DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Libertà ta’ stabbiliment — Saħħa pubblika — Artikolu 49 TFUE — Spiżeriji — Provvista xierqa ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni — Awtorizzazzjoni għall-operat — Tqassim territorjali tal-ispiżeriji — Limiti stabbiliti essenzjalment abbażi ta’ kriterju demografiku”

Fil-Kawża C‑634/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Susanne Sokoll-Seebacher,

Manfred Naderhirn,

fil-preżenza ta’:

Agnes Hemetsberger,

Mag. Jungwirth und Mag. Fabian OHG et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa minn Susanne Sokoll-Seebacher u Manfred Naderhirn fuq is-suġġett, rispettivament, ta’ ftuħ ta’ spiżerija ġdida u tal-estensjoni taż-żona ta’ operazzjoni ta’ spiżerija eżistenti.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 10 tal-Apothekengesetz (liġi dwar l-ispiżeriji), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ApG”), jiddisponi:

“1.   L-awtorizzazzjoni li tiġi stabbilita spiżerija tingħata meta:

1)

tabib huwa diġà stabbilit b’mod permanenti fil-muniċipalità tal-istabbiliment tal-ispiżerija u meta

2)

jeżisti bżonn għall-istabbiliment ta’ spiżerija ġdida.

2.   Tali bżonn ma jeżistix meta:

1)

fid-data li fiha titressaq it-talba, tkun diġà teżisti, fit-territorju tal-muniċipalità tal-post intiż għall-operat tal-ispiżerija, spiżerija bi klinika u meta inqas minn żewġ pożizzjonijiet ta’ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa […] (full time) huma okkupati minn tobba tal-familja, jew meta

2)

id-distanza bejn il-post intiż għall-operat tal-ispiżerija l-ġdida li għandha tiġi stabbilita u l-post minn fejn topera l-ispiżerija eżistenti li tinsab l-iktar viċin hija inqas minn 500 metru jew meta,

3)

bħala konsegwenza ta’ dan l-istabbiliment, in-numru ta’ persuni li għandhom dejjem jiġu fornuti minn wieħed mill-postijiet fejn topera l-ispiżerija eżistenti fl-inħawi jonqos għal inqas minn 5500.

3.   Lanqas ma jeżisti bżonn, fis-sens tal-punt 1 tal-paragrafu 2 iktar 'il fuq, meta fid-data li fiha titressaq it-talba, tkun teżisti, fit-territorju tal-Komun tal-post intiż għall-operat tal-ispiżerija,

1)

spiżerija bi klinika u

2)

klinika assoċjata li taħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa […]

[...]

4.   Il-persuni li għandhom jiġu fornuti, fis-sens tal-punt 3 tal-paragrafu 2 iktar 'il fuq, huma r-residenti li jirrisjedu b’mod permanenti f’perimetru ta’ inqas minn 4 kilometri, bit-triq, mill-post fejn topera l-ispiżerija eżistenti u li, minħabba ċ-ċirkustanzi lokali, ikollhom dejjem jiġu fornuti minn din tal-aħħar.

5.   Meta n-numru ta’ residenti permanenti, kif iddefiniti fil-paragrafu 4 iktar 'il fuq, ikun inqas minn 5500, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, meta ssir il-verifika tal-eżistenza ta’ bżonn, il-persuni li għandhom jiġu fornuti minħabba l-fatt li jaħdmu, jużaw servizzi jew mezzi ta’ trasport f’din iż-żona.

6.   Id-distanza msemmija fil-punt 2 tal-paragrafu 2 iktar 'il fuq tista’ eċċezzjonalment ma tiġix osservata fil-każ li ċirkustanzi partikolari lokali jirrikjedu dan b’mod insistenti fl-interess ta’ provvista tajba għall-popolazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

7.   L-ordni Awstrijaka tal-ispiżjara għandha twettaq perizja dwar il-kwistjoni ta’ bżonn għall-istabbiliment ta’ spiżerija ġdida. [...]

[...]”

4

L-Artikolu 46(5) tal-ApG jipprovdi:

“Fil-każ ta’ talba għal estensjoni taż-żona stabbilita waqt l-għoti tal-liċenzja biex joperaw spiżerija skond l-Artikolu 9(2), jew talba għal determinazzjoni taż-żona a posteriori, fejn dan ma jkunx ġie ffissat meta jagħtu l-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 9(2), għandha tiġi implementata l-proċedura prevista għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet.”

