Kawżi T‑12/15, T‑158/15 u T‑258/15

Banco Santander, SA et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Settembru 2023

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja – Tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermetti lill-impriżi li għandhom id-domiċilju fiskali tagħhom fi Spanja jammortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti f’impriżi barranin permezz ta’ akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti f’kumpanniji holding barranin – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni 2011/5/KE – Deċiżjoni 2011/282/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Irtirar ta’ att – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Skema ta’ għajnuna li tikkonsisti fl-ammortizzazzjoni fiskali tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji f’impriżi barranin – Kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Prassi amministrattiva nazzjonali li tillimita l-iskema ta’ ammortizzazzjoni fiskali għall-każijiet ta’ akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkopri kemm l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti kif ukoll ta’ dawk indiretti – Prassi amministrattiva ġdida adottata mill-awtoritajiet nazzjonali – Assenza ta’ rilevanza

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 47 sa 73)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha –Skema ta’ għajnuna li tikkonsisti fl-ammortizzazzjoni fiskali tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji f’impriżi barranin – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkopri kemm l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti kif ukoll ta’ dawk indiretti – Deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi f’moħħ il-benefiċjarji fir-rigward ta’ ċerti akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kemm diretti kif ukoll indiretti – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tirrigwarda biss l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti – Deċiżjoni ġdida li ma kkonfermatx l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi – Ammissibbiltà fil-każ ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni mhux eżatta u determinanti mill-awtoritajiet nazzjonali – Kundizzjoni mhux sodisfatta

    (Artikolu 107(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 9 u 13(3))

    (ara l-punti 75 sa 81)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Skema ta’ għajnuna li tikkonsisti fl-ammortizzazzjoni fiskali tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji f’impriżi barranin – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkopri kemm l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti kif ukoll ta’ dawk indiretti – Deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi f’moħħ il-benefiċjarji fir-rigward ta’ ċerti akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kemm diretti kif ukoll indiretti – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tirrigwarda biss l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti – Deċiżjoni ġdida li ma kkonfermatx l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi – Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – Ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 82 sa 88)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali – Aspettattivi leġittimi li jirriżultaw minn garanziji speċifiċi, inkundizzjonati u konkordanti offerti mill-Kummissjoni – Prassi amministrattiva nazzjonali ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna li tmur kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni – Għarfien mill-benefiċjarji ta’ din il-prassi – Assenza ta’ effett

    (Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE)

    (ara l-punti 94 sa 118)

Sunt

Sabiex jiġi mħeġġeġ l-investiment barra mill-pajjiż minn impriżi Spanjoli, l-Artikolu 12(5) tal-Liġi Spanjola Dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji (iktar il quddiem it-“TRILS”) ( 1 ), kien jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, ammortizzazzjoni fiskali tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ mill-inqas 5 % f’impriża barranija. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, l-avvjament finanzjarju ġie ddefinit bħala l-ammont tad-differenza bejn il-prezz tal-akkwist tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji u l-valur kontabilistiku tiegħu dakinhar tal-akkwist li ma tkunx ġiet irreġistrata taħt l-assi materjali u immaterjali tad-drittijiet tal-kumpanija mhux residenti.

Fl-2005 u fl-2006, din l-iskema ta’ ammortizzazzjoni fiskali (iktar ’il quddiem l-“iskema inkwistjoni”) kienet is-suġġett ta’ diversi mistoqsijiet minn Membri tal-Parlament Ewropew ( 2 ). Fir-risposti tagħha tad-19 ta’ Jannar u tas-17 ta Frar 2006, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-imsemmija skema ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni madankollu stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tal-iskema inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ operazzjonijiet koperti. Bi tweġiba, l-awtoritajiet Spanjoli speċifikaw li kien biss l-avvjament finanzjarju li kien jirriżulta mill-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti li seta’ jitnaqqas abbażi tal-iskema inkwistjoni.

