Kawża T‑583/15

Monster Energy Company

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta simbolu ta’ paċi — Rikors għal restitutio in integrum — Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2016

  1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet

    (Artikolu 296 TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

  2. Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Unjoni – Eżami ex officio

    (Artikolu 256 u 263 TFUE)

  3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Rikors tardiv dirett kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell – Ammissjoni għall-benefiċċju tar-restitutio in integrum – Assenza

    (Artikolu 263 TFUE ; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 33)

  2.  Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 256 u 263 TFUE jipprevedu li l-Qorti Ġenerali għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-korpi jew organi tal-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, bla ħsara għal kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, marbuta b’mod partikolari mal-fatt li r-rikorsi għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrenti jew, fin-nuqqas, minn meta din tal-aħħar tikseb konjizzjoni tiegħu. Issa l-ammissibbiltà hija waħda mill-elementi ta’ evalwazzjoni ta’ rikors fil-kompetenza tal-qorti, u dan iktar u iktar meta l-ammissibbiltà għandha tiġi eżaminata ex officio.

    (ara l-punt 42)

  3.  Ma huwiex l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea dwar ir-restitutio in integrum li japplika fiċ-ċirkustanzi fejn rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni ta’ wieħed mill-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO jista’ jitqies li huwa tardiv mill-qorti, iżda huma d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-qorti, jiġifieri, l-Artikolu 263 TFUE, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi li “ebda dritt ma jintilef bħala riżultat tal-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew forza maġġuri”.

    Il-proċedura ġudizzjarja ma tinqasamx għalhekk mill-bidu f’żewġ fergħat, kif previst mill-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009, minn naħa waħda, bil-preżentazzjoni tar-rikors u, min-naħa l-oħra, bil-preżentazzjoni ta’ rikors għal restitutio in integrum li fuqu l-qorti tiddeċiedi separatament sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tal-imsemmi rikors. Huwa fil-fatt fil-kuntest stess tal-proċedura mibdija wara l-preżentata tar-rikors li l-ammissibbiltà tiegħu tiġi fil-prinċipju eżaminata u hija biss meta l-qorti tkun adita b’eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li titlobha tiddeċiedi f’dan ir-rigward mingħajr ma tisma’ argumenti fuq il-mertu jew li tqajjem ex officio f’dan ir-rigward eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li hija tista’ tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni separata fuq l-ammissibbiltà, biex imbagħad tiddeċiedi fuq il-mertu meta hija tammetti madankollu l-ammissibbiltà tar-rikors.

    (ara l-punti 45, 46)