DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

14 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Artikolu 1(1) — Artikolu 2(b) — Kwalità ta’ konsumatur — Trasferiment ta’ dejn permezz ta’ novazzjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu — Kuntratt ta’ garanzija immobiljari konkluż minn individwi li ma għandhom ebda relazzjoni professjonali mal-kumpannija kummerċjali l-ġdida debitriċi”

Fil-Kawża C‑534/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Satu Mare (qorti tal-ewwel istanza ta’ Satu Mare, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Pavel Dumitraș,

Mioara Dumitraș

vs

BRD Groupe Société Générale – Sucursala Judeţeană Satu Mare,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Dumitraș u M. Dumitraş, minnhom infushom,

għall-Gvern Rumen, minn R. Radu kif ukoll minn A. Wellman u L. Liţu, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tittieħed deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pavel Dumitraş u Mioara Dumitraş, minn naħa, u BRD Groupe Société Générale – Sucursala Judeţeană Satu Mare (fergħa dipartimentali ta’ Satu Mare) (iktar ’il quddiem “BRD Groupe Société Générale”), min-naħa l-oħra, dwar tliet kuntratti ta’ kreditu u kuntratt ta’ garanzija immobiljari.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tipprevedi:

“Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ jew fornitur” kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(ċ)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

Id-dritt Rumen

Il-Liġi Nru 193/2000

7

Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Rumen permezz tal-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între comercianţi şi consumatori (Liġi Nru 193/2000 dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn il-kummerċjanti u l-konsumaturi), tal-10 ta’ Novembru 2000, fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 305, tat-18 ta’ April 2008).

8

Skont l-Artikolu 1(1) sa (3) tal-Liġi Nru 193/2000:

“(1)   Kull kuntratt konkluż bejn kummerċant u konsumatur għall-bejgħ ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi għandu jkollu klawżoli kuntrattwali ċari, mhux ekwivoċi u li ma jeħtiġux għarfien speċifiku sabiex jinftiehmu.

(2)   Fil-każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali, dawn tal-aħħar għandhom jiġi interpretati favur il-konsumatur.

(3)   Il-kummerċjanti huma pprojbiti milli jinkludu klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.”

9

L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Liġi Nru 193/2000 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “kummerċant” kif ġej:

“(1)   ‘Konsumatur’ tfisser kull persuna fiżika jew kull grupp ta’ persuni fiżiċi li jiffurmaw assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, taġixxi għal finijiet separati mill-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, artiġjanali jew professjonali tagħha.

(2)   ‘Kummerċant’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, taġixxi fil-kuntest tal-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, artiġjanali jew professjonali tagħha, kif ukoll kull persuna li taġixxi f’dan l-istess kuntest f’isem jew bħala rappreżentant ta’ din l-ewwel persuna.”

Il-kodiċi ċivili

10

L-Artikolu 1128 tal-kodiċi ċivili jipprevedi:

“In-novazzjoni ssir bi tliet modi:

1.

meta d-debitur jagħmel dejn ġdid mal-kreditur tiegħu li jissostitwixxi d-dejn oriġinali, liema dejn jiġi estint;

2.

meta debitur ġdid jissostitwixxi lil dak oriġinali li jinħeles, fir-rigward tal-obbligi tiegħu, mill-kreditur;

3.

meta, permezz ta’ ftehim ġdid, kreditur ġdid jissostitwixxi lil dak oriġinali, li fir-rigward tiegħu d-debitur jinħeles mill-obbligi tiegħu.”

11

Skont l-Artikolu 1132 tal-kodiċi ċivili:

“Id-delega li permezz tagħha debitur jassenja lill-kreditur debitur ieħor li jobbliga ruħu fir-rigward tal-kreditur ma tinvolvix novazzjoni jekk il-kreditur ma jkunx espressament iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jeħles lid-debitur tiegħu li jkun għamel id-delega mill-obbligi tiegħu.”

12

L-Artikolu 1135 tal-kodiċi ċivili jipprovdi:

“Meta n-novazzjoni ssir permezz tas-sostituzzjoni ta’ debitur ġdid, il-privileġġi u l-ipoteki oriġinali tad-dejn ma jistgħu bl-ebda mod jiġu ttrasferiti fuq il-beni tad-debitur il-ġdid.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2008, BRD Groupe Société Générale, fil-kwalità ta’ persuna li ssellef, u SC Lanca SRL, fil-kwalità ta’ persuna li tissellef, ikkonkludew tliet kuntratti ta’ self.

