SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Supeco — Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea preċedenti SUPER COR — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Portata tal-eżami mwettaq mill-Bord tal-Appell — Oġġetti u servizzi li hija bbażata fuqhom l-oppożizzjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Regola 15(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 — Avviż Nru 2/12”

Fil-Kawża T‑126/15,

El Corte Inglés, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. L. Rivas Zurdo, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Scheffer u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Grup Supeco Maxor, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn S. Martínez-Almeida y Alejos-Pita, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Diċembru 2014 (Każ R 1112/2014-5), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn El Corte Inglés, SA u Grup Supeco Maxor, SL,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Marzu 2015,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Settembru 2015,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2015,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet prinċipali fit-terminu ta’ tliet ġimgħat b’effett min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-30 ta’ April 2012, l-intervenjenti, Grup Supeco Maxor, SL, ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-Trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 78, p. 1).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

3

Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu b’mod partikolari taħt il-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat u jinkludu b’mod partikolari l-“bejgħ bl-irkant” u s-servizzi ta’ “riunifikazzjoni għan-nom ta’ terzi (bl-eċċezzjoni tat-trasport tagħhom) ta’ oġġetti […], li jippermettu lill-konsumaturi li jarawhom, li jagħżluhom, li jixtruhom faċilment minn negozju lokali, inkluż minn ħwienet, servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti” (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut”).

4

Fis-16 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti, El Corte Inglés, SA, ressqet oppożizzjoni fir-rigward tar-reġistazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, għas-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni.

5

L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li ġejja, imressqa fit-18 ta’ Ġunju u rreġistrata fl-1 ta’ Frar 2012 taħt in-numru 6997407, għal oġġetti u servizzi li jaqgħu b’mod partikolari taħt il-klassi 35:

Image

6

Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-att ta’ oppożizzjoni kienu ġew inklużi b’mod partikolari il-frażijiet “Lista ta’ oġġetti u servizzi” u “[oppożizzjoni] [b]bażata fuq parti mill-oġġetti u servizzi”, segwiti mill-enumerazzjoni li ġejja ta’ servizzi li jaqgħu fil-klassi 35: “reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni kummerċjali; xogħol ta’ uffiċċju”.

7

Fit-28 ta’ Frar 2014, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni billi ddeċidiet favur l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark preċedenti. Hija rrifjutat b’mod partikolari r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għas-servizzi kollha kkontestati li jaqgħu taħt il-klassi 35. Filwaqt li bbażat lilha nnifisha fuq l-Avviż Nru 2/12, tal-20 ta’ Ġunju 2012, dwar l-użu tal-intestaturi ta’ klassijiet fil-lista ta’ oġġetti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade mark Komunitarja (ĠU UASI 7/2012), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet li tkopri s-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari tal-klassifikazzjoni ta’ Nice ikkonċernata. B’hekk, hija pparagunat is-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mas-servizzi msemmija fl-att ta’ oppożizzjoni kif ukoll mas-servizzi ta’ “bejgħ bl-irkant” u ta’ “kiri ta’ distributuri awtomatiċi” inklużi fil-lista alfabetika tas-servizzi li jikkorrispondu mal-klassi 35, biex minn dan tiddeduċi l-identiċità tagħhom jew ix-xebh bejniethom.

8

Fl-24 ta’ April 2014, l-intervenjenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tar-4 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ parzjalment ir-rikors, billi annulla u rriforma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn din kienet laqgħet l-oppożizzjoni għall-“bejgħ bl-irkant” kif ukoll għas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut.

10

Il-Bord tal-Appell indika, preliminarjament, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-portata tal-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet limitata għas-servizzi espressament elenkati fl-att ta’ oppożizzjoni. Hija rrilevat, f’dan ir-rigward, li s-servizzi ta’ “bejgħ bl-irkant” ma kinux issemmew f’dan l-att, bħala servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 koperti mit-trade mark preċedenti u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma kkonfermat matul il-proċedura ta’ oppożizzjoni jew ta’ appell li l-oppożizzjoni tagħha kienet ibbażata wkoll fuq dawn is-servizzi. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tagħha, ir-rikorrenti kkonfermat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rikors, li l-oppożizzjoni tagħha “kienet ibbażata fuq parti mill-oġġetti u servizzi” koperti mit-trade marks preċedenti, u b’hekk semmiet is-servizzi elenkati espliċitament fl-att tal-oppożizzjoni. Minn dan hija ddeduċiet li l-oppożizzjoni ma kinitx fondata fuq “bejgħ bl-irkant” u li ma kienx neċessarju li jiġi ddeterminat jekk it-trade mark preċedenti kinitx tirrigwarda servizzi oħra mhux koperti mit-tifsira litterali tal-intestaturi tal-klassijiet.

