SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Imħallef uniku)
29 ta’ Ottubru 2015
Yannis Xenakis
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Irtirar volontarju — Età tal-irtirar — Talba għal estensjoni tas-servizz — Artikolu 52, it-tieni paragrafu tar-Regolamenti tal-Persunal — Rifjut ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ servizz — Interess tas-servizz”
Suġġett:
Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TUFE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu, Y. Xenakis jitlob l-annullament tad-deċiżjoni adottata fil-25 ta’ Ġunju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, li tiċħad it-talba tiegħu ta’ żamma fis-servizz lil hinn mill-età ta’ 65 sena kif ukoll it-talba għad-danni materjali u morali allegatament subiti minnu.
Deċiżjoni:
Ir-rikors huwa miċħud. Y. Xenakis għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
Sommarju
Uffiċjali — Irtirar volontarju — Eżami ta’ talba ta’ żamma fis-servizz — Kriterji — Interess tas-servizz
(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52)
Uffiċjali — Irtirar volontarju — Eżami ta’ talba ta’ żamma fis-servizz — Kriterji — Interess tas-servizz — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52)
Mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tawtorizza ż-żamma fis-servizz lil hinn mill-età tal-irtirar volonarju lill-uffiċjali li jitolbuha jekk hija tqis li dan huwa ġġustifikat mill-interess tas-servizz.
Għaldaqstant, anki mingħajr il-bżonn li jsir riferiment għall-finalitajiet ta’ din id-dispożizzjoni, l-interpretazzjoni litterali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal tmur kontra l-argument li l-awtorizzazzjoni sabiex is-servizz jitkompla sal-età ta’ 67 sena għandha tingħata lil kull uffiċjal li jkun talab dan dment li dan ma jkunx prekluż mill-interess tas-servizz.
Barra minn hekk, huwa minnu li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, iż-żamma fis-servizz bejn l-età ta’ 67 sena u ta’ 70 sena tista’ tiġi deċiża “eċċezzjonalment”, filwaqt li din l-indikazzjoni ma teżistix għaż-żamma fis-servizz sal-età ta’ 67 sena. Madankollu, iż-żieda ta’ din il-kwalifikazzjoni għall-awtorizzazzjoni taż-żamma fis-servizz lil hinn minn 67 sena ma tiġġustifikax l-interpretazzjoni li, għaż-amma fis-servizz sal-età ta’ 67 sena, l-awtorità ma għandhiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess tas-servizz. Fil-fatt, din il-frażi tindika sempliċement li n-numru ta’ uffiċjali awtorizzati li jinżammu fis-servizz lil hinn mill-età ta’ 67 sena għandu jiġi limitat sabiex tiġi osservata n-natura eċċezzjonali ta’ din id-deroga, mingħajr madankollu ma jiġi affettwat il-kontenut tal-eżami tal-interess tas-servizz li għandu, fi kwalunkwe każ, jitwettaq mill- Awtorità tal-Ħatra.
(ara l-punti 33 sa 35)
Referenza:It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2009, Pappas vs Il-Kummissjoni,F‑101/08, EU:F:2009:137, punti 62 sa 64
Meta l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għaż-żamma fis-servizz lil hinn mill-età stabbilita għall-irtirar volontarju, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi marbuta mal-implementazzjoni ta’ politika ġenerali fil-qasam tal-persunal u mal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz fl-eżami ta’ tali talba ma huwiex ristrett biss għall-kwistjoni biss tal-adegwatezza tal-kompetenzi tal-persuna kkonċernata mal-funzjonijiet eżerċitati.
(ara l-punt 50)
Referenza:It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-18 Mejju 2015, Bischoff vs Il-Kummissjoni, F‑36/14, EU:F:2015:48, punt 47