzzjoni, inkluż […] is-sospensjoni jew it-tneħħija tagħhom, skont il-progress imwettaq fir-rigward tal-istabbilità tal-pajjiż u l-osservanza ta’ din ir-riżoluzzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

76

Għalhekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

77

Fit-tielet lok, għandha tingħata risposta għall-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kunsill ittraspona r-riżoluzzjoni tal-ONU li tat lok għall-iskrizzjoni tagħhom b’mod “kważi mekkaniku” mingħajr ma vverifika l-eżattezza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-miżura ta’ iskrizzjoni u r-rispett, permezz tal-imsemmija miżura, tad-drittijiet fundamentali, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-grupp ta’ esperti.

78

Sabiex tingħata tweġiba għall-argument tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, preliminarjament, in-natura ġuridika tal-miżuri ristrettivi hija element importanti li jaffettwa l-portata tal-evalwazzjoni mill-ġdid li l-Kunsill jista’ jagħmel fuq il-provi użati f’dan il-każ mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal‑ONU. Bħala regola, huwa rrikonoxxut b’mod stabbilit mill-ġurisprudenza li l-iffriżar tal-beni deċiż mill-Kunsill abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikoli 21 u 29 TUE ma għandux konnotazzjoni kriminali. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, dan ma għandux jitqabbel ma’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ beni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ Stat Membru meħuda fil-kuntest tal-proċedura kriminali applikabbli u b’osservanza tal-garanziji li tagħti din il‑proċedura (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matr vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ iskrizzjoni jew ta’ żamma ta’ isem ta’ persuna fuq il-lista, meta, preċedentement, fil-kuntest tar‑riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Kumitat tas‑Sanzjonijiet iddeċieda li jinkludi l-isem ta’ din il-persuna fuq il-lista tiegħu stess, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-provi li din l-awtorità għandha kontra l-imsemmija persuna u li ntużaw bħala bażi għad-deċiżjoni tagħha, jiġifieri, minn tal-inqas, is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u dan sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ jekk ikunx utli li tressaq kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna turi effettivament il-perspettiva tagħha fir‑rigward tal-motivi allegati fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 112 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

81

Madankollu, fil-kuntest ta’ iskrizzjoni inizjali, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għall-proċedura li tirregola ż-żamma tal-isem ta’ persuna fuq il-lista, l-osservanza ta’ dan l-obbligu proċedurali doppju ma għandhiex tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 17 tar‑Regolament Bażiku jiddistingwi l-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ta’ iskrizzjoni inizjali mill-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-imsemmi att.

83

Fl-ewwel każ, huwa previst li, “[f]ejn il-Kunsill ta’ Sigurtà […] jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp u jkun ipprovda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-elenakar, il‑Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I” u li “l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, […] fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet” (Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku).

84

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li l-iskrizzjoni fil-lista ssir fuq konstatazzjonijiet “identifikati mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet”.

85

Fit-tieni każ, huwa previst li, “[m]eta jitressqu osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d‑deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna, l-entità jew l-korp skont dan”.

86

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu “abbażi tas-sunt tar‑raġunijiet ipprovdut mill‑[Kumitat tas-Sanzjonijiet]”. Fil-fatt, ma huwiex previst li l-imsemmi kumitat iqiegħed awtomatikament għad‑dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni, għall-finijiet tal‑adozzjoni minn dan l-istess kumitat tad-deċiżjoni tiegħu, elementi oħra għajr dan is-sunt tar-raġunijiet (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 107, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Al‑Ghabra vs Il‑Kummissjoni, T-248/13, EU:T:2016:721, punt 73).

87

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu r‑rikorrenti, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku, il‑Kunsill ma kienx obbligat, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar‑riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-sigurtà, li jivverifika “l-eżattezza tal-fatti u ċirkustanzi” li taw lok għall-miżura ta’ iskrizzjoni meħuda fil‑konfront tar-rikorrenti.

88

Fil-fatt, huwa meta jsiru osservazzjonijiet mill-persuna kkonċernata dwar is-sunt tar-raġunijiet, li l-awtorità kompetenti tal‑Unjoni jkollha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il‑fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-provi skolpevoli imposti fuqhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Bażiku li jipprevedi li “[m]eta jitressqu osservazzjonijiet […], il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu […]”.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat, f’dan il-każ, talli ma kisibx mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet l-informazzjoni jew il‑provi insostenn tal-allegazzjonijiet magħmula kontra r-rikorrenti u għaliex, skont ir-rikorrenti, “implementa b’mod kważi mekkaniku” l‑imsemmija miżura ta’ iskrizzjoni, mingħajr ma eżamina l-fatti u ċ‑ċirkustanzi li taw lok għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Al-Ghabra vs Il-Kummissjoni, T-248/13, EU:T:2016:721, punt 76).

