DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Appell — Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Multi — Evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ġurisdizzjoni sħiħa — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kontenzjuża — Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑523/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2015,

Westfälische Drahtindustrie GmbH, stabbilita f’Hamm (il-Ġermanja),

Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG, stabbilita f’Hamm,

Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Iserlohn (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn C. Stadler, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, H. Leupold u G. Meessen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħhom, Westfälische Drahtindustrie GmbH (iktar ’il-quddiem “WDI”), Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG (iktar ’il-quddiem “WDV”) u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG (iktar ’il-quddiem “Pampus”) jitolbu l-annullament, minn naħa, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:515, li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4387 finali, tat‑30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat‑30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal‑4 ta’ April 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal‑Kompetizzjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Frar 2011, (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-14 ta’ Frar 2011”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] [...]

[…]”

3

L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew [iż]żid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

4

Il-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal‑2006”) jipprovdi, taħt it-titolu “Kapaċità kontributtiva”:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida, tippreġudika b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Is-settur ikkonċernat mill-kawża preżenti huwa dak tal-azzar għall-prestressing (iktar ’il-quddiem l-“APC”). Din l-espressjoni tirreferi għal kejbils tal-metall u għal strands ta’ vireg magħmula minn fili (wire rod) u, b’mod partikolari, l-azzar għal konkrit li jitqiegħed taħt pressjoni qabel jifforma, liema konkrit jintuża fil-kostruzzjoni ta’ gallariji, pedamenti jew xaftijiet u, l-azzar għal konkrit li jitqiegħed taħt pressjoni wara li jifforma, liema konkrit jintuża fil-qasam tal-arkitettura industrijali, tal-arkitettura taħt l-art jew għall-kostruzzjoni ta’ pontijiet.

6

WDI, li qabel kien jisimha Klöckner Draht GmbH, hija impriża Ġermaniża fis-settur tal-azzar li tipproduċi, b’mod partikolari, l-APC, Sa mit-3 ta’ Settembru 1987, 98 % ta’ WDI hija proprjetà ta’ WDV, li min-naħa tagħha, żewġ terzi minnha huma l-proprjetà ta’ Pampus mill‑1 ta’ Lulju 1997.

7

Fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, wara li rċeviet informazzjoni mill-Bundeskartellamt (awtorità federali tal-kompetizzjoni, il-Ġermanja) u minn produttur tal-APC dwar ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini ta’ diversi impriżi.

8

Fi tmiem l-investigazzjoni tagħha u wara li ċaħdet it-talba għal klemenza mressqa minn WDI, il-Kummissjoni adottat, fit‑30 ta’ Settembru 2008, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intiża għal diversi kumpanniji, li fosthom hemm l-appellanti. Id-destinatarji kollha ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub b’risposta għal dawn l-oġġezzjonijiet. Inżammet seduta fil‑11 u fit-12 ta’ Frar 2009, li fiha ħadu sehem l-appellanti.

9

Erbatax-il impriża, li fosthom hemm l-appellanti, invokaw ukoll inkapaċità li jħallsu, fis-sens tal-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006. Huma ppreżentaw ġustifikazzjonijiet insostenn ta’ din it-talba.

10

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il‑Kummissjoni qieset li diversi fornituri tal-APC kienu kisru l-Artikolu 101(1) TFUE, u mil‑1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), billi pparteċipaw f’akkordju fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali u reġjonali, matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 1984 u d-19 ta’ Settembru 2002. Il-Kummissjoni qieset li Klöckner Draht, li saret WDI, kienet ipparteċipat direttament f’dan il-ksur għal dan il-perijodu kollu. Il‑Kummissjoni akkużat ukoll lis-Sur Pampus, bħala amministratur ta’ Pampus u ta’ WDI, li pparteċipa direttament f’diversi laqgħat tal-akkordju u li ta istruzzjonijiet diretti lill-impjegati tiegħu, anki jekk WDV u Pampus tqiesu bħala li eżerċitaw influwenza determinanti fuq WDI matul il-perijodu kollu li fih huma kellhom il-kontroll. Konsegwentement, ġiet imposta fuq WDI multa tal-ammont ta’ EUR 46.55 miljun. WDV u Pampus tqiesu responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur għall-ammont ta’ EUR 38.855 miljun u ta’ EUR 15.485 miljun, rispettivament.

11

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il‑Kummissjoni ċaħdet, barra minn hekk, it-talba tal-appellanti intiża sabiex, b’applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006, jingħatalhom tnaqqis tal-multa minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tagħhom.

12

It-talba ppreżentata mill-appellanti sabiex issir evalwazzjoni ġdida ta’ din il-kapaċità kontributtiva ġiet miċħuda permezz tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2011.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2010, l-appellanti bdew azzjoni intiża għall-annullament u għall-bidla tad-deċiżjoni kontenzjuża.