14

P. Dumitraş, amministratur u soċju uniku ta’ Lanca, u M. Dumitraş iffirmaw att ipotekarju favur BRD Groupe Société Générale bħala garanzija għall-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti.

15

Fit-30 ta’ Lulju 2009, BRD Groupe Société Générale, fil-kwalità ta’ persuna li ssellef, u SC Lanca Construcţii SRL, fil-kwalità ta’ persuna li tissellef, kif ukoll Lanca, fil-kwalità ta’ kodebitriċi, ikkonkludew tliet kuntratti ta’ kreditu, bin-numri 54/30. 07. 2009, 55/30. 07. 2009 u 56/30. 07. 2009, li jiffinanzjaw mill-ġdid u jiskedaw mill-ġdid it-tliet kuntratti ta’ self preċedentement konklużi bejn BRD Groupe Société Générale u Lanca

16

Fl-istess data, permezz ta’ att notarili awtentikat bin-numru 1017 u bit-titolu “Kuntratt ta’ bejgħ permezz ta’ novazzjoni soġġettiva – delega perfetta”, Lanca, kumpannija li tagħti d-delega, ittrasferiet lil Lanca Construcţii, kumpannija delegata, fil-kwalità ta’ debitriċi tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ kreditu inizjalment konklużi ma’ BRD Groupe Société Générale, lil din l-istess BRD Groupe Société Générale, bil-kunsens ta’ din tal-aħħar, fil-kwalità ta’ kumpannija delegatarja

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll, l-ewwel nett, li la P. Dumitraş u lanqas M. Dumitraş ma għandhom il-kwalità ta’ amministraturi ta’ Lanca Construcţii, it-tieni nett, li huma impenjaw ruħhom jiggarantixxu, fil-kwalità ta’ garanti ipotekarji, l-obbligu ta’ din tal-aħħar sussegwentement għan-novazzjoni, it-tielet nett, li għal dan il-għan huma ffirmaw, f’isimhom stess, fil-kwalità ta’ garanti ipotekarji t-tliet kuntratti ta’ kreditu tat-30 ta’ Lulju 2009 u, ir-raba’ nett, li Lanca ma għandhiex iktar ebda obbligu fir-rigward ta’ BRD Groupe Société Générale fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu inizjalment konklużi.

18

Fis-6 ta’ Diċembru 2013, P. u M. Dumitraş ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikors kontra BRD Groupe Société Générale sabiex tiġi kkonstatata n-nullità assoluta ta’ xi wħud mill-klawżoli tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi fit-30 ta’ Lulju 2009, li jipprevedu l-ġbir ta’ kummissjonijiet, minħabba li dawn il-klawżoli kienu inġusti.

19

Matul il-proċeduri fil-kawża prinċipali, BRD Groupe Société Générale qajmet, b’mod partikolari, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li, peress li P. u M. Dumitraş ma kinux aġixxew għal finijiet separati mill-attività kummerċjali tagħhom, huma ma setgħux jinvokaw il-kwalità ta’ konsumaturi skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 193/2000.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Judecătoria Satu Mare (qorti tal-ewwel istanza ta’ Satu Mare, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

F’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/143/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi jew, għall-kuntrarju, fis-sens li dan jeskludi minn din id-definizzjoni l-persuni fiżiċi li, bħala garanti, iffirmaw atti addizzjonali u kuntratti anċillari (kuntratti ta’ garanzija jew ta’ garanzija immobiljari) għall-kuntratt ta’ kreditu konkluż minn kumpannija kummerċjali għall-eżerċizzju tal-attività tagħha, fil-kundizzjonijiet fejn dawn il-persuni fiżiċi ma għandhom ebda rabta mal-attività tal-imsemmija kumpannija kummerċjali u aġixxew b’għan li ma huwiex relatat mal-attività professjonali tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti inizjalment kienu persuni fiżiċi garanti ta’ kuntratt ta’ self konkluż mal-konvenuta kreditriċi, flimkien mad-debitriċi prinċipali, li hija persuna ġuridika, li l-amministratur tagħha kien ir-rikorrent, iżda li l-kuntratt inkwistjoni ġie emendat sussegwentement, u li l-ex debitriċi li tagħha r-rikorrent kien l-amministratur ittrasferixxiet id-dejn permezz ta’ novazzjoni, bil-qbil tal-konvenuta kreditriċi, lil persuna ġuridika oħra, li tagħha la r-rikorrent u lanqas ir-rikorrenti ma huma amministraturi, iżda li dawn tal-aħħar impenjaw ruħhom għall-benefiċċċju tad-debitriċi l-ġdida, li hija persuna ġuridika, bħala garanti tal-obbligu ttrasferit permezz ta’ novazzjoni lil din id-debitriċi l-ġdida?