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

5

It-tilwimiet fil-kawża prinċipali, quddiem il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), diġà rriżultaw f’deċiżjonijiet preliminari, jiġifieri s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), u d-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015, Naderhirn (C‑581/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:707).

6

S. Sokoll-Seebacher ikkontestat quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (awla amministrattiva indipendenti tal-Land ta’ Oberösterreich, l-Awstrija) id-deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 2011 li biha l-awtorità amministrattiva kompetenti ċaħdet it-talba tagħha li toħloq spiżerija fuq it-territorju tal-Komun ta’ Pinsdorf (l-Awstrija).

7

Bl-istess mod, M. Naderhirn applika mingħajr suċċess mal-awtorità amministrattiva kompetenti għal estensjoni taż-żona ta’ operazzjoni tal-ispiżerija tiegħu li tinsab fit-territorju tal-Komun ta’ Leonding (l-Awstrija), għan li huwa issa qed isegwi quddiem il-qorti tar-rinviju.

8

Sabiex jadottaw dawn id-deċiżjonijiet, dawn l-awtoritajiet amministrattivi bbażaw ruħhom fuq il-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG.

9

Fil-kuntest tal-kawża dwar S. Sokoll-Seebacher, l-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (awla amministrattiva indipendenti għall-Land ta’ Oberösterreich) issospendiet il-proċeduri quddiemha u staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 10(2), tal-ApG, mal-Artikolu 49 TFUE.

10

Wara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), issa kompetenti sabiex tkompli ssegwi l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont ir-riforma tal-qrati amministrattivi Awstrijaċi, tat lil S. Sokoll-Seebacher l-awtorizzazzjoni li toħloq spiżerija fuq il-Komun ta’ Pinsdorf permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Frar 2014. Bl-istess mod, permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Mejju 2014, din il-qorti laqgħet it-talba għal estensjoni taż-żona ta’ operazzjoni tal-ispiżerija ta’ M. Naderhirn.

11

Madankollu, Agnes Hemetsberger, bħala proprjetarja ta’ spiżerija fil-qrib ta’ dik li għaliha S. Sokoll-Seebacher kienet talbet l-awtorizzazzjoni tagħha fil-kawża prinċipali, kif ukoll spiżjara fil-qrib tal-ispiżerija ta’ M. Naderhirn, ressqu rikorsi għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) kontra s-sentenzi tal-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), imsemmija fil-punt preċedenti.

12

Permezz ta’ sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2014 u tat-30 ta’ Settembru 2015, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), laqgħet ir-rikorsi għar-reviżjoni diretti kontra l-imsemmija sentenzi tal-Verwaltungsgericht des Landes Oberösterreich (qorti amministrattiva tal-Land ta’ Oberösterreich), billi invokat l-illegalità tal-kontenut tagħhom.

13

B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2015, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) qieset li s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), għandha tiġi interpretata fis-sens li għandhax tiġi evitata l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG u tingħata l-awtorizzazzjoni sabiex tinħoloq spiżerija ġdida, mingħajr ma wieħed iqis l-eventwali tnaqqis tal-klijentela potenzjali tal-ispiżeriji ġirien għal taħt il-limitu ta’ 5500 sabiex jiġu fornuti, biss jekk tkun meħtieġa spiżerija ġdida sabiex tiġi żgurata għall-popolazzjoni li tgħix f’ċerti żoni rurali u remoti aċċessibbiltà raġonevoli għal punt ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali. Madankollu, jekk l-għoti tal-awtorizzazzjoni mitluba ma hijiex meħtieġa għal dawn ir-raġunijiet biss fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG jibqa’ applikabbli.

14

Peress li l-kawżi prinċipali ntbagħtu lura lil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija),, din il-qorti sabitha bi tqila li timxi fuq l-interpretazzjoni magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), fil-kuntest tal-kawża dwar M. Naderhirn, adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun taf, b’mod partikolari, jekk l-eżistenza ta’ regoli ta’ dritt intern jipprevedu li qorti nazzjonali hija marbuta għalkollox mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali oħra u kompatibbli mal-Artikolu 267 TFUE u mal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

15

Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015, Naderhirn (C‑581/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:707), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għal din id-domanda.