90

Il-Kunsill lanqas jista’ jiġi kkritikat talli “ittraspona” id-deċiżjoni tal‑Kunsill tas-Sigurtà mingħajr ma vverifika li din ir-riżoluzzjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, kif jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 86 hawn fuq, il-Kunsill jieħu d‑deċiżjoni ta’ iskrizzjoni skont konstatazzjonijiet kif “identifikati mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet”.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

92

Essenzjalment, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill li jinsabu fil-motivi li ġew ikkomunikati lilhom ma humiex eżatti jew, fi kwalunkwe każ, ma humiex sostnuti biżżejjed sabiex jikkonstataw appoġġ lill-gruppi armati permezz tal-isfruttar illegali jew tat-traffiku ta’ riżorsi naturali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

93

Għandu jitfakkar li fost iċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt B.1 tal-Anness tal‑att ikkontestat, taħt it-Taqsima “Informazzjoni addizzjonali”, li tiġġustifika l-miżura ta’ iskrizzjoni deċiża mill-Kunsill, hemm il-ħames motivi segwenti:

“[Badica u Kardiam] ipprovd[ew] appoġġ lil gruppi armati fir‑Repubblika Ċentru-Afrikana, jiġifieri dawk li kienu tas-Séléka u tal‑milizzji anti-Balaka, permezz tal-isfruttar u l-kummerċ illeċitu tar‑riżorsi naturali, inklużi d-djamanti u d-deheb.

[F]l-2014 [Badica] kompliet tixtri djamanti minn Bria u Sam-Ouandja (prefettura ta’ Haute-Kotto) fil-lvant tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn il-forzi preċedenti tas-Séléka jimponu taxxi fuq inġenji tal-ajru li jittrasportaw djamanti u jirċievu ħlas minn kolletturi tad‑djamanti għall-protezzjoni. Ħafna mill-kolletturi fornituri ta’ B[adica] fi Bria u Sam‑Ouandja huma assoċjati mill-qrib ma’ ex-kmandanti tas-Séléka.

F’Mejju 2014, l-awtoritajiet Belġjani żammew żewġ pakketti tad‑djamanti mibgħuta lir-rappreżentanza ta’ B[adica] f’Antwerp, li hija rreġistrata uffiċjalment fil-Belġju bħala K[ardiam]. Esperti tad-djamanti kkonkludew li d-djamanti miżmuma wisq probabbli kienu ta’ oriġini Ċentru-Afrikana, u li kellhom karatteristiċi tipikament ta’ Sam-Ouandja u Bria, kif ukoll Nola (prefettura ta’ Sangha Mbaéré), fil-Lbiċ tal-pajjiż.

In-negozjanti li kienu jixtru djamanti traffikati illegalment mir‑Repubblika Ċentru-Afrikana lejn swieq barranin, inkluż mill-parti tal-punent tal-pajjiż, operaw fil-Kamerun permezz ta’ B[adica].

F’Mejju 2014, B[adica] esportat ukoll deheb minn Yaloké (Ombella‑Mpoko), fejn il-minjieri tad-deheb artiġjanali kienu taħt il‑kontroll tas-Séléka sal-bidu ta’ Frar 2014, meta l-gruppi anti-Balaka ħaduhom f’idejhom.”

94

Preliminarjament, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li huwa korrett li l‑Kunsill jibbaża ruħu fuq ir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex isostni l-motivi kkomunikati lir-rikorrenti. Il-fatt li r-rikorrenti kkontestaw l-allegazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport ma jippermettix, fih innifsu, li jitqies li l-Kunsill ma setax jirreferi għalih (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Gossio vs Il-Kunsill, T-406/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:7, punt 72). Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma jipprekludux lill-Qorti Ġenerali milli tibbaża ruħha fuq ir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti.