2)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-kuntratti konklużi bejn negozjanti [kummerċjanti] u konsumaturi li għandhom bħala għan il-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jew tabilħaqq fis-sens li l-kuntratti anċillari (kuntratti ta’ garanzija) għal kuntratt ta’ kreditu li l-benefiċjarju tagħhom hija kumpannija kummerċjali, konklużi mill-persuni fiżiċi li ma għandhom ebda rabta mal-attività tal-imsemmija kumpannija kummerċjali u li aġixxew b’għan li ma huwiex relatat mal-attività professjonali tagħhom, jaqgħu ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti inizjalment kienu persuni fiżiċi garanti ta’ kuntratt ta’ self konkluż mal-konvenuta kreditriċi, flimkien mad-debitriċi prinċipali, li hija persuna ġuridika, li l-amministratur tagħha kien ir-rikorrent, iżda li l-kuntratt inkwistjoni ġie emendat sussegwentement, u li l-ex debitriċi li tagħha r-rikorrent kien l-amministratur ittrasferixxiet id-dejn permezz ta’ novazzjoni, bil-qbil tal-konvenuta debitriċi, lil persuna ġuridika oħra, li tagħha la r-rikorrent u lanqas ir-rikorrenti ma huma amministraturi, iżda li dawn tal-aħħar impenjaw ruħhom għall-benefiċċċju tad-debitriċi l-ġdida, li hija persuna ġuridika, bħala garanti tal-obbligu ttrasferit permezz ta’ novazzjoni lil din id-debitriċi l-ġdida?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

23

Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpetati fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari konkluż bejn persuni fiżiċi u stabbiliment ta’ kreditu, bħal BRD Groupe Société Générale, sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali, bħal SC Lanca Construcţii, tkun assumiet fir-rigward ta’ dan l-istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta dawn il-persuni fiżiċi ma għandhom ebda rabta ta’ natura professjonali ma’ din il-kumpannija, iżda huma kienu l-garanti ipotekarji ta’ tliet kuntratti ta’ self preċedentement konklużi bejn dan l-istabbiliment ta’ kreditu u kumpannija kummerċjali oħra, bħal Lanca, u waħda minnhom kienet l-amministrattriċi u l-uniku soċju ta’ din l-aħħar kumpannija, li, permezz ta’ novazzjoni, ittrasferixxiet l-obbligi tagħha lill-kumpannija kummerċjali debitriċi l-ġdida, Lanca Construcţii

24

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-risposta għal dawn id-domandi tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mid-digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău (C‑74/15, EU:C:2015:772).

25

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, din id-direttiva tapplika għall-klawżoli tal-“kuntratti [...] konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi” li “ma [j]kun[u]x ġ[ew] negozjat[i] individwalment” (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Kif tistabbilixxi l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

L-għan tal-kuntratt, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, huwa għaldaqstant irrilevanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Huwa għaldaqstant b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Dak il-kriterju jikkorrispondi għall-idea li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn din id-direttiva, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, u dan mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Din il-protezzjoni hija partikolarment importanti fil-każ ta’ kuntratt ta’ garanzija konkluż bejn stabbiliment bankarju u konsumatur. Kuntratt bħal dan huwa fil-fatt ibbażat fuq impenn personali tal-garanti għall-ħlas tad-dejn ikkuntrattat minn terz. Dan l-impenn iwassal, għal dak li jidħol għalih, għal obbligi iebsa li għandhom bħala konsegwenza li jissuġġettaw il-patrimonju tiegħu għal riskju finanzjarju li spiss huwa diffiċli li jitkejjel (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 25).

31

Fir-rigward tal-punt dwar jekk persuna fiżika li timpenja ruħha li tiggarantixxi l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet fir-rigward ta’ stabbiliment bankarju fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu tistax titqies li hija “konsumatur” fis-sens ta’ Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li dan il-kuntratt ta’ garanzija, filwaqt li jista’ jiġi deskritt, fir-rigward tal-għan tiegħu, bħala kuntratt anċillari meta mqabbel mal-kuntratt prinċipali li minnu jirriżulta d-dejn li huwa jiggarantixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1998, Dietzinger, C‑45/96, EU:C:1998:111, punt 18], huwa, mill-perspettiva tal-partijiet kontraenti, kuntratt distint peress li huwa konkluż bejn persuni differenti minn dawk li huma partijiet fil-kuntratt prinċipali. Għaldaqstant huwa fir-rigward tal-partijiet fil-kuntrat ta’ garanzija li għandha tiġi evalwata l-kwalità li fiha dawn ikunu aġixxew (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 26).

