Kawża T‑289/15
Hamas
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tas‑6 ta’ Marzu 2019
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà”
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi – Awtorità kompetenti sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni nazzjonali – Kunċett – Awtorità ta’ Stat terz – Inklużjoni
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))
(ara l-punti 43, 44)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ awtorità ta’ Stat terz – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Deċiżjoni nazzjonali adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ verifika li jaqa’ fuq il-Kunsill – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))
(ara l-punti 47 sa 50)
Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi – Obbligi tal-Kunsill – Komunikazzjoni lill-parti kkonċernata tal-provi kkunsidrati kontriha u dritt għal smigħ – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a)); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/513)
(ara l-punti 54, 55)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali – Awtorità kompetenti sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni nazzjonali – Kunċett – Awtorità amministrattiva – Inklużjoni – Kundizzjonijiet
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))
(ara l-punti 71 sa 74)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet kriminali – Assenza ta’ obbligu għal deċiżjoni nazzjonali li tittieħed fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu – Kundizzjonijiet
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))
(ara l-punt 82)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Ġustifikazzjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kunsill – Drittijiet tad-difiża – Portata fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali u Ewropea ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4)); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/513)
(ara l-punti 93 sa 96)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni nazzjonali li waħidha ma tippermettix iktar il-konklużjoni favur il-persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi – Obbligu tal-Kunsill li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar riċenti, li juru l-persistenza tal-imsemmi riskju
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(6))
(ara l-punt 132)
Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi ta’ ffriżar ta’ fondi
(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/513)
(ara l-punti 137 sa 140)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ li jkopri l-elementi kollha adottati sabiex tintwera l-persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi – Elementi li ma jirriżultawx kollha minn deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti – Assenza ta’ effett
(Artikolu 296 TFUE)
(ara l-punti 147 sa 149)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Regolament Nru 2580/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali – Inklużjoni
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931; Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001)
(ara l-punt 166)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi ta’ organizzazzjoni involuta f’attivitajiet terroristiċi – Restrizzjonijiet għad-dritt ta’ proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza
(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001)
(ara l-punti 184, 185, 188, 189)
Sunt
Fis‑6 ta’ Marzu 2019, fis-sentenza Hamas vs Il‑Kunsill (T‑289/15), il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-Deċiżjoni (PESK) 2015/521 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/513 ( 1 ) mill-Hamas, li kien ġie inkluż fil-lista ta’ gruppi u entitajiet milquta mill-miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu. B’mod iktar speċifiku, minkejja li kienet biss il-fergħa terroristika tal-Hamas (il-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem”) li kienet mniżżla fil-listi inizjali tal‑2001 ( 2 ), mill‑2003, fil-kuntest tal-aġġornar tal-atti tal‑2001, il-fergħa politika tal-organizzazzjoni (il-Hamas) ġiet imniżżla fihom ukoll. ( 3 ) Fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill indika li huwa bbaża ruħu fuq erba’ deċiżjonijiet nazzjonali, jiġifieri deċiżjoni adottata minn awtorità Brittanika (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Home Secretary”, il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit) u tliet deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet tal-Istati Uniti.
Sabiex tiċħad dan ir-rikors, fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 4 ) ma huwiex limitat biss għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll awtoritajiet ta’ Stati terzi, peress li l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell dinji li hija tfittex, jiġġustifikaw b’mod partikolari tali kooperazzjoni mill-qrib tal-Istati kollha.
Sussegwentement, dwar l-użu ta’ deċiżjonijiet minn tali awtoritajiet ta’ Stati terzi, il-Qorti Ġenerali stipulat li, meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ dan it-tip, huwa għandu jivverifika, minn qabel, jekk din id-deċiżjoni ġietx adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’mod iktar partikolari, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti rispettivi tiegħu, il-Kunsill għandu jipprovdi indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa wettaq din il-verifika. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill għandu, għal dan l-għan, jagħmel riferiment, f’dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, għar-raġunijiet li wassluh biex iqis li d-deċiżjoni tal-Istat terz li huwa qiegħed jibbaża ruħu fuqha ġiet adottata bir-rispett tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u l-informazzjoni dwar dan tista’ tkun, skont il-każ, fil-qosor. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-indikazzjoni li deċiżjoni minn awtorità ta’ Stat terz hija ppubblikata f’ġurnal uffiċjali ta’ dan l-Istat ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li l-Kunsill issodisfa dan l-obbligu tiegħu li jivverifika jekk, f’dan l-Istat, id-drittijiet tad-difiża ġewx irrispettati. B’dan il-mod, peress li ġie deċiż li l-motivazzjoni dwar id-deċiżjonijiet Amerikani kienet insuffiċjenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn id-deċiżjonijiet ma setgħux ikunu bbażati fuqhom. Sussegwentement hija indikat li minkejja li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeżiġix li l-atti tal-Kunsill għandhom ikunu bbażati fuq pluralità ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, l-atti kkontestati setgħu jagħmlu riferiment għad-deċiżjoni biss tal-Home Secretary, b’mod illi kellu jitkompla l-eżami tar-rikors billi dan l-eżami jiġi limitat għall-atti kkontestati sa fejn dawn kienu bbażati fuq din id-deċiżjoni tal-aħħar.
Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontestazzjoni dwar in-natura amministrattiva ta’ din id-deċiżjoni tal-Home Secretary, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja ta’ deċiżjoni ma hijiex determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi espliċitament li awtorità mhux ġudizzjarja tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet minn awtoritajiet ġudizzjarji, skont il-Qorti Ġenerali, dan bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet intiżi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji, meta d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti. F’dan il-każ, hija qieset li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta, peress li d-deċiżjoni kkontestata tal-Home Secretary tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni legali b’mod illi din l-awtorità amministrattiva għandha titqies bħala awtorità kompetenti fis-sens tad-dispożizzjoni ppreċitata.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stipulat li r-rekwiżit li jaqa’ fuq il-Kunsill, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li jivverifika, qabel jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti, li dawn id-deċiżjonijiet huma “ibbażat[i] fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet”, jikkonċerna biss id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ azzjonijiet penali, iżda ma japplikax għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw kundanna. Għaldaqstant hija ddeċidiet li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjonijiet u ta’ azzjonijiet kriminali u għandha tiġi assimilata għal deċiżjoni ta’ kundanna, b’mod illi, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jindika, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-provi u l-indizji serji li kienu jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali indikat li, meta s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tkun għadha fis-seħħ ma kienx jippermetti iktar li jiġi konkluż li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ isem din il-persuna jew din l-entità fl-imsemmija lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar reċenti, li juru li dan ir-riskju kien għadu jeżisti. F’dan il-każ, hija ddeċidiet li dan kien il-każ, peress li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, minn naħa, fuq iż-żamma fis-seħħ ta’ deċiżjonijiet ikklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, min-naħa l-oħra, fuq fatti li jikkostitwixxu elementi iktar riċenti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill u li juru li r-riskju ta’ involviment tal-Hamas f’organizzazzjonijiet terroristiċi kien għadu jeżisti.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK (ĠU 2015, L 82, p. 107); Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014 (ĠU 2015, L 82, p. 1).
( 2 ) Isem din il-fergħa terroristika kien imniżżel fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), kif ukoll fil-lista stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE tas‑27 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU 2001, L 344, p. 83).
( 3 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/651/PESK tat‑12 ta’ Settembru 2003 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/482/PESK (ĠU 2003, L 229, p. 42); Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/646/KE tat‑12 ta’ Settembru 2003 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/480/KE (ĠU 2003, L 229, p. 22).
( 4 ) Skont l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, “[i]l-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti.”