95

Fil-fatt, skont dikjarazzjoni tal-grupp ta’ esperti fil-punt 7 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rikorrenti kellhom aċċess għall-provi prinċipali li fuqhom kien ibbażat l-att ikkontestat u, b’mod partikolari, għar-rapport kif ukoll għall-annessi tiegħu, peress li l-imsemmi rapport kien, mill-bidu, pubbliku. Barra minn hekk, mir-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti u mill-messaġġ elettroniku tal-koordinatur tat‑28 ta’ April 2015 jirriżulta li r-rikorrenti nstemgħu minn tal-inqas darbtejn mill-grupp ta’ esperti, jiġifieri f’April 2014 u f’Jannar 2015, u li ma kinux aċċettaw it-talba għal laqgħa li saret f’Ġunju 2014 mill-imsemmi grupp. Finalment, mill-punti 5 sa 8 ta’ dan ir-rapport jirriżulta li l-grupp ta’ esperti bbaża ruħu fuq metodoloġija rigoruża, iddefinita minn qabel mill‑korp kompetenti tal-ONU u li kienet tirrispetta d-drittijiet tad-difiża.

96

L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni jkopri l‑evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ assi, u jkopri wkoll il-verifika tal-provi u tal‑informazzjoni li fuqhom tkun ibbażata din l-evalwazzjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 37).

97

Konsegwentement, is-setgħa diskrezzjonali li għandu f’dan il-qasam il‑Kunsill ma tipprekludix lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika, waqt l‑eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ legalità tagħha, l-eżattezza materjali tal-fatti li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Fil-fatt, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li deċiżjoni li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata tittieħed fuq bażi fattwali suffiċjentement soda. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fis-sunt tar‑raġunijiet li hija l-bażi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal‑motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom meqjus suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119; ara, ukoll, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C-605/13 P, EU:C:2015:248, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

B’hekk, b’kunsiderazzjoni għan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni tqis, minn tal-inqas, li waħda mir‑raġunijiet imsemmija fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet hija suffiċjentement preċiża u konkreta, li hija sostanzjata u li tikkostitwixxi fiha nnifisha bażi suffiċjenti sabiex issostni din id‑deċiżjoni, il-fatt li dan ma jkunx il-każ fir-rigward tal-motivi l-oħra, ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130).

99

Tali evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C-605/13 P, EU:C:2015:248, punti 5153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-motivi mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq.

101

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura illeċita tax-xiri msemmi fit-tieni motiv, b’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ esportazzjoni tad-djamanti inkwistjoni.

102

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 99 hawn fuq, l-evalwazzjoni tal‑informazzjoni ma għandhiex issir b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li tagħmel parti minnu.

103

It-tieni motiv li jirreferi għall-fatt li, minn tal-inqas, ingħata “appoġġ” lill-gruppi armati, għandu jinqara, b’mod partikolari, mat-tielet u mar-raba’ motiv li jirreferu għal użu illegali ta’ djamanti. Dan japplika a fortiori peress li r-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti espliċitament joħloq rabta bejn, minn naħa, ix-xiri ta’ djamanti fi Bria u f’Sam-Ouandja mir-rikorrenti (it‑tieni motiv) u, min-naħa l-oħra, il-qabda ta’ djamanti mibgħuta lir‑rikorrenti f’Antwerpen, li probabbilment kienu ġejjin minn dawn iż-żoni (it-tielet motiv).

104

B’hekk, ir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti jindika, fil-punt 127, li “il-grupp ta’ esperti jaħseb li d-djamanti li ġejjin minn Bria u Sam‑Ouandja, żoni taħt il-kontroll tal-ex-Séléka, li nxtraw illegalment minn Badica jew għan-nom tagħha, spiċċaw fil-lot li nqabad f’Antwerp”.

105

Barra minn hekk, din ir-rabta hija ddikjarata b’mod ċar fis-sommarju tar‑rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn hemm indikat li “[i]l‑grupp ta’ esperti huwa tal-fehma li ċerti djamanti maqbuda fil-Belġju kienu ġejjin minn Sam-Ouandja u minn Bria (prefettura ta’ Haute-Kotto) fil-lvant tal‑pajjiż, fejn il-forzi tal-ex-Séléka jimponu taxxi fuq l-inġenji tal-ajru li jittrasportaw djamanti u jirċievu pagamenti mingħand il-kolletturi tad-djamanti bħala korrispettiv għal protezzjoni […]” Mill-bqija, ir-rikorrenti ma jikkontestawx din ir-rabta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

106

Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li x-xiri ma huwiex illegali għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-djamanti msemmija fit-tieni motiv fil-fatt ġew esportati u, għalhekk, kienu s-suġġett ta’ użu illegali, peress li, skont il‑Proċess Kimberley, kull esportazzjoni ta’ djamanti kienet ipprojbita fil-perijodu inkwistjoni.

