OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentata fl‑10 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑215/15

Vasilka Ivanova Gogova

vs

Ilia Dimitrov Iliev

“Ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Tilwima bejn il-ġenituri dwar il-possibbiltà li l-minuri jivvjaġġa barra mill-pajjiż u l-ħruġ tad-dokumenti ta’ identità lil dan tal-aħħar — L-Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ materji ċivili — Il-punt 7 tal-Artikolu 2 — Kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 12 — Assenza ta’ dehra tal-konvenut — Assenza ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni, mill-mandatarju tal-konvenut maħtur mill-qorti”

1. 

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tintalab tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2201/2003”). Din il-kawża għandha tippermettilha tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għall-miżuri li, mill-perspettiva tad-dritt tal-Istat Membru jaqgħu taħt id-dritt pubbliku.

2. 

Fuq kollox, din il-kawża għandha tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tal-qorti tal-Istat Membru li miegħu l-minuri għandu rabta stretta, prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi hawnhekk jekk il-parti li naqset milli tidher tistax titqies li aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-qorti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tkun rappreżentata minn mandatarju maħtur mill-qorti u meta dan tal-aħħar ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qorti. Din il-kwistjoni diġà ġiet eżaminata fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001”), iżda mhux tar-Regolament Nru 2201/2003.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003,

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet [materji] ċivili dwar:

a)

[…];

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

b)

kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili;

ċ)

in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri;

d)

it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali;

e)

il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

a)

l-istabbilim ent jew kontestazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn minuri u ġenituri;

b)

id-deċizjonijiet dwar l-adozzjoni, il-miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew ir-revoka ta’ l-adozzjoni;

ċ)

l-isem u l-ewwel ismijiet ta’ l-minuri;

d)

l-emanċipazzjoni;

e)

l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

f)

il-fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni;

g)

il-miżuri meħuda bħala rizultat ta’ xi reati kriminali magħmula mill-minuri.”

4.

Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi r-“responsabbilità ta’ l-ġenituri” bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”.

5.

Il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi d-“drittijiet ta’ aċċess” bħala “partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ’l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat”.

6.

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

7.

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, jistabbilixxi li “l-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.”

8.

L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddisponi li “l-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali [rabta stretta] ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-aħjar interess għall-minuri.”

B – Il-leġiżlazzjoni Bulgara

9.

Skont l-Artikolu 127a tal-Kodiċi tal-familja Bulgaru (Semeen kodeks,iktar ’il quddiem is-“SK”):

“1.   Il-kwistjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar ta’ minuri barra mill-pajjiż u mal-ħruġ tad-dokumenti ta’ identità meħtieġa għal dan il-għan għandhom jissolvew mill-ġenituri bi ftehim komuni.

2.   Meta l-ġenituri ma jirnexxilhomx jaslu għall-ftehim previst fil-paragrafu 1, it-tilwima tagħhom għandha titressaq quddiem ir-Rayonen sad [ ( 4 )] tad-distrett tad-domiċilju attwali tal-minuri.

3.   Il-proċedura quddiem il-qorti tinfetaħ fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri. Il-ġenitur l-ieħor għandu jinstema’, sakemm ma jidhirx mingħajr raġuni valida. Il-qorti tista’ tiġbor provi ex officio.

4.   Il-qorti tista’ tawtorizza l-eżekuzzjoni provviżorja tas-sentenza mogħtija.”

10.

L-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar id-dokumenti ta’ identità (Zakon za balgarskite dokumenti za samolichnost/ za balgarskite lichni dokumenti, iktar ’il quddiem iż-“ZBLD”) jipprovdi li t-talba għall-passaport tal-minuri għandha tiġi ppreżentata mill-ġenituri ta’ dan tal-aħħar personalment.

11.

Skont l-Artikolu 78(1) moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 76 taż-ZBLD, il-Ministru tal-Ġustizzja jew, jekk ikun il-każ, il-persuna li huwa jawtorizza għal dan il-għan, jistgħu jipprojbixxu lil minuri milli jitlaq mit-territorju nazzjonali, sakemm ma jiġix ippreżentat kunsens bil-miktub, fil-forma ta’ att notarili, li permezz tiegħu l-ġenituri jawtorizzaw lill-minuri tagħhom jivvjaġġa.

12.

Skont l-Artikolu 47 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili Bulgaru (Grazhdanski protsesualen kodeks, iktar ’il quddiem il-“GPK”),

“1.   Meta l-konvenut ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz indikat fil-proċess, u ma jkunx possibbli li tinstab persuna li taċċetta li tirċievi l-komunikazzjoni, il-persuna li tkun ħarġet din tal-aħħar għandha twaħħal notifika mal-bieb jew mal-kaxxa tal-ittri tal-persuna partikolari; f’każ li ma jkunx hemm aċċess, in-notifika għandha titwaħħal mal-bieb tad-dħul tal-binja jew inkella f’post viżibbli fil-viċin. Meta jkun hemm aċċess għall-kaxxa tal-ittri, il-persuna li tkun ħarġet il-komunikazzjoni għandha wkoll tħalli n-notifika fl-imsemmija kaxxa.

2.   In-notifika inkwistjoni tindika li l-proċess ġie ppreżentat fir-reġistru tal-qorti, meta n-notifika ssir permezz ta’ impjegat tal-qorti jew ta’ marixxall; meta jkun ġie ppreżentat fil-kunsill muniċipali meta n-notifika tkun saret minn impjegat muniċipali, u meta dan ikun jista’ jinġabar fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha tkun twaħħlet in-notifika.

3.   Meta l-konvenut ma jidhirx sabiex jirċievi kopja tal-proċess, il-qorti inkwistjoni tordna lir-rikorrent jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-indirizz tiegħu rreġistrat, minbarra f’dawk il-każijiet imsemmija fl-Artikoli 40(2) u 41(1), fejn in-notifika tkun mehmuża mal-proċess. Jekk l-indirizz indikat ma jikkorrispondix mal-indirizz permanenti jew attwali tal-parti, il-qorti inkwistjoni għandha tordna li tintbagħat komunikazzjoni fl-indirizz attwali jew permanenti, skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Meta l-persuna li tkun ħarġet il-komunikazzjoni tikkonstata li l-konvenut ma jirrisjedix fl-indirizz indikat, il-qorti inkwistjoni tordna lir-rikorrent jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-indirizz irreġistrat tiegħu minkejja t-twaħħil tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-komunikazzjoni titqies li tkun twettqet mal-iskadenza tat-terminu għall-ġbir tagħha mir-reġistru tal-qorti jew mill-kunsill muniċipali.

6.   Wara li tikkonstata r-regolarità tal-komunikazzjoni, il-qorti tordna li din għandha tiddaħħal fil-proċess u tinnomina rappreżentant speċjali bi spejjeż li għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrent.”

II – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Bulgara, tgħix l-Italja, fejn għal bosta snin ikkoabitat ma’ Ilia Dimitrov Iliev, li wkoll huwa ta’ nazzjonalità Bulgara. Huma kellhom tifla, li twieldet fit‑2 ta’ Novembru 2004.

14.