14

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2010, l-appellanti ressqu talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

15

Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ April 2011, Westfälische Drahtindustrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑393/10 R, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji”, EU:T:2011:178), il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ parzjalment it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-appellanti, filwaqt li ordna s-sospensjoni tal-obbligu impost fuqhom li jipprovdu garanzija bankarja favur il‑Kummissjoni sabiex jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom mid-deċiżjoni kontenzjuża, bil-kundizzjoni li huma jħallsu lil din l-istituzzjoni, minn naħa, is-somma ta’ EUR 2 miljun qabel it-30 ta’ Ġunju 2011 u, min-naħa l-oħra, pagamenti ta’ EUR 300000 fil-15 ta’ kull xahar, sa mill-15 ta’ Lulju 2011 u sa kemm tingħata ordni oħra, iżda sa mhux iktar tard mill-għoti tas-sentenza fil-kawża prinċipali.

16

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti kienu qajmu disa’ motivi, li fosthom is-sitt u d-disa’ wieħed biss għandhom interess għall-finijiet tal-appell preżenti. Is-sitt motiv kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tagħhom fid-deċiżjoni kontenzjuża. Id-disa’ motiv kien jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tagħhom fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2011, li l-appellanti talbu l-annullament tagħha lill-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2011.

17

Permezz tas-sentenza appellata, filwaqt li l-Qorti Ġenerali laqgħet dawn iż-żewġ motivi, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din kienet timponi multa fuq l-appellanti, kif ukoll l-ittra tal-14 ta’ Frar 2011, minħabba li l‑Kummissjoni kienet wettqet fiha żbalji meta hija kienet evalwat il-kapaċità kontributtiva tagħhom. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li hija stess applikat il-Linji gwida tal‑2006 qieset, madankollu, li l-appellanti ma kinux intitolati jallegaw li huma kellhom jingħataw tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tagħhom u, għaldaqstant, iffissat il-multa għal ammont identiku għal dak li kien impost fuqhom fid-deċiżjoni kontenzjuża.

It-talbiet tal-partijiet

18

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn tikkundannahom iħallsu multa, jew tannulla din is-sentenza kollha kemm hi u d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din timponi fuqhom multa, kif ukoll l-ittra tal-14 ta’ Frar 2011 u l-multa nnifisha;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta minn din id-deċiżjoni jew tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tnaqqas il-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

20

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll ksur tas-sistema tat-tqassim tal-funzjonijiet u l-bilanċ istituzzjonali. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

21

Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

22

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’dan il-każ.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li injorat il-limiti tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, peress li ma llimitatx ruħha sabiex tistħarreġ id-deċiżjoni kontenzjuża billi tikkanċella, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa, iżda li hija tat deċiżjoni awtonoma li timponi multa, li, għal dak li jikkonċerna l-kapaċità kontributtiva tagħhom, hija bbażata fuq fatti ġodda, li seħħew wara d-deċiżjoni kontenzjuża u l-ittra tal-14 ta’ Frar 2011.

24

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, skont il-kliem tas-sentenza appellata, “kkundannat” lill-appellanti għall-ħlas ta’ multa. Bl-istess mod, fil-punt 302 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tindika li l-ammont tal-multa jirriżulta mid-deċiżjoni proprja tagħha, fil-mument meta tat id-deċiżjoni.

25

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret is-sistema tat-tqassim tal-funzjonijiet u l-bilanċ istituzzjonali, kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi ssostitwixxiet ruħha għall-Kummissjoni. Billi bidlet id-deċiżjoni kontenzjuża permezz tal-annullament tagħha sa fejn din kienet timponi multa, il-Qorti Ġenerali kien messha kkonstatat li ma kienx hemm lok li jinbidel l-ammont tal-multa.

26

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punti 109, 302 u 335 tas-sentenza appellata li, sabiex tevalwa l-kapaċità kontributtiva ta’ impriża fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha fil-prinċipju tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li tipprevali fid-data li fiha tagħti d-deċiżjoni. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali dderogat mill-ġurisprudenza tagħha stess, hekk kif tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2014, Donau Chemie vs Il-Kummissjoni (T‑406/09, EU:T:2014:254).

27

Għalkemm il-Qorti Ġenerali kienet intitolata tieħu inkunsiderazzjoni titjib fil-kapaċità kontributtiva tal-partijiet fil-kawża li seħħ wara l-annullament tal-multa inizjali, minn dan jirriżulta effett dissważiv għalihom, irrikonċiljabbli mal-prinċipju tal-istat tad-dritt u ksur tal-prinċipju ta’ riżerva ġudizzjarja fir-rigward tal-awtoritajiet amministrattivi, li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-fatti. Fi kwalunkwe każ, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatti li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi multa għandu jiġi eskluż meta, bħal f’dan il-każ, din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata preċiżament għaliex kienet timponi multa. Fil-fatt, kieku d-deċiżjoni kontenzjuża kienet konformi mad-dritt, il-Qorti Ġenerali ma kienx ikollha għalfejn tipproċedi għal stħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

28

Il‑Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju, biż-żewġ partijiet tiegħu, huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Permezz taż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, inkwantu hija stess imponiet multa ġdida, billi ħadet inkunsiderazzjoni fatti li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

30

Għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE kif ukoll l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq talba tar-rikorrent, mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 42, u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71).