107

F’dan ir-rigward, il-kwantità żgħira ta’ xiri allegat u l-allegata ħtieġa li jinġabru depożiti mħallsa lil kolletturi ta’ fiduċja u li jinżamm in-netwerk ta’ dawn tal-aħħar ma għandux effett fuq, minn naħa, l-eżistenza ta’ appoġġ lill-gruppi armati u, min-naħa l-oħra, in-natura illegali tal‑kummerċ inkwistjoni.

108

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt irrapurtat fit-tieni motiv li, “[f]l- 2014, [Badica] kompliet tixtri d-djamanti” fiż-żoni ta’ Bria u ta’ Sam-Ouandja, anki jekk tiġi preżunta interpetazzjoni b’mod iżolat, huwa tali li jirrifletti kummerċ illegali, minkejja li l-Proċess Kimberley ikopri biss, bħala regola, l-esportazzjonijiet tad-djamanti. Fil-fatt, kif jenfasizza l-Kunsill, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument fir-rigward tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 60 tar-rapport ta’ ħidma tal-grupp ta’ esperti tal‑1 ta’ Lulju 2014, li jipprovdi kif ġej:

“F’Marzu, [Badica] kellha 760 karati ta’ djamanti bħala stokk. L‑amministratur tagħha ddikjara lill-grupp ta’ esperti li l-kumpannija ma kinitx għadha tixtri djamanti minħabba s-sospensjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana mis-[s]istema ta’ ċertifikazzjoni tal-[P]roċess Kimberley […] Madankollu, it-tieni inventarju ta’ stokk ta’ Badica, li sar f’April 2014, żvela li l-kumpannija kienet xtrat 1698 karati addizzjonali, b’valur ta’ USD 292917, fi Bria u f’Sam-Ouandja. Il-lottijiet ta’ djamanti li Badica kellha fl-istokk tagħha ma kinux għadhom ġew issiġillati jew datati mis-servizzi tal-minaturi, kif kellhom ikunu skont dokumentazzjoni li l-awtoritajiet Ċentru-Afrikani kienu ppreżentaw f’Ġunju 2013 sabiex ikunu jistgħu jidħlu mill-ġdid fil-Proċess Kimberley.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

109

Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tieni motiv, li jipprovdi li l-awtoritajiet tal-ex-Séléka jitħallsu minn għażżieqa tad-djamanti sabiex jiżguraw is-sigurtà tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-appoġġ mogħti lill‑ex‑Séléka bil-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż ma huwiex imputabbli fil-konfront tagħhom. Huma josservaw, f’dan ir-rigward, li l-kolletturi u l-minaturi artiġjanali li jħallsu l-ispejjeż tas-sigurtà lill-ex-Séléka huma, skont il-kodiċi tal-minjieri ċentru-afrikan, indipendenti. Konsegwentement, Badica ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir tal-kolletturi, li barra minn hekk, hija ma kellhiex għarfien tiegħu. It-tieni motiv għalhekk ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jissostanzja appoġġ lill-forzi armati.

110

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la jikkontestaw ix‑xiri ta’ djamanti mingħand kolletturi, li huma stess jixtru mingħand minaturi artiġjanali, u lanqas il-pagament permezz tagħhom tal‑kummerċ ta’ djamanti ta’ taxxi lill-membri tal-ex-Séléka. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, billi komplew jixtru d-djamanti mingħand il-kolletturi waqt il-perijodu inkwistjoni, fatt li huma ma jinnegawx, ir-rikorrenti neċessarjament ipprovdew appoġġ lill-grupppi armati.

111

F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ pagament dirett mir-rikorrenti ta’ spejjeż tas-sigurtà lill-forzi tal-ex-Séléka, anki jekk jitqies bħala li sar, ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk kienx hemm appoġġ lill-imsemmija forzi. Fil-fatt, is-sunt tar-raġunijiet jirreferi biss, b’mod ġenerali, għal appoġġ u mhux għal appoġġ dirett.