Ir-rikorrenti u I. D. Iliev huma separati. Ir-rikorrenti tgħix Milano mat-tifla tagħha, fejn għandha impjieg fiss u fejn it-tifla hija studenta fir-raba’ klassi primarja. I. D. Iliev wkoll jgħix l-Italja fejn għandu impjieg fiss. Huwa jara lit-tifla tiegħu kull ġimagħtejn jew kull tliet gimgħat.

15.

Il-minuri hija ta’ nazzjonalità Bulgara. Inħarġilha passaport Bulgaru, li kien validu sal‑5 ta’ April 2012. Issa, I. D. Iliev ma pprovdiex l-għajnuna meħtieġa sabiex il-passaport tat-tifla tiegħu jkun jista’ jiġġedded.

16.

Għalhekk ir-rikorrenti ressqet talba quddiem ir-Rayonen sad ta’ Petrich abbażi tal-Artikolu 127a tas-SK, sabiex din tkun tista’ tirregola n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri dwar il-possibbiltà li t-tifla tagħhom tivvjaġġa barra mill-pajjiż u l-ħruġ tad-dokumenti ta’ identità meħtieġa għal dan il-għan, sabiex tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-missier.

17.

Wara li r-Rayonen sad ikkonfermat li l-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47(6) tal-GPK kienu ssodisfatti, hija ħatret rappreżentant speċjali tal-missier wara li r-rikorrenti ħallset ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar, stabbilita mir-Rayonen sad. Ir-rappreżentant speċjali ma kkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qorti Bulgara sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima.

18.

Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Novembru 2014, ir-Rayonen sad ta’ Petrich ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. Hija ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u għalqet il-proċedura. Hija kkonstatat li peress li t-tilwima tirrigwarda l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri u peress li l-minuri tirrisjedi normalment fl-Italja, il-qorti Taljana hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003.

19.

Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra d-digriet tar-Rayonen sad ta’ Petrich tal‑10 ta’ Novembru 2014.

20.

L-Okrazhen sad ( 5 ) ta’ Blagoevgrad ikkonfermat id-digriet tar-Rayonen sad. Hija qieset, bħar-Rayonen sad, li t-tilwima kienet tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri u li, peress li l-minuri kienet tirrisjedi normalment fl-Italja, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 kien jagħti ġurisdizzjoni lill-qorti Taljana. Hija ppreċiżat ukoll, barra minn hekk, li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(1)(b) ta’ dan ir-regolament ma kienx applikabbli, inkwantu ma kienx il-konvenut, iżda mandatarju li kien ġie maħtur mill-qorti sabiex jirrappreżentah, li kien deher.

21.

Ir-rikorrenti ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra d-digriet tal-Okrazhen sad quddiem il-Varhoven kasatsionen sad, il-Qorti suprema ta’ kassazzjoni. Din tal-aħħar tistaqsi dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2201/2003 għat-tilwima: hija tistaqsi jekk l-awtorizzazzjoni sabiex il-minuri tivvjaġġa barra mill-pajjiż u l-ħruġ tal-passaport taqax taħt l-awtorità tal-ġenituri fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

22.

Il-Varhoven kasatsionen sad tindika li hija stess tat żewġ digrieti kontradittorji, wieħed tal‑1 ta’ Diċembru 2010, fejn iddeċidiet li tilwima, imressqa skont l-Artikolu 127a tas-SK, li jistabbilixxi li l-qorti tista’ tiġi adita b’nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri fir-rigward tal-ivvjaġġar tal-minuri barra mill-pajjiż u l-ħruġ tad-dokumenti tal-identità meħtieġa għal dan il-għan, ma kinitx taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, u li għalhekk dan tal-aħħar ma kienx japplika għaliha; l-ieħor, tad‑9 ta’ Jannar 2014, fejn iddeċidiet li tali tilwima kienet taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri.

23.

Il-Varhoven kasatsionen sad tistaqsi wkoll dwar l-applikabbiltà tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li għalkemm il-konvenut ma kkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qorti Bulgara, huwa kien rappreżentat minn mandatarju maħtur mill-qorti.

24.

Il-Varhoven kasatsionen sad għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-possibbiltà, prevista mil-liġi, li l-qorti ċivili tagħti soluzzjoni għat-tilwima fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri rigward il-vjaġġ barra mill-pajjiż tal-wild [minuri] u l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identità tikkostitwixxi kawża marbuta ma’ ‘l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri’ fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) moqri flimkien mal-[punt 7 tal-Artikolu 2], li għalih jista’ japplika l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, jekk il-liġi materjali applikabbli tipprevedi eżerċizzju konġunt ta’ dawn id-drittijiet tal-ġenituri fir-rigward tal-wild [minuri] tagħhom?

2)

Il-motivi li fuqhom hija bbażata l-ġurisdizzjoni internazzjonali japplikaw għal kawża ċivili marbuta mar-responsabbiltà tal-ġenituri meta d-deċiżjoni tissostitwixxi fatt ġuridiku importanti għall-proċedura amministrattiva rigward il-wild [minuri] u meta l-liġi applikabbli tipprevedi li din il-proċedura għandha ssir fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea speċifiku?

3)

Għandu jitqies li hemm proroga tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 u fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni meta r-rappreżentant tal-konvenut ma jkunx ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti iżda ma jkunx ġiex awtorizzat mill-konvenut u ġie maħtur mill-qorti minħabba diffikultajiet ta’ notifika lill-konvenut u ta’ parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura, personalment jew permezz ta’ rappreżentant maħtur minnu?”

25.

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl‑20 ta’ Mejju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

26.

Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Lulju 2015 ( 6 ), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissuġġetta l-kawża preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.

Id-domandi preliminari kienu suġġetti għal-osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvernijiet Spanjoli u Ċeki, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, instemgħu waqt is-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2015.

III – Evalwazzjoni

28.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk ser niffoka, iktar ’il quddiem, fuq l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għall-kawża preżenti. Sussegwentement ser neżamina t-tielet domanda preliminari, li tirrigwarda waħda mill-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, f’materji tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tal-qrati tal-Istat Membru li miegħu l-minuri l-iktar li għandu rabta stretta, stabbilita fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003.

A – Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

29.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtorizzazzjoni tal-minuri sabiex jivvjaġġa barra mit-territorju nazzjonali u t-talba għal passaport għal dan il-għan, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-azzjoni li permezz tagħha wieħed mil-ġenituri jitlob lill-qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor, sabiex il-munuri jkun jista’ jivvjaġġa u għat-talba għall-ħruġ tal-passaport, taqax taħt il-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, anki jekk id-deċiżjoni tal-qorti hija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni nazzjonali għall-ħruġ tal-passaport tal-minuri.

30.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddisponi li dan tal-aħħar “għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet [materji] ċivili dwar: […] b) l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri”. Sabiex nimxi mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni billi tirreferi, qabel kollox, għall-materji ċivili, u sussegwentement għar-responsabbiltà tal-ġenituri, ser neżamina iktar ’il quddiem jekk l-awtorizzazzjoni tal-minuri sabiex jivvjaġġa barra mit-territorju nazzjonali u t-talba għall-passaport għal dan il-għan jikkostitwixxux “materji ċivili” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, qabel ma nivverifika jekk dawn jaqgħux taħt il-kunċett tar-“responsabbiltà tal-ġenituri” kif jiddefinixxih il-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

1. Fuq il-kunċett tal-“materji ċivili” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003

31.

Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jiddefinixxix il-materji ċivili, la fl-Artikoli 1 u 2, relatati, rispettivament, mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u mad-definizzjoni tat-termini li huwa juża u lanqas fil-premessi tiegħu. Huwa jelenka biss, fl-Artikolu 1(3), il-materji li għalihom ma japplikax, jiġifieri l-istabbiliment jew il-kontestazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn minuri u ġenituri, id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni, il-miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew ir-revoka tal-adozzjoni, l-isem u l-ewwel ismijiet tal-minuri, l-emanċipazzjoni, l-obbligazzjonijiet ta’ manteniment, il-fondi fiduċjarji jew tas-suċċessjoni, u l-miżuri meħuda bħala riżultat ta’ reati kriminali magħmula mill-minuri ( 7 ).

32.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jispira ruħu mill-Konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fis‑27 ta’ Settembru 1968 ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal- 1968”). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 jipprovdi fil-fatt li din tal-aħħar “tapplika għall-materji ċivili u kummerċjali u tkun xi tkun in-natura tal-qorti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bħar-Regolament Nru 2201/2003, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 ma tiddefinixxix il-materja ċivili u kummerċjali, jekk mhux b’mod negattiv ( 9 ), permezz tal-esklużjonijiet elenkati fit-tieni paragrafu tal-Agrikolu 1 tagħha ( 10 ).

33.

Ma hemm l-ebda dubju li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C ( 11 ), il-kunċett tal-materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma, li huwa l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u, kif osserva l-Gvern Ċek waqt is-seduta, sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-minuri kollha ( 12 ), kemm jekk jirrisjedu u kemm jekk ma jirrisjedux fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità.

34.

F’dan il-każ, l-azzjoni li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju għandha l-għan li tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-missier għall-ivvjaġġar tal-minuri u għat-talba tal-passaport. Għandu jingħad ukoll li l-ħruġ ta’ passaport huwa att amministrattiv. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ materji ċivili, f’liema każ, ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu japplika għaliha, jew jekk għandhiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għar-raġuni li din taqa’ taħt materja amministrattiva.

35.

Fl-opinjoni tiegħi, it-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, għar-raġunijiet li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem.

36.

Fl-ewwel lok, nosserva li din it-tilwima ma hija marbuta ma’ ebda mill-materji li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu ( 13 ).

37.

Fit-tieni lok, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan ir-regolament ma huwiex intiż li japplika għal “miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali fi kwistjonijiet ta’ edukazzjoni jew saħħa” ( 14 ). Minn dan niddeduċi li għandu l-għan li japplika għal miżuri tad-dritt pubbliku minbarra dawk ta’ natura ġenerali relatati mal-edukazzjoni u mas-saħħa ( 15 ).

38.

Fit-tielet lok, nenfasizza li r-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) li “m’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi” ( 16 ). Din ir-riżerva ġiet introdotta fl-1978, bl-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 ( 17 ), sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Renju Unit u l-Irlanda kienu prattikament jinjoraw id-distinzjoni, komuni fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri oriġinali, bejn id-dritt pubbliku u d-dritt privat, u li għalhekk kien meħtieġ li jiġi ppreċiżat liema materji ma kinux meqjusa bħala ċivili ( 18 ). Kuntrarjament għar-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxix, fl-Artikolu 1 tiegħu, li huwa ma japplikax għall-materji amministrattivi. Issa, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, fis‑27 ta’ Novembru 2003, kienet sussegwenti għal dik tar-Regolament Nru 44/2001, fit‑22 ta’ Diċembru 2000, u fuq kollox għall-introduzzjoni, fl-1978, tar-riżerva relatata mal-materji amministrattivi fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968. Konsegwentement, li kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi l-materji amministrattivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, jidhirli li kien jistabbilixxi dan espressament.

39.

Fir-raba’ lok, anki li kieku kellu jitqies li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-materji amministrattivi, tali esklużjoni ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tolqot il-materji amministrattivi kollha: hija tirrigwarda biss il-manifestazzjonijiet tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

40.

Fil-fatt, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ddeterminat jekk tilwima taqax taħt materja ċivili fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi eżaminata n-natura tar-relazzjoni legali bejn il-partijiet u s-suġġett tat-tilwima. Hija ddeduċiet minn dan li, għalkemm ċerti tilwimiet bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett, mhux l-istess jista’ jingħad meta l-awtorità pubblika tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ( 20 ).

41.

Issa, jidhirli li l-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi interpretat b’mod iktar strett mill-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, inkwantu r-Regolament Nru 2201/2003, kuntrarjament għar-Regolament Nru 44/2001, ma jistabbilixxix epressament l-esklużjoni tal-materji amministrattivi. Għalhekk, li kieku kellu jitqies li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-materji amministrattivi, ma jkunx biżżejjed, sabiex it-tilwima tiġi eskluża mill-kunċett ta’ materji ċivili, li din it-tilwima tkun bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat: huwa wkoll meħtieġ li din l-awtorità pubblika tkun eżerċitat is-setgħa pubblika.

42.

Sabiex jiġi stabbilit jekk tilwima taqax taħt materja ċivili fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif għidna, żewġ kriterji: minn naħa, in-natura tar-relazzjoni legali bejn il-partijiet fit-tilwima (jekk din ir-relazzjoni hija purament irregolata mid-dritt privat, it-tilwima taqa’ taħt materja ċivili), min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima (jekk it-tilwima ma għandhiex fil-mira tagħha l-manifestazzjoni tal-awtorità pubblika, hija taqa’ taħt materja ċivili).

43.

L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni legali bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwaha fir-rigward tal-locus standi tal-partijiet, awtoritajiet pubbliċi jew persuni privati, kif ukoll tal-fondatezza u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-azzjoni ( 21 ).

44.

Għalhekk, tilwima fejn iż-żewġ partijiet huma individwi, bilfors li hija relazzjoni rregolata purament mid-dritt privat. Fis-sentenza Henkel, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-azzjoni ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi sabiex tikseb l-ħruġ ta’ ordni li tipprojbixxi negozjant mill-juża klawżoli inġusti hija materja ċivili. Hija osservat, b’mod partikolari, li “assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi bħal [dik inkwistjoni] għandha n-natura ta’ organu ta’ natura privata” ( 22 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fis-sentenza Frahuil, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni li permezz tagħha impriża li ggarantixxiet favur l-amministrazzjoni tad-dwana, il-ħlas tad-dazji doganali mit-trasportatur, titlob ir-rimbors tal-ammonti mħallsa lil importatur hija materja ċivili: it-tilwima kienet bejn żewġ persuni rregolati mid-dritt-privat ( 23 ). Fis-sentenza flyLAL‑Lithuanian Airlines, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet kawża għal kumpens, ippreżentata minn trasportatur tal-ajru Litwan kontra l-entità ta’ ġestjoni ta’ ajruport Litwan u trasportatur tal-ajru Litwan, għal danni kkawżati mill-allegat ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni hija materja ċivili. Hija tikkonstata, fost oħrajn, li, għalkemm l-Istat Litwan huwa l-azzjonista maġġoritarju jew uniku tal-konvenuti, huwa ma huwiex parti fil-kawża, u r-rikorrenti kienet qed tilmenta dwar l-ammont wisq għoli ta’ tariffi mħallsa għall-użu tal-installazzjonijiet tal-ajruport, jiġifieri att imwettaq mill-konvenuti bħala operatur ekonomiku u li ma kienx jinvolvi l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ( 24 ).