16

Billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx l-elementi fil-mertu kollha meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich, l-Awstrija) ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari u stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-ġurisprudenza tagħha stess fuq l-Artikolu 49 TFUE.

17

Kien fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Oberösterreich) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fir-rigward tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fid-dispożittiv (u fil-punt 51) tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), skont liema l-Artikolu 49 TFUE jipprojbixxi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG li jistabbilixxi, bħala kriterju essenzjali sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, limitu riġidu (konkretement: 5500) tan-numru ta’ persuni li jridu jiġu fornuti, l-Artikolu 49 TFUE, b’mod partikolari r-rekwiżit tal-koerenza fis-segwiment tal-għan mfittex,

a)

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jiġi stabbilit limitu, li ma għandux biss valur indikattiv imma wkoll preċiż (jiġifieri, ikkwantifikat u li ma jistax għalhekk isir iktar flessibbli permezz ta’ interpretazzjoni), jagħmel din il-leġiżlazzjoni globalment inkoerenti u għalhekk tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx, fil-prinċipju, il-possibbiltà li jidderogaw minn dak il-limitu biex jirriflettu karatteristiċi lokali [partikolarment il-kriterji stabbiliti fil-punt 24 tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68) għall-implimentazzjoni koerenti u sistematika tal-għan imfittex li jrid jiġi sodisfatt f’kull każ b’mod kumulattiv], tat-tip li ma hemmx bżonn li jiġi applikat, fuq livell nazzjonali, dan il-kriterju bbażat fuq il-verifika tal-eżistenza ta’ ħtieġa li l-leġiżlatur nazzjonali jissostiwixxiha b’leġiżlazzjoni eħfef, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni (analogu, per eżempju, għall-Artikolu 10(6) tal-ApG dwar il-limitu ta’ 500 metru stabbilit mill-punt 2 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG)?

jew

b)

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar mill-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG, ta’ limitu li ma huwiex biss ta’ valur indikattiv, iżda huwa wkoll preċiż (jiġifieri, kkwantifikat u li ma jistax għalhekk isir iktar flessibbli permezz ta’ interpretazzjoni) ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni sal-punt li din tal-aħħar huwa applikabbli f’każ partikolari għal sitwazzjoni li hemm tassew ħtieġa li tinħoloq spiżerija minħabba l-kundizzjonijiet lokali jew evidenza fattwali oħra, inkella ma jiġix żgurat l-aċċess xieraq għal prodotti mediċinali [ara l-punt 45, moqri flimkien mal-punt 50 tas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68)] għal ċerti persuni (b’mod partikolari għal “viżitaturi”, nies ġodda eċċ), anki jekk dan ser jonqos fil-futur il-provvista potenzjali ta’ waħda jew iktar spiżeriji li jeżistu taħt il-limitu ta’ 5500 ruħ, tat-tip li mhux meħtieġ li japplika dan il-kriterju bbażat fuq il-verifika tal-eżistenza ta’ ħtieġa biss f’dawn il-każijiet, kemm jekk żona rurali, urbana jew inkella, sakemm il-leġiżlatur nazzjonali jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida ta’ kjarifika?

jew

c)

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar mill-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-ApG, ta’ limitu li ma huwiex biss ta’ valur indikattiv, iżda huwa wkoll preċiż (jiġifieri, kkwantifikat u li ma jistax għalhekk isir iktar flessibbli permezz ta’ interpretazzjoni) ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, sal-punt li dan huwa applikabbli f’każ partikolari f’sitwazzjoni ta’ żona rurali u iżolata, anki jekk dan ser jnaqqas fil-futur il-provvista potenzjali ta’ waħda jew iktar spiżeriji eżistenti taħt il-limitu ta’ 5500 ruħ, tat-tip li ma jkunx applikat il-kriterju ibbażat fuq il-verifika tal-eżistenza ta’ ħtieġa biss f’dawn il-każijiet għandha effetti fuq il-populazzjoni li tgħix f’reġjun rurali, u/jew iżolat inkella, sakemm il-leġiżlatur nazzjonali jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida ta’ kjarifika?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), għandha tinqara fis-sens li l-kriterju ta’ limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni li għandhom jiġu fornuti”, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ma għandux japplika, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, biss f’sitwazzjoni speċifika fir-rigward ta’ żona rurali u/jew iżolata, jew f’sitwazzjoni speċifika fejn, fir-rigward taċ-ċirkustanzi lokali, hemm il-ħtieġa li tinħoloq spiżerija, irrispettivament min-natura rurali jew żona urbana kkonċernata, jew alternattivament, b’mod ġenerali, f’kull sitwazzjoni speċifika li tiġi vverifikata.