112

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li minn tal-inqas parti mit-taxxi mħallsa lill‑forzi tal-ex-Séléka mill-intermedjarji tal-kummerċ ta’ djamanti ġiet inkluża fil-prezz finali mħallas mir-rikorrenti, fil-kuntest tal-attività ta’ xiri ta’ djamanti.

113

Finalment, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kuntest inkwistjoni, ikkaratterizzat, minn naħa, mill-bidu ta’ gwerra ċivili fir‑Repubblika Ċentru-Afrikana u, min-naħa l-oħra, mis-sospensjoni korrelattiva tar-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-[P]roċess Kimberley, ir-rikorrenti ma setgħux jinjoraw il-ġbir ta’ taxxi mill-forzi armati f’kunflitt fil-mini li jinsabu taħt il-kontroll tagħhom.

114

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kellhomx għarfien ta’ dawn it-taxxi mill-intermedjarji tal-kummerċ ta’ djamanti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

115

Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti jqisu li l-provi marbuta mat-tieni motiv insostenn tal-appoġġ għall-gruppi armati, permezz tal-ħlas ta’ spejjeż tas-sigurtà, minn naħa, u ta’ tariffi tal-inżul tal-ajruplani, min-naħa l-oħra, ma humiex sostnuti biżżejjed, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni hija infondata.

116

Qabelxejn, huwa żbaljat li r-rikorrenti jeċepixxu n-natura modesta tat‑tariffi tal-inżul tal-ajruplani mħallsa minn Minair, kumpannija oħt ta’ Badica, u l-fatt li l-imsemmija tariffi tħallsu mill-impriżi kollha li nnolleġġaw titjiriet fir-reġjuni inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, mill-punt 123 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti jirriżulta li l‑ammont ta’ dawn it-tariffi kien, għal kull inżul, bejn USD 75 fi Bria u USD 100 f’Sam-Ouandja. Madankollu, indipendentement mill-fatt li l‑ħlas ta’ dawn it-taxxi jagħti prova, fi kwalunkwe każ, ta’ appoġġ lill‑forzi armati, tali tariffi ma jistgħux jitqiesu bħala negliġibbli fil-kuntest ekonomiku drammatiku tar-Repubblika Ċentru-Afrikana fil‑perijodu tal-gwerra ċivili. Min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn it-tariffi tħallsu mill-operaturi kollha huwa, ukoll, irrilevanti fir-rigward tal-fatt li l‑pagament tal-imsemmija tariffi kkostitwixxa appoġġ lill-forzi armati.

117

Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-grupp ta’ esperti ma investigax xahrejn wara l‑iskrizzjoni ta’ isimhom fuq il-lista mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l‑ilment ibbażat fuq il-ħlas ta’ tariffi tal-inżul u ta’ spejjeż tas-sigurtà lill-membri tal-ex-Séléka. Fil-fatt, minn noti ta’ qiegħ il‑paġni Nru 90 u Nru 91 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti jirriżulta li dan l-ilment huwa bbażat fuq intervisti li saru f’Lulju u f’Settembru 2014, jiġifieri sena qabel l-iskrizzjoni tar-rikorrenti fuq il-lista.

118

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw ir-rikorrenti, l-akkużi ta’ appoġġ lill-forzi tal-ex-Séléka bil-ħlas ta’ spejjeż tas-sigurtà u ta’ tariffi tal-inżul huma sostnuti minn provi.

119

Minn naħa, fir-rigward tal-ħlas ta’ spejjeż tas-sigurtà, mill‑punt 124 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, li huwa bbażat fuq żewġ dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ kollettur f’Sam-Ouandja tal‑4 ta’ Settembru 2014 u ta’ kmandant tal-Unità speċjali kontra l-frodi f’Bangui (Repubblika Ċentru-Afrikana) tal-21 ta’ Lulju 2014, jirriżulta li “[l]-kolletturi (intermedjarji tan-negozju tad-djamanti) ta’ Sam-Ouandja jħallsu […] tariffa ta’ kuljum lis-suldati tal-ex-Séléka li jgħassu l‑istabbilimenti tagħhom”, li, “[fi] Bria, il-grupp ta’ esperti kkonstata, f’Mejju 2014, li s-suldati tal-ex-Séléka kienu jgħassu l-istabbilimenti tal‑kolletturi u tan-negozjanti prinċipali” u li “[k]mandant tal-Unità speċjali kontra l-frodi kkonferma li membri tal-ex-Séléka f’Sam-Ouandja kienu jibbenefikaw mill-kummerċ tad-djamanti minħabba ftehim ta’ protezzjoni li kienu ffirmaw mal-kolletturi”. Il-konstatazzjonijiet tal‑Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż tas-sigurtà huma għalhekk suffiċjentement issostanzjati.