45.

Jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima hija awtorità pubblika, dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex it-tilwima tevita l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001: hija tevita l-applikazzjoni tiegħu biss jekk din l-awtorità pubblika tagħmel użu, fil-kuntest tal-kawża, mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. B’hekk, fis-sentenza Sunico et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni għall-irkupru ta’ kreditu fiskali, ippreżentata mill-amministrazzjoni fiskali Britannika, hija materja ċivili, għaliex, jekk ir-rikorrenti effettivament tkun awtorità pubblika, din taġixxi unikament abbażi tad-dritt Britanniku tar-responsabbiltà ċivili ( 25 ). Bl-istess mod, fis-sentenza Sapir et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kawża għad-danni tal-vittmi tar-reġim nazzjonal‑soċjalista, kontra l-Land ta’ Berlin, hija materja ċivili. Fil-fatt, il-Land ta’ Berlin kien fil-mira tal-azzjoni bħala proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li kienet suġġetta għal drittijiet ta’ restituzzjoni, u kellu l-istess obbligu ta’ kumpens bħal proprjetarju privat ( 26 ).

46.

It-tieni nett, fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima, it-tilwima ma hijiex materja ċivili jekk l-għan tagħha huwa l-manifestazzjoni tal-awtorità pubblika, jiġifieri jekk it-talba għandha s-sors tagħha direttament f’att ta’ awtorità pubblika ( 27 ).

47.

B’hekk, fis-sentenza Lechouritou et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni li permezz tagħha ċittadini Griegi jitolbu kumpens lill-Istat Ġermaniż għad-dannu kkawżat bil-massakru ta’ nies ċivili minn suldati tal-forzi armati Ġermaniżi fl-1943 għandha bħala għan il-manifestazzjoni tal-awtorità pubblika ( 28 ). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Apostolides, hija qieset li azzjoni li permezz tagħha individwu, li kellu proprjetà immobbli f’Ċipru u li huwa kellu jabbanduna waqt l-invażjoni tal-gżira mill-armata Turka fl-1974, jitlob lil individwu ieħor, li akkwista din il-proprjetà, sabiex jgħaddilu immedjatament il-pussess liberu tagħha ma għandhiex bħala għan il-manifestazzjoni tal-awtorità pubblika ( 29 ). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja adottat soluzzjoni opposta fiż-żewġ sentenzi, dan huwa għaliex, fl-opinjoni tiegħi, fis-sentenza Lechouritou et, it-talba kellha bħala għan il-kumpens għad-dannu kkawżat direttament permezz tal-att ta’ awtorità pubblika (il-massakru ta’ nies ċivili), filwaqt li, fis-sentenza Apostolides, it-talba kellha bħala għan il-pussess ta’ proprjetà immobbli akkwistata wara l-att ta’ awtorità pubblika (l-invażjoni tal-forzi armati), jiġifieri r-rabta bejn it-talba u l-att ta’ awtorità pubblika kienet biss indiretta.

48.

Il-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tista’, kif rajna ( 30 ), tiġi trasposta għall-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

49.

Fil-kawża preżenti, it-tilwima li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju hija bejn żewġ individwi, il-ġenituri tal-minuri. Evidentement l-omm ma tistax teżerċita kontra l-missier xi tip ta’ prerogattiva eżorbitanti rregolata mid-dritt komuni. Ir-relazzjoni legali bejn il-partijiet hija għalhekk purament irregolata mid-dritt privat.

50.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-azzjoni ppreżentata mill-omm quddiem il-qorti adita għandha l-għan li tikseb rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-missier għall-ħruġ tal-passaport għall-minuri. It-tilwima ma għandhiex l-għan ta’ manifestazzjoni tal-awtorità pubblika, peress li l-qorti mhux qed tintalab toħroġ dan il-passaport, iżda li tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-missier. Is-suġġett tat-tilwima huwa n-nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri, fejn l-omm tixtieq li l-minuri tmur tara lill-familja tagħha fil-Bulgarija, filwaqt li l-missier qed jopponi jew għallinqas mhux qed jieħu l-inizjattivi meħtieġa għal dan il-għan. Is-suġġett tal-kawża huwa għalhekk strettament irregolat mid-dritt privat.

2. Fuq il-kunċett tar-“responsabbiltà tal-ġenituri” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003

51.

L-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l-materji ċivili relatati mal-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, li għalihom japplika dan ir-regolament, jirrigwardaw b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess. Il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi d-drittijiet ta’ aċċess bħala, b’mod partikolari, id-dritt li tieħu l-minuri f’post ’il barra minn dak li huwa l-post residenzjali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat.

52.

Issa, il-fatt li l-minuri jittieħed għal vaganza għand il-familja tiegħu, inkluż fi Stat Membru ieħor (peress li l-punt 10 tal-Artikolu 2 jitkellem sempliċiment dwar “post ’l barra minn dak li huwa l-post residenzjali proprju”), u l-fatt li ssir talba għal passaport għal dan il-għan jidhirli li jikkorrispondu perfettament mad-definizzjoni tad-dritt ta’ aċċess.

53.

Għalhekk jeħtieġ li r-risposta lill-qorti tar-rinviju tkun li l-azzjoni li permezz tagħha wieħed mill-ġenituri jitlob lil qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor għall-ivvjaġġar tal-minuri u għat-talba tal-passaport taqa’ taħt materji ċivili relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u tal-punti 7 u 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003.

B – Fuq it-tielet domanda preliminari

54.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-parti li ma tidhirx tistax titqies li aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-qorti fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, meta din tkun rappreżentata minn mandatarju li jkun ġie maħtur mill-qorti u meta dan tal-aħħar ma jkunx ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti.

55.

Nixtieq, qabel ma neżamina t-tielet domanda preliminari, nagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri previst fir-Regolament Nru 2201/2003.

56.

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jagħti l-ġurisdizzjoni, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, lill-qrati tal-Istat Membru li fih jirrisjedi normalment il-minuri fil-mument meta l-qorti tiġi adita. Madankollu, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-“paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara” għad-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Artikolu 12. L-Artikolu 12(1) jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tal-qrati tal-Istat Membru meta l-ġurisdizzjoni tkun eżerċitata bis-saħħa tal-Artikolu 3 ( 31 ), sabiex dawn jiddeċiedu dwar talba għal divorzju, għal separazzjoni legali jew għal annullament taż-żwieġ ( 32 ), filwaqt li l-Artikolu 12(3) jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tal-qrati tal-Istat Membru li miegħu l-minuri għandu rabta stretta, b’mod partikolari minħabba l-fatt li jkun ċittadin ta’ dak l-Istat Membru.

57.

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru, meta din tkun qed tiġi eżerċitata għall-għoti ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ talba għal divorzju, jew dik tal-qrati tal-Istat Membru li miegħu l-minuri għandu rabta stretta, previsti fl-Artikolu 12(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, huma għalhekk ġurisdizzjonijiet konkorrenti ma’ dik tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri ( 33 ).