11

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell illimita l-eżami tax-xebh tas-servizzi, fir-rigward ta’ dawk koperti mit-trade mark preċedenti, għas-servizzi ta’ “reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni kummerċjali; xogħol ta’ uffiċċju”. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li dawn is-servizzi ma kinux jixxiebhu la mal-“bejgħ bl-irkant” u lanqas mas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha (punti 36 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

It-talbiet tal-partijiet

12

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tannulla u tirriforma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

13

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

15

Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

16

Mingħajr ma tikkontesta la d-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti u lanqas l-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni fil-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti tallega li dan tal-aħħar ma ħax inkunsiderazzjoni ċerti servizzi mhux imsemmija fl-att ta’ oppożizzjoni iżda koperti mit-trade mark preċedenti, fosthom il-“bejgħ bl-irkant”, waqt il-paragun tas-servizzi kkonċernati u, b’hekk, li kkonkluda b’mod żbaljat li kien hemm xebh bejn, minn naħa, is-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-“bejgħ bl-irkant” kif ukoll is-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut previsti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

17

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti, fil-formularju tal-att tal-oppożizzjoni, immarkat il-każ intitolat “Ibbażata fuq parti mill-oġġetti u servizzi”, u sussegwentement elenkat is-servizzi segwenti: “reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni kummerċjali; xogħol ta’ uffiċċju” (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

18

Barra minn hekk, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrent ma tat l-ebda speċifikazzjoni oħra marbuta mas-servizzi li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni.

19

B’hekk, kif tenfasizza ġustament l-intervenjenti, b’differenza mill-oppożizzjoni inkwistjoni fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Lidl Stiftung vs UASI – Lactimilk (BELLRAM) (T‑237/11, Ġabra, EU:T:2013:11), l-att ta’ oppożizzjoni fil-kawża odjerna ma jirrileva l-ebda kontradizzjoni li tista’ tqajjem xi dubju dwar is-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, peress li r-rikorrenti iddikjarat l-intenzjoni tagħha li tibbaża l-oppożizzjoni tagħha biss fuq parti mill-oġġetti u mis-servizzi koperti mit-trade mark tagħha u elenkat parti minn dawn is-servizzi, b’mod partikolari dawk, li jaqgħu taħt il-klassi 35, imsemmija fl-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni.

20

Madankollu r-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell iddeduċa b’mod żbaljat mill-att ta’ oppożizzjoni li dan kien jirrigwarda biss is-servizzi ta’ “reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni kummerċjali; xogħol ta’ uffiċċju” u li ma setax jiġi analizzat bħala li jirrigwarda wkoll il-“bejgħ bl-irkant”. Hija tibbaża lilha nnifisha, f’dan ir-rigward, fuq il-punt V tal-Avviż Nru 2/12, li skontu, “[f]ir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] rreġistrati qabel il-[21 ta’ Ġunju 2012] u li jużaw l-indikazzjonijiet ġenerali kollha elenkati fl-intestatura ta’ klassi partikolari [tal-klassifikazzjoni ta’ Nice], l-[EUIPO] għandu jiġi kkunsidrat li l-intenzjoni tal-applikant […] kienet li jkopri l-oġġetti kollha u s-servizzi elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi fl-edizzjoni fis-seħħ fil-mument li ssir l-applikazzjoni”. Peress li t-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata qabel il-21 ta’ Ġunju 2012 u bl-użu ta’ l-indikazzjonijiet ġenerali elenkati fl-intestatura tal-klassi 35 tal-klassifikazzjoni ta’ Nice, ir-rikorrenti minn dan iddeduċiet li l-oppożizzjoni tagħha kienet ukoll ibbażata fuq is-servizzi ta’ “bejgħ bl-irkant” u ta’ “kiri ta’ distributuri awtomatiċi” elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi.