120

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħlas ta’ tariffi ta’ nżul, Badica tiddikjara li hija ma ħallsitx tali tariffi lill-forzi tal-ex-Séléka, peress li dawn it-taxxi tħallsu lill-“awtoritajiet” tal-ajruport, u li Minair hija “distinta minn Badica”, b’tali mod li l-aġir tal-ewwel ma setax jiġi allegat fil-konfront tat-tieni.

121

Madankollu, l-ewwel nett, mir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti jirriżulta li t-tariffi tal-inżul kienu imposti mill-forzi tal-ex-Séléka u mhux mill-“awtoritajiet” tal-ajruport. F’dan ir-rigward, il-punt 123 tar‑rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, li huwa bbażat fuq intervista ma’ kollettur f’Sam-Ouandja fl-4 ta’ Settembru 2014 u fuq intervista mal‑persuna responsabbli mill-ajruport ta’ Bangui fil-21 ta’ Lulju 2014, jindika dan li ġej:

“[Q]abel il-wasla tal-forzi internazzjonali fi Bria, f’April 2014, il-forzi tal-ex-Séléka imponew tariffa tal-inżul ta’ USD 75 fi Bria […] F’Sam‑Ouandja, fejn, skont ir-ritratti bis-satellita, il-produzzjoni tad‑djamanti mhux maħduma żdiedet b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar xhur […] ma kien hemm l-ebda forza internazzjonali. Il-forzi tal‑ex‑Séléka, taħt l-ordnijiet tal-kmandat taż-żona Beya Djouma jieħdu USD 100 dollaru bħala tariffa ta’ nżul. Titjiriet kummerċjali jkopru Bria u Sam-Ouandja kważi l-ġimgħat kollha. It-tariffi huma ġeneralment imħallsa mill-impriża li tinnolleġġa l-apparat.”

122

It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punt 122 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, Minair u Badica huma parti mill-istess grupp, jiġifieri l-grupp Abdoulkarim, immexxi minn Abdoul-Karim Dan Azoumi. Għandu jiġi kkonstatat li t-tariffi inkwistjoni tħallsu fil-kuntest tat-trasport tad‑djamanti ta’ Badica. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 111 hawn fuq, is-sunt tal-motivi jirreferi biss, b’mod ġenerali, għal appoġġ u mhux għal appoġġ dirett.

123

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l‑evalwazzjoni li tgħid li “huwa probabbli ferm li d-djamanti ssekwestrati ġejjin mir-Repubblika Ċentru‑Afrikana peress li għandhom il-karatteristiċi tad‑djamanti ta’ Sam-Ouandja u ta’ Bria, kif ukoll ta’ Nola (prefettura ta’ Sangha Mbaéré), fil-Lbiċ tal-pajjiż”, hija invalidata bid-dikjarazzjoni tal‑President tad-Dubai Diamond Exchange, kif irrapportat fl-istampa li “[id-djamanti] setgħu kienu ġejjin mill-Guinée, l-Afrika ta’ Isfel jew minn numru ta’ postijiet oħra” (Anness 23 tar-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

124

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, id-dikjarazzjoni tal-President ta’ Dubai Diamond Exchange saret abbażi ta’ konstatazzjonijiet differenti minn dawk li minnhom oriġina s-sekwestru tal-awtoritajiet Belġjani u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni li tgħid li “huwa probabbli ferm li d-djamanti ssekwestrati ġejjin mir-Repubblika Ċentru‑Afrikana” hija sostnuta minn dikjarazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma tal-esperti tad-djamanti tal-Proċess Kimberley, imsemmija fil‑punt 115 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti.

125

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 121 tar-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti, l-evalwazzjoni dwar l-oriġini probabbli tad‑djamanti tar-Repubblika Ċentru-Afrikana ġiet ikkonfermata, permezz ta’ posta elettronika, mill-President tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti tad-djamanti tal-Proċess Kimberley, fil-kuntest tal-proċedura miftuħa fil-Belġju kontra r-rikorrenti mill-awtoritajiet federali Belġjani.