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-awtorità li għandha sentenza mogħtija fi proċedura għal deċiżjoni preliminari ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali li lilha tkun indirizzata din is-sentenza milli tqis neċessarju li terġa’ tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma taqta’ t-tilwima fil-kawża prinċipali. Tali rinviju jista’ jkun ġustifikat meta l-qorti nazzjonali tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fir-rigward tal-komprensjoni jew ta’ l-applikazzjoni tas-sentenza, meta hija tagħmel domanda ġdida dwar punt ta’ dritt jew inkella meta hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ evalwazzjoni ġodda li jistgħu jwassluha sabiex tagħti risposta differenti għal domanda li tkun diġà saret (digriet tal-5 ta’ Marzu 1986, Wünsche,69/85, EU:C:1986:104, punt 15; sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1987, X,14/86, EU:C:1987:275, punt 12, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba,C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 39).

20

Dan huwa l-każ hawnhekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk jirriżultax mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68), li l-applikazzjoni tal-kriterju relattiv għal limitu riġidu fuq in-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” għandu jiġi miċħud fi kwalunkwe każ jew biss f’każijiet relatati ma ċerti żoni jew sitwazzjonijiet speċifiċi.

21

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli jew meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22

Issa, dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk, peress li r-risposta għad-domanda tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68).

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex tinħoloq spiżerija ġdida għall-eżistenza ta’ “ħtieġa” li hija meqjusa li teżisti sakemm mill-inqas waħda miċ-ċirkustanzi konkreti differenti speċifikati f’dik il-leġiżlazzjoni tkun kuntrarju (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher,C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 28).

24

Fost dawn iċ-ċirkustanzi jinsabu l-għadd ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” mill-post ta’ operazzjoni ta’ waħda mill-ispiżeriji eżistenti fil-madwar, jiġifieri n-numru ta’ residenti permanenti li jgħixu f’żona ta’ inqas minn 4 kilometri, bit-triq, minn dan il-post ta’operazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher,C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 43).

25

Għalhekk, skont din il-leġiżlazzjoni, l-eżistenza ta’ ħtieġa li tiġġustifika l-ħolqien ta’ spiżerija ġdida hija eskluża meta, bil-konsegwenza tal-ħolqien ta’ din l-ispiżerija l-ġdida, in-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti”jonqos u jsir inqas minn 5500 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punti 29 u 43).

26

Madankollu, din il-leġiżlazzjoni tipprovdi għal miżura ta’ aġġustament li, meta n-numru ta’ residenti permanenti huwa inqas minn 5500, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tkun ivverifikata l-eżistenza ta’ ħtieġa, tal-persuni li jridu jiġu fornuti minħabba l-fatt li huma jaħdmu, li huma jużaw is-servizzi jew jistgħu jużaw mezzi ta’ trasport fiż-żona ta’ provvista tal-ispiżerija (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 43).

27

Sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali indikazzjonijiet utli, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk din tirrispondi verament li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55; tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 42, kif ukoll tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 94).

28

Issa, f’dan ir-rigward, fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-SeebacherC‑367/12, EU:C:2014:68, punti 45 u 46), il-Qorti tal-Ġustizzja minn naħa waħda, tqis li, skont il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ xi persuni, b’mod partikolari dawk residenti f’reġjuni rurali, a fortiori meta dawn huma, b’mod temporanju jew fit-tul, b’mobbiltà ridotta, bħalma huma l-persuni anzjani, ħandikappati jew morda, l-aċċess għall-prodotti mediċinali jista’ ma tantx ikun xieraq.