21

Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, għalkemm jirriżulta mill-kliem tal-punt V tal-avviż Nru 2/12 li l-oġġetti u s-servizzi protetti mit-trade mark ma humiex limitati, fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea rreġistrati qabel il-21 ta’ Ġunju 2012, għal dawk elenkati espressament fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, ma jistax jiġi dedott sempliċiment minn dan il-kliem li din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-oġġetti u tas-servizzi kkonċernati tapplika wkoll għall-att ta’ oppożizzjoni bbażat fuq it-trade mark irreġistrata qabel il-21 ta’ Ġunju 2012. Fil-fatt, kien ġustament jenfasizza l-EUIPO, huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom jirregolaw il-kontenut ta’ dan l-att kif ukoll il-proċedura ta’ oppożizzjoni. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati fid-dawl tal-ġurisprudenza, l-imsemmi att għandu jindika b’mod ċar u speċifiku, l-oġġetti u s-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

22

Mir-regola 15(2)(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12), fil-maġġoranza tal-verżjonijiet tagħha minbarra bil-lingwa Franċiża, jirriżulta li l-att ta’ oppożizzjoni għandu jinkludi l-oġġetti u s-servizzi li l-oppożizzjoni hija bbażata fuqhom.

23

Ċertament, il-verżjoni Franċiża tar-regola 15(2)(f) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li “[l-]att ta’ oppożizzjoni għandu jinkludi […] l-oġġetti u […] servizzi li kontrihom l-oppożizzjoni hi bbażata”.

24

Madankollu, kif jirrileva l-EUIPO, il-verżjoni Franċiża hija l-unika waħda redatta b’dan il-mod, peress li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-dispożizzjoni inkwistjoni jsemmu l-oġġetti u s-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni. Fil-fatt, il-verżjoni Ingliża ssemmi “the goods and services on which the opposition is based”, il-verżjoni Ġermaniża “die Waren und Dienstleistungen, auf die sich der Widerspruch stützt”, il-verżjoni Taljana “i prodotti e i servizi sui quali si basa l’opposizione” u l-verżjoni Spanjola “los productos y servicios en los que se basa la oposición”.

25

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, Ġabra, EU:C:2012:721, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat, fuq il-gwida tal-EUIPO, minn naħa, li l-elementi kollha tal-att ta’ oppożizzjoni imposti mid-dispożizzjonijiet (b) sa (e) u (ġ) tar-Regola 15(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li jduru madwar l-element rikjest mid-dispożizzjoni (f) tal-istess regola, jirrigwardaw it-trade mark preċedenti, fatt li jappoġġja l-interpretazzjoni li din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-oġġetti u s-servizzi koperti mill-imsemmija trade mark. Min-naħa l-oħra, ir-regola 15(3)(a) tal-imsemmi regolament, li skontu l-att ta’ oppożizzjoni “jista’” jinkludi indikazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi li kontrihom hija mressqa l-oppoiżizzjoni, tikkonferma li r-riferiment, fl-att ta’ oppożizzjoni, għall-oġġetti u għas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata hija fakultattiva u ma tikkoinċidix mar-regola 15(2)(f) ta’ dan ir-regolament, peress li r-regola 15(3)(a) tal-istess regolament tispeċifka wkoll li, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, l-oppożizzjoni għandha titqies li saret kontra l-oġġetti u s-servizz kollha tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Trade mark tal-Unjoni Ewropea prevista fl-oppożizzjoni.

27

Fir-rigward tal-finalità tar-regoli li jistabbilixxu l-kontenut tal-att ta’ oppożizzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 2868/95 jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ elementi tal-imsemmi att, dawk li l-karenza tagħhom tista’, skont ir-regola 17 ta’ dan ir-regolament, twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan l-att, prevsiti b’mod partikolari fir-regola 15(2) tal-imsemmi regolament, u dawk previsti fil-paragrafu 3 tal-istess regola, li l-karenza tagħhom tista’ tinċidi biss fuq l-eżami tal-fondatezza tal-oppożizzjoni. B’mod partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 26 iktar ’il fuq, id-dispożizzjoni (a) tal-imsemmi paragrafu tipprevedi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ indikazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi li kontrihom issir l-oppożizzjoni, l-oppożizzjoni għandha titqies li saret kontra l-oġġetti u s-servizz kollha tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark prevista fl-oppożizzjoni. Għall-kuntrarju, jekk l-att ta’ oppożizzjoni ma jinkludix l-element rikjest mir-regola 15(2)(f) tar-regolament inkwistjoni, l-oppożizzjoni għandha tinċaħad bħala inammissibbli skont ir-regola 17(4) tal-istess regolament. Għaldaqstant, l-istess kundizzjoni ma tistax tkun inluża kemm fil-paragrafu 2 kif ukoll fil-paragrafu 3 tar-regola 15 tar-regolament inkwistjoni.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ommissjoni tar-riferiment għall-oġġetti u għas-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, fil-verżjoni Franċiża tar-Regola 15(2)(f) tar-Regolament Nru 2868/95, ommissjoni li tidher manifestament li hija żball tal-pinna, ma tippermettix li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li ma timponix l-obbligu li l-imsemmija oġġetti u servizzi jiġu indikati fl-att ta’ oppożizzjoni.