32

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu natura oġġettiva. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni taqax fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda rabta mal-eżerċizzju ta’ professjoni (ara d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C 74/15, EU:C:2015:772, punt 27u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Hija l-qorti nazzjonali adita b’kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ u l-provi kollha, jekk il-parti kontraenti kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-każ ta’ persuna fiżika li saret garanti tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ kumpannija kummerċjali, hija għaldaqstant il-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk din il-persuna aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew minħabba rabtiet funzjonali li hija għandha ma’ din il-kumpannija, bħall-amministrazzjoni tagħha jew sehem mhux negliġibbli fil-kapital azzjonarju tagħha, jew jekk hija aġixxietx għal finijiet ta’ natura privata (digriet tad-19 ta’ Novembru 2015, Tarcău, C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 29).

35

F’dan il-każ, mid-dokumenti tal-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, meta ġew konklużi t-tliet kuntratti ta’ self matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2008 bejn, minn naħa, BRD Groupe Société Générale, fil-kwalità ta’ persuna li ssellef, u, min-naħa l-oħra, Lanca, fil-kwalità ta’ persuna li tissellef, P. Dumitraş, li kien aġixxa fil-kwalità ta’ garanti ipotekarju ta’ dawn il-kuntratti, kien l-amministratur u l-uniku soċju ta’ din l-aħħar kumpannija kummerċjali.

36

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel, jirriżulta li, meta ġew konklużi dawn il-kuntratti, P. Dumitraş aġixxa minħabba rabtiet funzjonali li huwa kellu ma’ Lanca u għaldaqstant ma jistax jiġi kklassifikat, f’dan ir-rigward, bħala “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13.

37

Mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta wkoll li, fit-30 ta’ Lulju 2009, minn naħa, Lanca Construcţii kkonkludiet, ma’ BRD Groupe Société Générale, tliet kuntratti ta’ kreditu li jiffinanzjaw mill-ġdid u jiskedaw mill-ġdid it-tliet kuntratti ta’ self iffirmati minn Lanca matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2005 u s-sena 2008. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ novazzjoni, Lanca Construcţii ssostitwixxiet lil Lanca bħala debitriċi tal-obbligi assunti minn din tal-aħħar fir-rigward ta’ BRD Groupe Société Générale. Permezz ta’ din in-novazzjoni, Lanca ma għandhiex iktar ebda obbligu fir-rigward ta’ BRD Groupe Société Générale fil-kuntest tas-self inizjalment mogħti.

38

Barra minn hekk, huwa paċifiku li la P. Dumitraş u lanqas M. Dumitraş ma kellhom il-kwalità ta’ amministraturi ta’ Lanca Construcţii u li huma impenjaw ruħhom jiggarantixxu, fil-kwalità ta’ garanti ipotekarji, l-obbligu ta’ din tal-aħħar sussegwentement għan-novazzjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom sehem mhux negliġibbli fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija.

39

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel, jirriżulta li, meta ġew konklużi l-kuntratti ta’ kreditu u ta’ garanzija immobbiljari tat-30 ta’ Lulju 2009, P. Dumitraş u M. Dumitraş ma aġixxewx minħabba rabtiet funzjonali li huma kellhom ma’ Lanca Construcţii. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tistabbilixxi jekk P. Dumitraş u M. Dumitraş, fil-kwalità ta’ garanti ipotekarji ta’ din il-kumpannija, aġixxewx għal finijiet li jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom u, fin-nuqqas ta’ dan, li tislet minn dan il-konsegwenzi utli kollha għall-klassifikazzjoni eventwali tagħhom bħala “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk P. Dumitraş, billi kien garanti ipotekarju, kien aġixxa minħabba r-rabtiet funzjonali tiegħu ma’ Lanca, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari konkluż bejn persuni fiżiċi u stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali assumiet fir-rigward ta’ dan l-istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta dawn il-persuni fiżiċi jkunu aġixxew għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom u ma għandhomx rabta ta’ natura funzjonali mal-imsemmija kumpannija, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari konkluż bejn persuni fiżiċi u stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali assumiet fir-rigward ta’ dan l-istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta dawn il-persuni fiżiċi jkunu aġixxew għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom u ma għandhomx rabta ta’ natura funzjonali mal-imsemmija kumpannija, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.