58.

Jidhirli li qabel ma tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, it-tielet domanda għandha tiġi rriformulata ( 34 ) b’mod li tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, u mhux tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni. Ser nispjega iktar ’il quddiem għalfejn din ir-riformulazzjoni hija meħtieġa, qabel ma neżamina d-domanda nnifisha, jiġifieri jekk parti li ma tidhirx iżda li hija rappreżentata minn mandatarju maħtur mill-qorti, li ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qorti, tistax titqies li aċċettat il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti fis-sens, għalhekk, tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003.

1. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003

59.

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi applikat għall-kawża preżenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, kif rajna, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tal-qorti tal-Istat Membru kompetenti, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3, sabiex tiddeċiedi fuq talba għal divorzju. It-talba għal deċiżjoni preliminari tindika sempliċiment li Gogova u Iliev ikkoabitaw, li jwassal sabiex wieħed jaħseb li qatt ma kienu miżżewġin. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

60.

Min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprevedi, barra minn hekk, l-istess kundizzjoni tal-Artikolu 12(1), jiġifieri l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-qrati ta’ Stat Membru “għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1” meta, l-ewwel nett, il-minuri għandu rabta stretta ma’ dak l-Istat Membru, “partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt, […] li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”, it-tieni nett, il-partijiet kollha fit-tilwima aċċettaw espressament u b’mod inekwivoku l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati u din il-ġurisdizzjoni hija fl-aqwa interess tal-minuri ( 35 ). Mill-proċess jirriżulta li l-minuri hija ta’ nazzjonalità Bulgara: l-ewwel kundizzjoni għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija ssodisfatta.

61.

Nippreċiża li fis-sentenza L, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tista’ tiġi applikata mingħajr ma huwa meħtieġ li l-proċedura f’din il-kwistjoni tkun marbuta ma’ proċedura oħra li tkun diġà pendenti quddiem il-qorti li favur tagħha l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tkun mixtieqa ( 36 ). Ftit jimporta għalhekk li l-ebda talba għad-divorzju ma hija pendenti quddiem il-qrati Bulgari: tali ċirkustanza ma tostakolax l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 37 ).

62.

Għalhekk, it-tielet domanda preliminari tibqa’ rilevanti. Fil-fatt, l-Artikolu 12(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jissuġġetta l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-istess kundizzjoni: l-aċċettazzjoni espressa jew inekwivoka ta’ din il-ġurisdizzjoni mill-“konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità [tal-ġenituri]” (paragrafu 1) jew “mill-partijiet kollha fil-proċedimenti” (paragrafu 3). Huwa meħtieġ, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li tiġi eżaminata, fir-rigward tas-subparagrafu 3 iżda mhux tas-subparagrafu 1, il-kwistjoni dwar jekk il-parti li ma tkunx dehret u li tkun ġiet rappreżentata minn mandatarju maħtur mill-qorti, li ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, għandhiex titqies li tat il-kunsens tagħha għall-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

2. Fuq l-aċċettazzjoni espressa jew inekwivoka tal-ġurisdizzjoni

63.

Konvenut li ma jidhirx, ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jitqies li aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, għas-sempliċi raġuni li din il-qorti, fid-dawl tal-fatt li ma rnexxielhiex tinnotifikah bl-att promotur, ħatret mandatarju ex officio sabiex jirrappreżentah u dan tal-aħħar iddefendih fuq il-mertu mingħajr ma qajjem in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti.

a) Fuq l-għażla libera tal-partijiet, fondatezza tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni

64.

Nikkonstata li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jippermetti lill-partijiet jagħżlu l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-fatt, l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermettilhom jidderogaw mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri favur dawk tal-Istat Membru li miegħu l-minuri għandu rabta stretta. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet għalhekk li jagħti prijorità lill-awtonomija tal-partijiet billi joffrilhom għażla, suġġetta ċertament għall-kundizzjoni li l-minuri jkollu rabta stretta mal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jiġu magħżula ( 38 ), iżda għażla. Dan huwa dak li jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ regolament ippreżentata mill-Kummissjoni, li tistipula li l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 “għandu l-għan li jiffavorixxi ftehim bejn il-partijiet, anki jekk sempliċiment fuq il-qrati li għandhom jiġu aditi, billi jagħti wkoll ċerta marġni ta’ manuvra lid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri” ( 39 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

65.

Issa, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita tistrieħ fuq il-volontà tal-partijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li ż-żewġ partijiet ikunu tassew taw il-kunsens tagħhom għal din il-ġurisdizzjoni ( 40 ). L-intenzjoni tal-leġiżlatur, jiġifieri li jagħti prijorità lill-awtonomija tal-partijiet, titlob li tingħata interpretazzjoni stretta lill-aċċettazzjoni “espressa jew inkella inekwivoka” tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ( 41 ).

66.

Nenfasizza li l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru magħżul mill-partijiet għandha tkun “fl-aħjar interess għall-minuri”. Jidhirli li din il-preċiżjoni għandha tinftiehem, fid-dawl tan-natura ċentrali tal-interess suprem tal-minuri fis-sistema tal-ġurisdizzjonijiet stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2201/2003 ( 42 ), li timponi tabilħaqq obbligu, fuq il-qorti adita, li tiżgura ruħha li l-partijiet ma eżerċitawx l-awtonomija tagħhom għad-detriment tal-interess suprem tal-minuri ( 43 ). Tali obbligu jikkonferma r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-aċċettazzjoni tal-qrati aditi abbażi tal-Artikolu 12(3).

67.

Issa, jidhirli li jekk jitqies li l-konvenut aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari meta dan ma setax jiġi nnotifikat bl-att promotur, għar-raġuni li l-mandatarju maħtur mill-qorti ma kkontestax il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar, ir-rekwiżit tal-interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni ta’ aċċettazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(3)(b) tar- Regolament Nru 2201/2003, ma jkunx qed jiġi osservat.

68.

Ninsab sorpriż li l-qorti Bulgara rrikorriet għall-ħatra ta’ mandatarju sabiex jirrappreżenta lill-konvenut meta mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-missier jara lil bintu kull ġimagħtejn jew tlieta. Nikkonstata li, skont l-Artikolu 47(4) tal-GPK ( 44 ), meta l-qorti adita tistabbilixxi li l-konvenut ma jirrisjedix fl-indirizz indikat, hija “tordna lir-rikorrent jipprovvdi l-informazzjoni” f’dan ir-rigward. Huwa stramb ħafna li l-omm tafda lil bintha lil missierha regolarment, mingħajr ma tieħu konjizzjoni tal-indirizz ta’ dan tal-aħħar. Nosserva li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi li l-qorti għandha l-obbligu tissospendi l-proċeduri sakemm jiġi stabbilit li l-konvenut kellu l-possibbiltà li jirċievi l-att promotur jew li “l-passi neċessarji kollha ttieħdu għal dan il-għan” ( 45 ).

69.