Wara li fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-forma ta’ sunt f’Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet 2011/5 ( 3 ) u 2011/282 ( 4 ) li permezz tagħhom iddikjarat l-iskema inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet inizjali”). Madankollu, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi maħluqa f’moħħ ċerti impriżi benefiċjarji mit-tweġibiet tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar u tas-17 ta’ Frar 2006, din l-istituzzjoni ammettiet li din l-iskema setgħet tkompli tiġi applikata matul il-perijodu kollu ta’ ammortizzazzjoni previst minnha, għall-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji imwettqa qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk mhux ukoll, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/282.

F’April 2012, l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li d-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi Spanjol kien adotta opinjoni vinkolanti ġdida li kienet tipprevedi li issa mhux biss l-avvjament finanzjarju li kien jirriżulta mill-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti iżda anki dak li kien jirriżulta mill-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti f’impriżi barranin, inklużi dawk diġà magħmula, kien jaqa’ taħt l-iskema inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida”).

Wara li fetħet it-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonstatat, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014 ( 5 ) li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida ma kinitx koperta mid-deċiżjonijiet inizjali u li din kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, irrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi f’moħħ ċerti impriżi benefiċjarji taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward fid-deċiżjonijiet inizjali. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni eżiġiet li r-Renju ta’ Spanja jtemm l-iskema ta’ għajnuna li rriżultat mill-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida u jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija abbażi tagħha.

Adita b’diversi rikorsi għal annullament ippreżentati minn impriżi Spanjoli li kienu bbenefikaw minn ammortizzazzjoni fiskali tal-avvjament finanzjarju li jirriżulta minn akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti f’impriżi barranin, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti kkontestaw, fl-ewwel lok, il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida bħala għajnuna ġdida. F’dan il-kuntest, huma essenzjalment argumentaw li l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti kienu diġà koperti mid-deċiżjonijiet inizjali, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kellhiex iktar id-dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata f’dak li kien jirrigwarda speċifikament dawn it-tipi ta’ operazzjonijiet.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, l-ewwel, li mill-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali kien jirriżulta li, minkejja l-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva, fis-sens li l-iskema inkwistjoni kienet tirrigwarda biss l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti, il-Kummissjoni eżaminat din l-iskema bħala li tirrigwarda, fl-istess ħin, l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti u l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti. Barra minn hekk, mill-elementi proposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma setax jiġi validament dedott li l-interpretazzjoni amministrattiva l-ġdida kienet estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li kienet iddeċidiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet inizjali kienu diġà jkopru l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali eżaminat, it-tieni, jekk, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni kellhiex id-dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

Dwar dan il-punt, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata kienet teżiġi li r-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija b’eżekuzzjoni tal-iskema inkwistjoni, kif applikata għall-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti, filwaqt li parti minn din l-għajnuna ma kinitx koperta mill-obbligu ta’ rkupru abbażi tad-deċiżjonijiet inizjali minħabba l-aspettattivi leġittimi li kienu ġew irrikonoxxuti mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjonijiet. Issa, tali riżultat kien ekwivalenti għall-irtirar tad-deċiżjonijiet inizjali, sa fejn dawn kienu diġà jirrigwardaw l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti.

Konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ( 6 ), moqri flimkien mal-Artikolu 13(3) tiegħu, ir-revoka ta’ deċiżjoni hija ċertament possibbli fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux preċiża pprovduta matul il-proċedura u li tkun fattur determinanti għad-deċiżjoni. Madankollu, minn ebda element tal-proċess ma kien jirriżulta li l-Kummissjoni, li barra minn hekk lanqas ma invokat dan, kienet ibbażat ruħha fuq informazzjoni mhux preċiża pprovduta matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.

Bl-istess mod, għalkemm id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 659/1999 kienu biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li t-tħassir retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, il-Kummissjoni qatt ma sostniet li d-deċiżjonijiet inizjali kienu illegali sa fejn kienu jirrigwardaw l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti. Fil-fatt, f’dan il-każ il-kwistjoni bl-ebda mod ma kienet dik tal-irtirar ta’ att illegali, iżda dik tal-irtirar ta’ żewġ deċiżjonijiet legali, jiġifieri d-deċiżjonijiet inizjali sa fejn dawn kienu jirrigwardaw l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti.