126

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 121 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-kuntest tal-posta elettronika skambjata mal-awtoritajiet federali Belġjani, “kien indikat li ċerti djamanti mhux maħduma li kienu jidhru fir-ritratti tal-pakketti ssekwestrati kellhom karatteristiċi tipiċi ta’ djamanti li ġejjin minn Nola (prefettura ta’ Sangha Mbaéré), fil-punent tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, filwaqt li oħrajn kellhom karatteristiċi ta’ Sam-Ouandja u ta’ Bria (prefettura ta’ Haute‑Kotto), fil-lvant tal-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

127

Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti jikkritikaw in-nuqqas ta’ kuntatt mill-grupp ta’ esperti maż-żewġ fornituri ta’ Dubai li bagħtu d-djamanti ssekwestrati fil-Belġju jew mal-qorti istruttorja inkarigata mill‑investigazzjoni fil-Belġju, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jurux kif tali nuqqas ta’ kuntatt jivvizzja l-proċedura jew inkella li kien hemm tali obbligu fil-kuntest tal-investigazzjoni magħmula mill-grupp ta’ esperti.

128

Finalment, kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw ir-rikorrenti, il-fatt li t‑18-il pakkett li ntbagħtu qabel il-pakketti kkontestati ma kinux is‑suġġett ta’ suspett min-naħa tal-awtoritajiet Belġjani ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żewġ pakketti kkontestati identifikati mill‑imsemmija awtoritajiet.

129

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw il-validità tal-evalwazzjoni li “[i]n-negozjati li kienu jixtru djamanti li nħarġu b’mod illegali mir-Repubblika Ċentru-Afrikana, b’mod partikolari mill-parti tal-punent tal-pajjiż, lejn swieq barranin li joperaw fil-Kamerun koperti minn B[adica]”. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija evalwazzjoni saret fid-dettall fir-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan jindika, b’mod partikolari, fil-punt 125, b’riferiment għal numru ta’ dikjarazzjonijiet, li “[il-][g]rupp ta’ esperti ġabar ix-xhieda ddettaljata ta’ sorsi tal-gvern u ta’ persuni fil‑qasam tad-djamanti, li fl-opinjoni tagħhom Badica kienet involuta fil‑kummerċ tad-djamanti mir-Repubblika Ċentru-Afrikana li joħorġu b’mod kladestin mill-pajjiż”. Huwa jispjega li, “[s]kont dawn is-sorsi, ċertu Al Hadj Idriss Goudache kien involut fit-traffiku tad-djamanti għan‑nom ta’ Badica” u li, “[w]ara r-riżenja ta’ Djotodia, il-President tal‑ex‑Séléka, f’Jannar 2014, Goudache telaq mir-Repubblika Ċentru‑Afrikana lejn il-Kamerun, u qagħad f’Garoua-Boulaï, Bertoua u Douala qabel ma stabbilixxa ruħu f’Kousseri, fin-naħa ta’ fuq nett tal-Kamerun qrib ta’ N’Djamena”.

130

F’dan ir-rigward, peress li r-rikorrenti jsostnu li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma jinkludux l-isem tax-xhieda u ma humiex ibbażati fuq rapporti mħejjija debitament, għandu jitfakkar li l-obbligi tal-Kunsill fil-kuntest tal-att ikkontestat ma għandhomx jiġu assimilati ma’ dawk ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura kriminali (ara l-punt 78 hawn fuq), iktar u iktar peress li, bħal f’dan il‑każ, l-investigazzjoni saret fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Akhras vs Il-Kunsill, C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l‑esportazzjoni tad-deheb imsemmija f’dan il-motiv saret legalment, kif jidher mill-awtorizzazzjoni uffiċjali li tinsab fl‑Anness 33 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti. F’dan ir-rigward, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, il-ħames motiv huwa bbażat, f’dan il‑każ, kif jirriżulta mill‑punt 136 tar-rapport finali tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq awtorizzazzjoni uffiċjali tal-5 ta’ Mejju 2014, mehmuż bħala Anness 33 tal‑imsemmi rapport, li jawtorizza l-esportazzjoni ta’ 827 grammi tad‑deheb. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm xejn li jistabbilixxi n-natura illegali tal-esportazzjonijiet ta’ Mejju 2014 imsemmija fil-ħames motiv. Għalhekk, hemm lok li jitqies li l‑esportazzjoni tad-deheb imsemmija fil-ħames motiv ma tippermettix li jiġi stabbilit appoġġ lill-gruppi armati bl-użu illegali jew bit-traffiku tad‑deheb.