29

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys [C‑307/10, Ġabra, EU:C:2012:361, punti 49, 5661, fir-rigward tad-Direttiva 2008/95/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25)], li l-Avviż Nru 2/12 kien jipprevedi speċifikament li jirrifletti l-konsegwenzi tagħha, bil-għan li jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba, l-applikant għal trade mark li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-oġġetti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark għandu jispeċifika jekk ir-reġistrazzjoni tirrigwardax l-oġġetti kollha jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew sempliċement uħud minn dawn l-oġġetti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkopri biss xi wħud mill-imsemmija oġġetti jew servizzi, l-applikant huwa obbligat jispeċifika liema oġġetti jew servizzi f’din il-klassi huma intiżi li jkunu koperti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Advance Magazine Publishers vs UASI – López Cabré (VOGUE), T‑229/12, EU:T:2014:95, punt 36, u tad-29 ta’ April 2015, Chair Entertainment Group vs UASI – Libelle (SHADOW COMPLEX), T‑717/13, EU:T:2015:242, punti 32, 3437].

30

Tali rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għandhom jitqiesu bħala li huma imposti wkoll fuq il-persuna li topponi għall-indikazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, bil-għan li li tippermetti kemm lill-EUIPO li jagħti deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni mressqa kif ukoll lill-applikant għat-trade mark fil-mira tal-oppożizzjoni li jsostni l-argumenti difensivi tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2015, Klaes vs UASI – Klaes Kunststoffe (Klaes), T‑453/13, EU:T:2015:98, punt 32]. B’hekk, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, il-persuna li topponi tindika li qiegħda tibbaża l-oppożizzjoni tagħha fuq parti mill-oġġetti u mis-servizzi koperti mit-trade mark li hija proprjetà tagħha, hija tkun obbligata li tindika b’mod ċar u preċiż l-oġġetti u s-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni tagħha.

31

Isegwi li b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-punt V tal-Avviż Nru 2/12 ma jistax japplika, lanqas b’analoġija, għal dan il-każ sabiex minnu jiġi dedott li l-oppożizzjoni kienet fondata, apparti fuq is-servizzi msemmija fl-att ta’ oppożizzjoni, ukoll fuq is-servizzi ta’ “bejgħ bl-irkant” u ta’ “kiri tad-distributuri awtomatiċi”.

32

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi rikjest mill-Bord tal-Appell li dan jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tiegħu tal-oppożizzjoni, oġġetti u servizzi mhux imsemmija fl-att ta’ oppożizzjoni. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ipparaguna s-servizzi msemmija fl-att ta’ oppożizzjoni, li fuqhom din tal-aħħar kienet ibbażata, għas-servizzi kkontestati koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

33

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li, bħala impriża magħrufa ħafna tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull tip ta’ oġġett lil terzi, hija tkun tintendi li tkopri is-servizzi tal-bejgħ bl-imnut.

34

Fil-fatt, kif ġustament jenfasizza l-EUIPO u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument li barra minn hekk, huwa kkontestat ukoll mill-EUIPO, l-intendiment ta’ proprjetarju ta’ trade mark li jiżgura ċerti servizzi u l-fama ta’ dan il-proprjetarju bħala operatur ta’ dawn is-servizzi ma jfissrux li t-trade mark li huwa proprjetarju tagħha neċessarjament tipproteġi l-imsemmija servizzi, u lanqas a fortiori li l-oppożizzjonijiet li huwa introduċa ser ikunu korrelattivment ibbażati fuq dawn is-servizzi.

35

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ipparaguna s-servizzi kkontestati tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mas-servizzi li huma koperti mit-trade mark preċedenti msemmija fl-att ta’ oppożizzjoni, b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ kull argument li jikkontestata r-riżultat tal-paragun b’hekk imwettaq, il-motiv uniku tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu kkontestata mill-intervenjenti.

36

Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

37

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervjenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

El Corte Inglés, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Mejju 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.