Insibha diffiċli nifhem kif konvenut jista’ jitqies li ta l-kunsens tiegħu għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru, jekk saħansitra injora l-istess eżistenza tal-proċedura ppreżentata kontrih ( 46 ). Niddubita wkoll kif mandatarju maħtur mill-qorti adita jista’, b’mod validu, jagħti l-kunsens tiegħu għall-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar, jekk ma għandu l-ebda kuntatt mal-konvenut u ma jiddisponi minn ebda elementi li jippermettulu jevalwa l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ( 47 ).

b) Fuq l-ekwilibriju ġust bejn id-drittijiet tad-difiża u d-dritt li r-rikorrent ikollu azzjoni ġudizzjarja effettiva

70.

Nosserva li, meta kienet qed tiddeċiedi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, li tistabbilixxi li “apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fis-sentenza riċenti A, li d-dehra tal-kuratur għall-konvenut assenti ma hijiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan il-konvenut skont l-Artikolu 24, jiġifieri ma timplikax il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ( 48 ).

71.

L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat bl-istess mod bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

72.

Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi, bħall-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, ġurisdizzjoni fondata fuq l-għażla libera tal-partijiet ( 49 ).

73.

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza A, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet ibbilanċjar bejn id-drittijiet tal-konvenut u d-dritt tar-rikorrent għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 50 ). Hija stqarret li d-domiċilju tal-konvenut ċertament li ma kienx magħruf u dan kien qed jipprekludi lir-rikorrenti milli jistabbilixxu l-qorti li kellha ġurisdizzjoni u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal azzjoni effettiva. Madankollu hija sostniet ir-raġunament tagħha sabiex tenfasizza li, jekk id-dehra tal-kuratur kellha titqies bħala dehra tal-konvenut fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, il-konvenut ma għandux jibqa’ jitqies bħala kontumaċi. Huwa ma għandux jibqa’ jitqies li kien kontumaċi fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 34 tiegħu, li jistabbilixxi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk l-att promotur ma jkunx ġie nnotifikat lil konvenut. Konsegwentement, il-konvenut ma jkunx jista’ jinvoka l-punt 2 tal-Artikolu 34 sabiex jopponi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 ma setgħetx titqies li tistabbilixxi ekwilibriju ġust bejn id-dritt tar-rikorrent għal azzjoni ġudizzjarja effettiva u d-drittijiet tad-difiża ( 51 ).

74.

Issa, f’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li miegħu l-minuri għandha rabta stretta, prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, hija ġurisdizzjoni konkorrenti ma’ dik tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, f’dan il-każ, kieku l-qrati Bulgari kellhom iqisu li ma kellhomx ġurisdizzjoni, għar-raġuni li l-missier ma aċċettax il-ġurisdizzjoni tagħhom, l-omm tista’ tadixxi l-qrati Taljani: ma jkunx hemm nuqqas ta’ ġustizzja.

75.

Barra minn hekk, nenfasizza li, jekk il-qrati Bulgari kienu jqisu li kellhom ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, ikun impossibbli għall-missier li jippreżenta rikors.

76.

Fil-fatt, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, jistabbilixxi li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru, jekk tkun iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ oriġini, tiġi rrikonoxxuta u tgawdi saħħa eżekuttiva fi Stat Membru ieħor, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda dikjarazzjoni li tirrikonoxxi s-saħħa eżekuttiva tagħha u mingħajr il-possibbiltà li r-rikonoxximent tagħha jiġi kkontestat. Issa, l-Artikolu 41(2)(a) jistabbilixxi n-notifika tal-att promotur lill-konvenut, bħala kundizzjoni għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat. Madankollu, jekk il-konvenut jitqies li jkun aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan ifisser li ma jitqiesx li huwa kontumaċi: għalhekk ma jistax jitqies bħala kontumaċi fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, li kieku l-qrati Bulgari kellhom jitqiesu li għandhom ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 12(3), ikunu jistgħu joħorġu ċ-ċertifikat għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni fl-Italja.

77.

Kieku dan kellu jkun il-każ, il-missier ma jkunx jista’ jikkontesta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qrati Bulgari. Minn naħa, l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi li ebda rikors ma jista’ jiġi ppreżentat kontra l-ħruġ taċ-ċertifikat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li ma huwiex possibbli li jiġi kkontestat ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ċċertifikata fl-Istat Membru tal-oriġini ( 52 ).

78.

Konsegwentement, kieku l-missier kellu jitqies li aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari fis-sens tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ksur tad-drittijiet tal-konvenut ikun, fl-opinjoni tiegħi, sproporzjonat.

79.

L-ebda argument ma jista’ jinġieb kontra din il-konklużjoni tas-sentenza Hypoteční banka, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 44/2001 ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti li ssir kawża kontra konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf, permezz tal-ħatra ta’ kuratur mill-qorti adita ( 53 ). Fil-fatt, kif espressament tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A, għalkemm, fis-sentenza Hypoteční banka, il-konvenut seta’ jikkontesta r-rikonoxximent tas-sentenza abbażi tal-imsemmi punt 2 tal-Artikolu 34, fis-sentenza A, tali possibbiltà hija nieqsa. Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġi invokat l-imsemmi punt 2 tal-Artikolu 34, “tippresupponi […] il-kontumaċja tal-konvenut u li l-atti ta’ proċedura magħmula mit-tutur jew mill-kuratur għall-konvenut assenti ma humiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan tal-aħħar skont [...] [ir-]regolament [Nru 44/2001]” ( 54 ). Issa, jekk il-qorti adita għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, il-konvenut ma jitqiesx li huwa kontumaċi.

IV – Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Varhoven kasatsionen sad:

“1)

L-azzjoni li permezz tagħha wieħed mill-ġenituri jitlob lil qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor għall-ivvjaġġar tal-minuri barra mill-pajjiż u għat-talba tal-passaport għal dan il-għan, taqa’ taħt materji ċivili relatati mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u tal-punti 7 u 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000;

2)

Konvenut li ma deherx ma jistax jitqies li aċċetta b’mod inekwivoku l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fis-sens tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, għas-sempliċi raġuni li din il-qorti, fid-dawl tal-fatt li ma rnexxilhiex tinnotifikah bl-att promotur, ħatret mandatarju ex officio sabiex jirrappreżentah u dan tal-aħħar iddefendih fuq il-mertu mingħajr ma qajjem eċċezzjoni dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti.”


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243.

( 3 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 42.

( 4 )   Ir-Rayonen sad hija qorti ta’ prim’istanza.

( 5 )   L-Okrazhen sad hija qorti reġjonali.

( 6 )   Id-digriet Ivanova Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:466).

( 7 )   Nosserva, f’dan ir-rigward, li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae b’riferiment għal materji ċivili ġiet introdotta, għal dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri, permezz tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, il-kunċett ta’ materji ċivili huwa assenti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad‑29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1347/2000”), li ġie mħassar permezz tar-Regolament Nru 2201/2003. Lanqas ma tirriżulta mill-konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirrigwarda l-kompetenza, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali, tat‑28 ta’ Mejju 1998 (ĠU 1998, C 221) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Brussell II”), issostitwita bejn l-Istati Membri permezz tar-Regolament Nru 1347/2000. Ir-Regolament Nru 1347/2000, kif ukoll il-Konvenzjoni Brussell II jistabbilixxu li għandhom japplikaw għall-“proċeduri ċivili” relatati, b’mod partikolari, mar-responsabbiltà tal-ġenituri u jippreċiżaw li proċeduri oħra mhux ġudizzjarji, magħrufa uffiċjalment fi Stat Membru għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal proċeduri ġudizzjarji (ara l-Artikolu 1(1) u (2) u l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1347/2000, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell II).