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-irtirar b’mod retroattiv ta’ att amministrattiv legali li jkun ta drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li d-deċiżjonijiet inizjali kienu taw dritt suġġettiv lir-Renju ta’ Spanja sabiex ikun jista’ jimplimenta l-iskema inkwistjoni f’dak li jirrigwarda ċerti akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji u, inċidentalment, lill-impriżi benefiċjarji sabiex ma jkollhomx għalfejn jirrimborsaw ċerta għajnuna illegali u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kienet sussegwentement irtirat dan id-dritt f’dak li kien jirrigwarda l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti. Għalhekk, minbarra li kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-deċiżjoni kkontestata daħħlet inkwistjoni l-aspettattivi leġittimi li l-awtoritajiet Spanjoli u l-impriżi kkonċernati setgħu siltu mid-deċiżjonijiet inizjali f’dak li kien jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għall-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti.

Fid-dawl ta’ dan l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha.

Għall-kompletezza, il-Qorti Ġenerali laqgħet, fit-tieni lok, l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tat-tweġibiet ipprovduti mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet ta’ Membri tal-Parlament Ewropew fl-2006.

Fill-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet lill-Parlament, il-Kummissjoni kienet offriet garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti ta’ natura tali li l-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni, kemm jekk abbażi tal-akkwisti tagħhom ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti kif ukoll jekk abbażi tal-akkwisti tagħhom ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti, rawmu tamiet iġġustifikati dwar il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet legali, fis-sens li din ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-ebda wieħed mill-vantaġġi li kienu jirriżultaw mill-imsemmija skema ma seta’ jkun is-suġġett, iktar tard, ta’ proċedura ta’ rkupru.

Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti kienu konxji mill-interpretazzjoni amministrattiva inizjali, li kienet teskludi l-akkwisti ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) tat-TRLIS, ma jneħħix il-leġittimità tal-aspettattivi li huma setgħu jisiltu mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, huma biss id-dikjarazzjonijiet u l-aġiri li joriġinaw mill-Kummissjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni.

Għaldaqstant, anki jekk jitqies li hija kellha d-dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tirrifjuta li tirrikonoxxi, f’din id-deċiżjoni, aspettattivi leġittimi lill-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni fir-rigward tal-akkwisti tagħhom ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti mwettqa qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk mhux ukoll, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, qabel il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/282, fl-istess termini bħal fid-deċiżjonijiet inizjali.


( 1 ) Ley 43/1995 del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi 43/1995, dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tas‑27 ta’ Diċembru 1995 (BOE Nru 310, tat‑28 ta’ Diċembru 1995, p. 37072).

( 2 ) Din l-iskema diġà tat lok, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981); tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (C‑50/19 P, EU:C:2021:792); tas-6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793); tas-6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander vs Il-Kummissjoni (C‑52/19 P, EU:C:2021:794); tas-6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander et vs Il-Kummissjoni (C‑53/19 P u C‑65/19 P, EU:C:2021:795); tas-6 ta’ Ottubru 2021, Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni (C‑54/19 P, EU:C:2021:796); tas-6 ta’ Ottubru 2021, Prosegur Compañía de Seguridad vs Il-Kummissjoni (C‑55/19 P, EU:C:2021:797); kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑207/10, EU:T:2018:786).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma [parteċipazzjonijiet azzjonarji] barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/282/KE tat-12 ta’ Jannar 2011 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma [parteċipazzjonijiet azzjonarji] barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1).

( 5 ) Deċiżjoni (UE) 2015/314 tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35550 (13/C) (ex 13/NN) (ex 12/CP) implimentata minn Spanja – Skema għall-amortizzazzjoni tat-taxxa ta’ avvjament finanzjarju għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji barranin (ĠU 2015, L 56, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”)

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).