132

Madankollu, il-fatt li l-ħames motiv ma jippermettix konklużjoni bbażata fuq appoġġ lill-gruppi armati bl-użu illegali jew bit-traffiku tad-deheb ma għandux effett fuq il-fondatezza tal-att ikkontestat. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 98 hawn fuq, fir-rigward tan‑natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni tqis li, minn tal-inqas, waħda mir‑raġunijiet imsemmija fis-sunt ipprovdut mill-Kumitat tas‑Sanzjonijiet hija preċiża u konkreta biżżejjed, li hija sostanzjata u li tikkostitwixxi fiha nnifisha bażi suffiċjenti sabiex issostni din id‑deċiżjoni, il-fatt li dan ma jkunx il-każ fir-rigward tal-motivi l-oħra ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummisjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130).

133

Għandu jiġi kkonstatat li, meħuda flimkien, il-motivi l-oħra msemmija fis-sunt mogħti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet huma, fil‑kuntest inkwistjoni, preċiżi, konkreti u sostanzjati biżżejjed sabiex jikkostitwixxu, fihom infushom, bażi biżżejjed sabiex isostnu l-att ikkontestat, billi jistabbilixxu appoġġ lill-gruppi armati permezz tal-użu illegali jew it-traffiku ta’ riżorsi naturali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

134

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rapport tan‑Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta’ Diċembru 2015, peress li dan tfassal wara l‑adozzjoni tal-att ikkontestat, sabiex jiġi stabbilit l-ilment ibbażat fuq il-ħlas ta’ spejjeż tas-sigurtà. Fil-fatt, peress li, kif jirriżulta mill-punt 119 hawn fuq, l‑ilment ibbażat fuq il-ħlas ta’ spejjeż tas-sigurtà huwa sostnut b’mod suffiċjentement ex lege, l-argument ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni tal‑imsemmi lment minn provi sussegwenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. L-istess japplika, qabelxejn, għall-argument ibbażat fuq il‑produzzjoni, fl-istadju tar-risposta, tar-rapport redatt minn Amnesty International fit-30 ta’ Settembru 2015 u tar-risposta tal-grupp ta’ esperti lir-rikorrenti tas-7 ta’ Diċembru 2015, peress li l-motivi ta’ iskrizzjoni kienu sostnuti suffiċjentement ex lege fir-rapport finali tan‑Nazzjonijiet Uniti, li l-ammissibbiltà tiegħu ma hijiex ikkontestata.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami tal-fatti tal-każ mill‑Kunsill

135

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill, billi llimita ruħu li jittrasponi d‑deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-20 ta’ Awwissu 2015, ma wettaqx eżami veru taċ-ċirkustanzi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-fajl ma fih ebda indizju li l-Kunsill ivverifika r-rilevanza u l-fondatezza tal-provi dwar ir-rikorrenti, biex b’hekk jivvizzja l-att ikkontestat b’illegalità. Għaldaqstant, il-Kunsill ittraspona s-sanzjonijiet tal-ONU b’mod awtomatiku mingħajr kunsiderazzjoni għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518). Ir‑rikorrenti josservaw, f’dan ir-rigward, li meta l-Kunsill talab il-provi lill‑Kumitat tas-Sanzjonijiet, dan ma pprovdihomx.

136

Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

137

Kif ġie indikat fil-punti 86 sa 89 hawn fuq, il-Kunsill ma kienx obbligat jivverifika l-eżattezza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-miżura ta’ iskrizzjoni tal-ONU. Skont is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa meta osservazzjonijiet ikunu fformulati mill-persuna kkonċernata dwar is‑sunt tar-raġunijiet, li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni jkollha l‑obbligu li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid‑dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-provi skolpevoli possibbli imposti fuqhom. Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li, fl-istadju tal‑implementazzjoni tar-riżoluzzjoni li tat lok għall-att ikkontestat, ma kisibx mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet l-informazzjoni u l-prova tal‑allegazzjonijiet magħmula kontra r-rikorrenti u li għalhekk, skont ir‑rikorrenti, “ittraspona s-sanzjonijiet tal-ONU b’mod awtomatiku”.

138

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

139

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Bureau d’achat de diamant Centrafrique (Badica) u Kardiam huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

Kowalik-Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Lulju 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.