21.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 313/22


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2020 – Ocean Capital Administration et vs Il-Kunsill

(Kawża T-332/15) (1)

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran - Iffriżar ta’ fondi - Lista tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw dawn il-miżuri - Inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti”)

(2020/C 313/32)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ocean Capital Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) u l-31 rikorrent ieħor li isimhom jinsab fl-anness tas-sentenza (rappreżentanti: P. Moser, QC, E. Metcalfe, barrister, u M. Taher, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop u V. Piessevaux, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/556 tas-7 ta’ April 2015 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015, L 92, p. 101), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/549 tas-7 ta’ April 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015, L 92, p. 12), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE u intiża sabiex tiġi ddikjarata l-inapplikabbiltà tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK tal-10 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 46), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013 tal-10 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 272, p. 1).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Ocean Capital Administration GmbH u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 294, 7.9.2015.