( 8 )   ĠU 1972, L 299, p. 32.

( 9 )   F’dan ir-rigward, ir-Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968, elaborat minn P. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“rapport Jenard”) jindika li l-kumitat tal-esperti li abbozza din il-konvenzjoni “la ppreċiża dak li wieħed għandu jifhem b’‘materja ċivili u kummerċjali’, u lanqas ma rregola l-problema ta’ klassifikazzjoni permezz tad-determinazzjoni tal-liġi li abbażi tagħha għandu jiġi evalwat il-kontenut ta’ din l-espressjoni. F’dan ir-rigward, huwa kkonforma ruħu mal-metodu li ġie adottat fil-konvenzjonijiet eżistenti” (p.9).

( 10 )   It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-ewwel nett, l-istat u l-kapaċità tal-persuni fiżiċi, id-drittijiet ta’ proprjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, it-testmenti u s-suċċessjonijiet, it-tieni nett, il-fallimenti, l-arranġamenti u proċeduri analogi oħra, it-tielet nett, is-sigurtà soċjali, ir-raba’ nett, l-arbitraġġ.

( 11 )   C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 46.

( 12 )   Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 13 )   Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 )   Nosserva li l-premessa 10 tar-Regolament Nru 2001/2003 hija identika għall-Artikolu 4(h) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluża fid‑19 Ottubru 1996 (ĠU 2008, L 151, p. 39, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996”). Skont l-Artikolu 4(h) tal- Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, din tal-aħħar ma tapplikax għall-“miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali f’materji ta’ edukazzjoni jew saħħa”. F’dan ir-rigward, ir-rapport spjegattiv ta’ Paul Lagarde dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 (disponibbli fuq is-sit tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat fl-indirizz segwenti: http://www.hcch.net/index_fr.php [mhux disponibbli bil-Malti]) jippreċiża li hawnhekk huma fil-mira, pereżempju, il-miżuri “li jimponu l-edukazzjoni jew it-tilqim obbligatorju” [traduzzjoni libera].

( 15 )   Ara s-sentenzi C, (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 52) u A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 28).

( 16 )   L-enfasi hija tiegħi. Nippreċiża li r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑ ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU L 351, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1215/2012”), li jħassar ir-Regolment Nru 44/2001, jipprovdi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) li huwa “m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii)”. Ir-Regolament Nru 1215/2012 qiegħed hawnhekk jirriproduċi ġurisprudenza li ser niġi għaliha iktar tard.

( 17 )   Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, iffirmata fid‑9 ta’ Ottubru 1978 (ĠU 1978 L 304, p. 1). Ara l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni.

( 18 )   F’dan ir-rigward, ir-Rapport dwar il-konvenzjoni relatata mal-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, iffirmata fid‑9 ta’ Ottubru 1978, elaborat mill-Professur Dr. P. Schlosser (ĠU 1979, C 59, p. 71), jippreċiża li “[s]-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri oriġinali huma midħla sewwa tad-distinzjoni bejn materji ċivili u kummerċjali, minn naħa, u materji li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku, min-naħa l-oħra. Minkejja differenzi sinjifikattivi, din id-distinzjoni ssir, ġeneralment, skont kriterji analogi […]. Huwa għalhekk li r-redatturi tat-test oriġinali tal-Konvenzjoni u r-rapport Jenard ma speċifikawx il-materji ċivili u kummerċjali […]. Madankollu […] ir-Renju Unit u l-Irlanda jinjoraw prattikament id-distizjoni – komuni fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri oriġinali, – bejn id-dritt pubbliku u d-dritt privat. Il-problemi ta’ adattament ma setgħux għalhekk jissolvew permezz ta’ sempliċi riferiment għall-prinċipji ta’ klassifikazzjoni. Fid-dawl tas-sentenza [LTU, 29/76, EU:C:1976:137, punt 3], li ngħatat matul l-aħħar fażi finali tan-negozjati, fejn ġie ddikjarat li hija favur interpretazzjoni li ma tirreferixxix għal dritt nazzjonali ‘applikabbli’, il-grupp kien kuntent li jispeċifika biss, fl-Artikolu 1(1) li l-materji fiskali, doganali u [amministrattivi] ma humiex materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 23).

( 19 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja rarament kellha tieħu konjizzjoni tal-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fis-sentenzi C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 51), A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 27) u C. (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 60), hija ddeċidiet li l-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jinkludi wkoll miżuri li, mill-perspettiva tad-dritt tal-Istat Membru, jappartjenu lid-dritt pubbliku. Madankollu, dawn is-sentenzi kienu, it-tlieta li huma, jirrigwardaw deċiżjoni għat-teħid ta’ responsabbiltà ta’ minuri, kemm jekk il-kwistjoni kienet tirrigwarda d-deċiżjoni tad-dipartimenti għal azzjoni soċjali ta’ muniċipalità għat-tpoġġija ġo familja ospitanti (sentenzi C, C‑435/06, EU:C:2007:714, u A, C‑523/07, EU:C:2009:225) jew deċiżjoni tal-qorti għat-tpoġġija tal-minuri f’istituzzjoni li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva taħt sigurtà (sentenza C, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255). Issa, l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi espressament li dan ir-regolament għandu japplika għat-“tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali”. Għalhekk minn dawn it-tliet sentenzi ma jistax jiġi dedott li r-Regolament Nru 2201/2003 japplika għall-materji amministrattivi kollha, ikunu liema jkunu. Huwa għal din ir-raġuni li jidhirli li jkun interessanti li wieħed jeżamina l-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ materji ċivili fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001.

( 20 )   Sentenzi LTU (29/76, EU:C:1976:137, punt 4); Rüffer (814/79, EU:C:1980:291, punti 814); Rich (C‑190/89, EU:C:1991:319, punt 26); Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 20); Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 26); Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punti 2930); Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punti 2122); Frahuil (C‑265/02, EU:C:2004:77, punt 20); Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punti 30 u 31); Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 42 sa 44); Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 39); Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 3233); Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 33 u 34), u flyLAL‑Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 26 u 30).

( 21 )   Sentenzi Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 31); Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 23); Frahuil (C‑265/02, EU:C:2004:77, punt 20); Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 34); Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 35), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:231, punt 41).

( 22 )   C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 30.

( 23 )   C‑265/02, EU:C:2004:77, punt 21.

( 24 )   C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 28, 2937.

( 25 )   C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 37 sa 40.

( 26 )   C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 3536. Ara wkoll is-sentenzi Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 22); Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punti 31 sa 37), u Préservatrice foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punti 30 sa 36).

( 27 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:231, punt 46): “[h]uwa biss meta l-pretensjoni invokata jkollha l-oriġini tagħha fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi li s-suġġett tat-tilwima ma jkunx jikkonċerna materja ċivili u kummerċjali. Madankollu, mhux kull konnessjoni mal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi hija suffiċjenti f’dan ir-rigward. Dak li huwa importanti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li l-att materjali li jagħti lok għall-pretensjoni, ikun l-espressjoni tal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi”.

