Kawża T‑435/15
Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Dumping – Importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/776 – Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Provenjenza u oriġini ta’ komponenti tar-roti – Ċertifikati ta’ oriġini – Valur probatorju insuffiċjenti – Spejjeż tal-manifattura ta’ komponenti tar-roti”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2017
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Regolament ta’ implementazzjoni li jwettaq estensjoni ta’ dazju antidumping – Impriżi li jipproduċu u jesportaw li huma identifikati fir-regolament jew li huma kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji – Ammissibbiltà
(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2015/776)
Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Sostituzzjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni – Inammissibbiltà
(Artikolu 263 TFUE u Artikolu 264 TFUE)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Evażjoni – Operazzjoni ta’ assemblaġġ – Komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni li ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri – Estensjoni tad-dazju antidumping – Użu ta’ komponenti li ġejjin minn pajjiż terz – Verifika tal-oriġini tal-komponenti użati
(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 13(1) u (2))
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Evażjoni – Operazzjoni ta’ assemblaġġ – Komponenti li jikkostitwixxu 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni li ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri – Estensjoni tad-dazju antidumping – Użu ta’ komponenti li ġejjin minn pajjiż terz – Valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” miġjuba sabiex tintwera l-oriġini tal-komponenti użati
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 97k; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 6(8), Artikolu 13(1) u (2) u Artikolu 18)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 50 sa 55)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 64 sa 66, 68)
Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009, id-drittijiet antidumping stabbiliti skont dan ir-regolament jistgħu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet, minn Stati terzi, ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet minn dawn il-prodotti meta tkun qed issir evażjoni tal-miżuri fis-seħħ. Skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan l-istess regolament, operazzjoni ta’ assemblaġġ titqies li tikkostitwixxi evażjoni tal-miżuri fis-seħħ meta l-kundizzjonijiet elenkati taħt (a) sa (ċ) ikunu ssodisfatti. B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 13(2)(a) u (b) tal-imsemmi regolament jirriżulta li operazzjoni ta’ assemblaġġ titqies li tikkostitwixxi evażjoni meta komponenti ta’ valur ta’ 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni jkunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri.
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li operazzjoni ta’ assemblaġġ fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz għandha titqies bħala evażjoni tal-miżuri fis-seħħ meta, minbarra li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni, il-komponenti li jikkostitwixxi 60 % jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott mibni jkunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, ħlief jekk l-operatur ikkonċernat jipproduċi l-prova lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li dawn il-komponenti joriġinaw minn pajjiż ieħor. Prova bħal din tista’ tiġi prodotta f’diversi każijiet, u mhux biss fil-każ ta’ sempliċi tranżitu.
Minn dan isegwi li, għalkemm, bħala regola ġenerali, huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-sempliċi provenjenza tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-prodott finali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku, jista’ jkun neċessarju, fil-każ ta’ dubju, li jiġi vverifikat jekk il-komponenti li jkunu ġejjin minn pajjiż terz joriġinawx, fil-fatt, minn pajjiż ieħor. F’dan ir-rigward, il-kliem “huma mill-” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament bażiku għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-importazzjonijiet ikkonċernati u, għalhekk, għall-pajjiż ta’ esportazzjoni.
Fir-rigward tal-verifika jekk komponenti li ġejjin minn pajjiż terz joriġinawx, fil-fatt, minn pajjiż ieħor, bħall-pajjiż suġġett għall-miżuri, il-Kummissjoni ma tistax tapplika b’analoġija l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku għall-finijiet ta’ verifika tal-oriġini tal-imsemmija komponenti. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 13(2)(b) ma jikkostitwixxix regola ta’ oriġini u l-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni huma essenzjalment differenti minn dawk tar-regoli ta’ oriġini.
(ara l-punti 77, 78, 81 sa 84, 87, 112, 114)
Skont l-Artikolu 97k(1) tar-Regolament Nru 2454/93, li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kull pajjiż benefiċjarju għandu josserva jew jiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ oriġini u tar-regoli dwar ir-redazzjoni u l-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A”. Dawn iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” huma ċertifikati ta’ oriġini preferenzjali li jippermettu lill-esportatur li jipprova l-oriġini tal-merkanzija li dan jesporta.
Madankollu, għalkemm iċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” għandhom valur probatorju fir-rigward tal-oriġini tal-merkanzija li għalihom jirreferu, dan ma huwiex assolut. Fil-fatt, tali ċertifikat redatt minn pajjiż terz ma jistax jorbot lill-awtoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tal-oriġini ta’ din il-merkanzija, billi tipprekludihom milli jivverifikawha permezz ta’ mezzi oħra, meta jkunu jeżistu indizji oġġettivi, serji u konkordanti li joħolqu dubju dwar l-oriġini reali tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dawn iċ-ċertifikati. Il-kontrolli a posteriori jkunu, fil-fatt, fil-parti l-kbira neqsin mill-utilità tagħhom li kieku l-awtorizzazzjoni ta’ tali ċertifikati setgħet, waħedha, tiġġustifika l-għoti ta’ maħfra ta’ dazji doganali.
Fir-rigward tal-produzzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-estensjoni ta’ dazju antidumping definittiv għal operazzjonijiet ta’ assemblaġġ imwettqa għall-evażjoni tal-miżuri fis-seħħ, ta’ ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” sabiex tingħata l-prova tal-oriġini tal-komponenti użati għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, mill-Artikolu 6(8) tar-regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 jirriżulta li, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati u li fuqha jkunu bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandha tiġi vverifikata sa fejn ikun possibbli. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tilleġittima, hija stess, mhux biss il-possibbiltà, iżda wkoll id-dmir tal-Kummissjoni li tivverifika d-dokumenti li jiġu sottomessi lilha. Dan id-dmir għandu naturalment jiġi eżerċitat, fil-qasam ta’ antidumping, bla ħsara għall-proċeduri speċifiċi previsti għal dan il-għan għall-benefiċċju tal-awtoritajiet doganali.
(ara l-punti 95, 98, 99)