29

Fil-fatt, jeżistu persuni li jirrisjedu lil hinn mill-perimetru ta’ inqas minn 4 kilometri, bit-triq, mill-post fejn topera l-ispiżerija li tinsab l-iktar viċin u li għalhekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, bħala residenti permanenti, la fiż-żona minn fejn jixtru l-provvisti tagħhom u lanqas fi kwalunkwe żona oħra eżistenti. Ċertament, dawn il-persuni jistgħu l-iktar jittieħdu inkunsiderazzjonu bħala “viżitaturi”. Madankollu, l-aċċess tagħhom għas-servizzi farmaċewtiċi jiddependi, fi kwalunkwe każ, fuq ċirkustanzi li ma jiżgurawlhomx, fil-prinċipju, aċċess permanenti u kontinwu għal dawn is-servizzi, peress li dan l-aċċess ikun relatat max-xogħol imwettaq jew mal-użu ta’ mezzi ta’ trasport f’żona partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher,C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 45).

30

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, fiż-żoni rurali, remoti u ftit li xejn frekwentati, , in-numru ta’ persuni sabiex jiġu fornuti huwa, minħabba d-densità demografika fqira, jista’ jkun faċilment inqas minn 5500, tat-tip li l-ħtieġa li tiġġustifika l-ħolqien ta’ spiżerija ġdida qatt ma tista’ titqies bħala suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher,C‑367/12, EU:C:2014:68, punti 47 sa 49).

31

Minn dan isegwi li, minkejja l-miżura ta’ aġġustament prevista fil-leġislazzjoni nazzjonali, teżisti, fl-applikazzjoni tal-kriterju dwar in-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” riskju li ma jiġix żgurat aċċess ugwali u adegwat għas-servizzi farmaċewtiċi għal ċerti persuni li jgħixu f’żoni b’ċerti karatteristiċi lokali, bħaż-żoni rurali u remoti li jinsabu 'il barra miż-żoni ta’ provvista ta’ spiżeriji eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni b’mobbiltà ridotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher,C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 50).

32

Madankollu, meta rreferiet għal reġjuni rurali u iżolati, kif ukoll għal persuni b’mobbiltà ridotta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tillimita l-portata tal-evalwazzjoni tagħha tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal dan it-tip ta’ reġjuni kif ukoll għal din il-kategorija ta’ persuni.

33

Fil-fatt, minħabba l-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” li hija tiffissa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix lill-awtorità kompetenti li tieħu kont dovut tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull sitwazzjoni eżaminata u li tiżgura għalhekk it-twettiq koerenti u sistematiku tal-għan prinċipali segwit minn din il-leġiżlazzjoni, li huwa, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68), li tiżgura provvista ta’ prodotti mediċinali affidabbli u ta’ kwalità għall-popolazzjoni.

34

Huwa f’din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa, bħala kriterju essenzjali sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti”, hija kontra l-Artikolu 49 TFUE, b’mod partikolari għall-kriterju ta’ koerenza fl-insegwiment tal-għan imfittex, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx il-possibbiltà li jidderogaw minn dan il-limitu sabiex tieħu kont taċ-ċirkustanzi partikolari lokali, jiġifieri finalment ċirkustanzi partikolari tas-sitwazzjonijiet konkreti differenti, li kull waħda minnhom għandha tiġi vverifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 50).

35

Minn dan isegwi li l-inkoerenza relatata mal-applikazzjoni tal-kriterju relattiv għal-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti” għandha karattru sistematiku. Għalhekk, ir-riskji li tali applikazzjoni tiġġenera jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe sitwazzjoni partikolari.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, (C‑367/12, EU:C:2014:68), għandha tinqara fis-sens li l-kriterju relatat mal-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti”, stabbilita mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jiġi applikat, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, b’mod ġenerali, f’kull sitwazzjoni konkreta li ser tkun is-suġġett ta’ verifika.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, (C‑367/12, EU:C:2014:68), għandha tinqara fis-sens li l-kriterju relatat mal-limitu riġidu tan-numru ta’ “persuni sabiex jiġu fornuti”, stabbilita mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jiġi applikat, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ħtieġa għall-ħolqien ta’ spiżerija ġdida, b’mod ġenerali, f’kull sitwazzjoni konkreta li ser tkun is-suġġett ta’ verifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.