( 28 )   C‑292/05, EU:C:2007:102, punti 3738. Ara, ukoll, is-sentenza LTU (29/76, EU:C:1976:137, punt 4).

( 29 )   C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 45.

( 30 )   Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 )   L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrigwarda l-ġurisdizzjoni ġenerali fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieg.

( 32 )   Għal iktar faċilità, minn issa ’l quddiem ser isir riferiment għal talba għal divorzju, jew għal proċedura ta’ divorzju, fejn dawn l-espressjonijiet għandhom jinftehmu bħala talba għal divorzju, għal separazzjoni legali jew għal annullament taż-żwieġ, jew bħala proċedura ta’ divorzju, ta’ separazzjoni legali jew ta’ annullament taż-żwieġ.

( 33 )   F’dan ir-rigward, ara Gallant, E., “Règlement Bruxelles II bis (matières matrimoniales et responsabilité parentale)”, paragrafu 138, f’Répertoire Dalloz de droit international; Corneloup, S., “Les règles de compétence relatives à la responsabilité parentale”, paragrafi 8 u 11, f’Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, 2005, u Joubert, N., “Autorité parentale – Conflits de juridictions”, paragrafu 31, Jurisclasseur Droit international, faxxikolu 549‑20.

( 34 )   Sentenza Abcur (C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 33).

( 35 )   Nippreċiża li l-fakultà tal-partijiet li jressqu talba quddiem il-qrati tal-Istat Membru li miegħu l-minuri għandu rabta stretta la kienet teżisti fir-Regolament Nru 1347/2000 u lanqas fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996: din ġiet introdotta permezz tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 36 )   C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 45.

( 37 )   Qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt fis-sentenza L, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, il-kwistjoni dwar jekk l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 hijiex applikabbli fin-nuqqas ta’ proċedura pendenti quddiem il-qorti inkwistjoni kienet fil-mira ta’ bosta dibattiti. Ara, f’dan ir-rigward, Gallant, E., Responsabilité parentale et protection des enfants en droit international privé, Defrénois, 2004, paragrafu 226. Ara wkoll Corneloup, S., “Les règles de compétence relatives à la responsabilité parentale», nota ta’ qiegħ il-paġna 39, f’Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, 2005.

( 38 )   Ara, f’dan ir-rigward, Gallant, E., Responsabilité parentale et protection des enfants en droit international privé, Defrénois, 2004, paragrafu 227.

( 39 )   Proposta ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ manteniment, Espożizzjoni tal-motivi [COM 2002 (222) finali/2].

( 40 )   Iktar u iktar meta huwa rari fid-dritt internazzjonali privat tal-familja li jkun hemm mekkaniżmu li jiddependi fuq ir-rieda tal-partijiet. Ara f’dan ir-rigward, Pataut, É., “Article 12”, paragrafu 45, f’European Commentaries on Private International Law – Brussels II Regulation, bl-edizzjoni ta’ Magnus, U., u Mankowski, P., Sellier European Law Publishers, 2012.

( 41 )   Insostenn tal-interpretazzjoni stretta, ara s-sentenza E (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt48): “l-imsemmi Artikolu 12(3) huwa intiż li jippermetti li d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jressqu kawża, bi qbil bejniethom u taħt ċerti kundizzjonijiet oħra, quddiem qorti fir-rigward ta’ suġġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri li għall-evalwazzjoni tagħhom din il-qorti, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni, ma jistax jiġi preżunt li tali ftehim jibqa’ validu, fil-każijiet kollha, lil hinn mit-tmiem tal-proċedura mibdija u f’dak li jikkonċerna suġġetti oħra li jistgħu jitfaċċaw iktar ’il quddiem”.

( 42 )   Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jippreċiża li “r-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija [viċinanza]”. Ara wkoll l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi l-possibbiltà, għall-qrati ta’ Stat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni abbażi ta’ dan ir-regolament, li jirrinunzjaw għall-ġurisdizzjoni tagħhom favur qorti ta’ Stat Membru li miegħu l-minuri għandu “konnessjoni partikolari”, “u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri”. Ara fl-aħħar nett is-sentenza L, (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 49); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża A (C‑184/14, EU:C:2015:244, nota ta’ qiegħ il-paġna 13).

( 43 )   Ara s-sentenza E, (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 47): “meta quddiem qorti titressaq kawża skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, l-aqwa interess tal-wild jista’ jiġi mħares biss permezz ta’ eżami, f’kull każ partikolari, tal-kwistjoni ta’ jekk l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni mfittxa hijiex konformi ma dan l-aqwa interess”.

( 44 )   Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza G (C‑292/10, EU:C:2012:142, punti 53 sa 55).

( 46 )   Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Hendrikman u Feyen (C‑78/95, EU:C:1996:380, punt 18: “konvenut li jinjora l-proċedura li nfetħet kontrih u li għalih jidher, quddiem il-qorti tal-oriġini, avukat mhux imqabbad minnu, isib ruħu f’impossibbiltà assoluta li jiddefendi ruħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 47 )   Ara s-sentenza A (C‑112/13, EU:C:2014:2195), li għaliha ser nirreferi iktar ’il quddiem, b’mod partikolari l-punt 55 tagħha: “konvenut assenti li ma jkunx jaf bir-rikors ippreżentat kontrih kif ukoll bil-ħatra ta’ kuratur għall-konvenut assenti, ma jistax jagħti lil dan il-kuratur l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi evalwata l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita u sabiex tippermettilu jikkontesta effettivament din il-ġurisdizzjoni jew li jaċċettaha b’konjizzjoni tal-kawża”.

( 48 )   C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 61.

( 49 )   Ibidem, punt 54, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-“proroga taċita tal-ġurisdizzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq għażla deliberata tal-partijiet fil-kawża marbuta ma’ din il-ġurisdizzjoni”. Huwa minnu li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 hija msejsa fuq l-għażla tal-partijiet, filwaqt li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma hijiex imsejsa biss fuq l-għażla tal-partijiet, iżda wkoll fuq ir-rabta stretta tal-minuri mal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jiġu magħżula.

( 50 )   Ibidem (punt 58).

( 51 )   Sentenza A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 60): “il-possibbiltà ta’ rimedju abbażi tal-[punt 2 tal-]Artikolu 34[...] [tar]-regolament [Nru 44/2001] tippresupponi madankollu […] il-kontumaċja tal-konvenut u li l-atti ta’ proċedura magħmula mit-tutur jew mill-kuratur għall-konvenut assenti ma humiex ekwivalenti għad-dehra ta’ dan tal-aħħar skont l-istess regolament. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-atti ta’ proċedura meħuda mill-kuratur għall-konvenut assenti skont [id-dritt nazzjonali] għandhom bħala effett li A jiġi kkunsidrat bħala li deher quddiem il-qorti adita skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali”. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża A (C‑112/13, EU:C:2014:207, punt 50): “[i]l-konvenut, jiġifieri A, ma jkunx jista’ jikkontesta iktar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi jekk wieħed iqis li l-kuratur għall-konvenut assenti jkun deher fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001”.

( 52 )   Ara s-sentenza Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 56).

( 53 )   C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 48 sa 55.

( 54 )   C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 60.