Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat‑13 ta’ Settembru 2018 –
Almaz-Antey vs Il‑Kunsill

(Kawża T‑515/15)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista tal-entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Proporzjonalità – Żball ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet fundamentali”

1. 

Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża – Element ġdid – Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali – Talba għall-adattament tat-talbiet għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ tali talba – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-komunikazzjoni tal-att il-ġdid lir-rikorrent

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 60 u 86(1))

(ara l-punti 43, 44, 50, 51)

2. 

Rikors għal annullament – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 60)

(ara l-punt 49)

3. 

Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Att li jipprojbixxi l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju kif ukoll il-provvista ta’ ċerti servizzi relatati ma’ tali oġġetti u teknoloġiji, lil kull entità fir-Russja li tinsab fuq il-listi tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi – Rikors ippreżentat minn entità li tinsab fuq dawn il-listi – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, Artikolu 3a u Anness IV; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punti 62 sa 65, 67)

4. 

Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Obbligu li jiġu identifikati fil-motivazzjoni l-elementi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw l-imsemmija miżura – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li tippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punti 83 sa 85, 87, 89, 90, 94 sa 97)

5. 

Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi inkriminanti – Portata

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punti 100 sa 103)

6. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi inkriminanti – Deċiżjoni sussegwenti li żammet isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni kkonċernati minn dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, Artikolu 3a u Anness IV; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punti 106 sa 108)

7. 

Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Drittijiet suġġetti għal talba lill-Kunsill f’dan is-sens

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a)); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill 833/2014)

(ara l-punt 109)

8. 

Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Portata tal-istħarriġ

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punt 123)

9. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Kriterji ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi – Miżuri restrittivi li jirrigwardaw settur tal-ekonomija – Impriża Russa li għandha attivitajiet fil-qasam tad-difiża u tal-armi – Neċessità li tiġi stabbilita rabta bejn l-impriżi affettwati mill-miżuri restrittivi u l-Istat Russu – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punti 126 sa 128)

10. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16, 17 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill 833/2014)

(ara l-punti 135 sa 137, 141 sa 147)

11. 

Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji b’użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità – Natura xierqa tal-miżuri restrittivi – Miżuri restrittivi li għandhom għan leġittimu tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni

(Artikolu 21 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 833/2014)

(ara l-punti 139, 148)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/971 tat-22 ta’ Ġunju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2015, L 157, p. 50), it-tieni nett, tal-ittra tal-Kunsill li permezz tagħha din tal-aħħar iddikjarat li r-rikorrenti kellha tibqa’ tiġi suġġetta għall-miżuri previsti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), u mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59), it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2431 tal-21 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2015, L 334, p. 22), u, ir-raba’ nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1071 tal-1 ta’ Lulju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2016, L 178, p. 21), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1) 

Ir-rikors huwa miċħud.

2) 

Joint-Stock Company “Almaz-Antey” Air and Space Defence Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.