31

Meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni ma’ dik tal-Kummissjoni, awtur tal-att li fih kien iffissat inizjalment dan l-ammont (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 75).

32

Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni tista’ tbiddel l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86), sabiex tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑679/11 P, EU:C:2013:606, mhux ippubblikata, punt 104, u tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 74).

33

Din il-kompetenza hija eżerċitata b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull ċirkustanza fattwali (sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86, u tas-26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 104).

34

Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni hija intitolata teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta l-kwistjoni tal-ammont tal-multa hija sottomessa għall-evalwazzjoni tagħha (sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 62, u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 105), fejn l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza jelimina t-trasferiment definittiv lil din tal-aħħar tas-setgħa li timponi sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 693).

35

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, wara li ċaħdet mill-ewwel sar-raba’ kif ukoll is-seba’ u t-tmien motivi mqajma mill-appellanti qieset, fil-punti 285 sa 332 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni kienet wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti, fis-sens tal-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006, u li dawn iż-żbalji kienu tali li jwasslu għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu permezz ta’ din tal-aħħar ġiet imposta multa fuq l-appellanti, u, min-naħa l-oħra, tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2011.

36

Fi tmiem dan l-istħarriġ ta’ legalità, il-Qorti Ġenerali qieset li kienet iġġustifikata li teżerċita, f’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Billi applikat, fil-punti 333 sa 358 tas-sentenza appellata, il-Linji gwida tal‑2006, hija qieset, fuq il-bażi ta’ provi prodotti mill-partijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti, hekk kif kienet evolviet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li dawn tal-aħħar ma kinux iġġustifikati li jsostnu li kellu jingħatalhom tnaqqis tal-multa minħabba l-assenza tagħhom ta’ kapaċità kontributtiva, għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punt 35 tal-imsemmija linji gwida u li, għaldaqstant, l-appellanti kellhom jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ multa ta’ ammont identiku għal dak impost fid-deċiżjoni kontenzjuża.

37

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eċċediet il-limiti tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

38

Għalkemm, huwa minnu li, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża wassal, f’dan il-każ, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni inkwantu ġiet imposta fiha emenda fuq l-appellanti mill‑Kummissjoni, dan il-fatt bl-ebda mod ma jimplika, bil-kontra ta’ dak li jsostnu dawn tal-aħħar, li l-Qorti Ġenerali kienet, minħabba f’din ir-raġuni, mċaħħda mis-setgħa li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, din il-qorti baqgħet kompletament adita bil-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa, peress li fir-rikors tagħhom l-appellanti kienu talbu t-tnaqqis ta’ dan l-ammont, b’mod partikolari, minħabba assenza ta’ kapaċità kontributtiva, fis-sens tal-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006.

39

Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha biss is-setgħa li tissanzjona f’dan ir-rigward lill-appellanti u, għaldaqstant, kienet intitolata, fuq il-bażi ta’ provi prodotti mill-partijiet u b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, tbiddel l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqhom mid-deċiżjoni kontenzjuża.

40

Billi l-Qorti Ġenerali għaldaqstant issostitwixxiet b’mod regolari l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal‑Kummissjoni għal dak li jikkonċerna s-setgħa ta’ sanzjoni, il-fatt li hija qieset finalment opportun li tadotta ammont tal-multa identiku għal dak iffissat fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jaffettwax ir-regolarità ta’ dan l-eżerċizzju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 88).

41

L-istess jgħodd għall-użu tal-kelma “kkundannati” fil-punt 358 u fid-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tbiddel l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

42

Għal dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ fatti li seħħew wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u dik tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2011, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-bidla tal-ammont tal-multa jirriżulta mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

43

Issa, f’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tikkompleta l-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, iċ-ċirkustanzi fattwali kollha li hija tqis rilevanti, sew jekk ikunu seħħew qabel u sew jekk wara d-deċiżjoni meħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punti 5152; tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 49; tas-26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 107, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 41).

44

Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il-quddiem il-“Karta”), teżiġi li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għat-tilwima li biha hija tkun adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 3536).

45

Dan japplika a fortiori meta, bħal fil-kawża preżenti, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa jirrigwarda l-eżami tal-kapaċità kontributtiva tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, jekk il-qorti tal-Unjoni ma tkunx tista’ tevalwa din il-kapaċità billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali prevalenti fil-mument meta hija tagħti d-deċiżjoni, hija tista’ tkun meħtieġa tirrifjuta jew tagħti tnaqqis jew tikkanċella multa dovuta jew mhux dovuta, tali li tikkawża jew tipproduċi żvantaġġ jew vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat lil din l-impriża.

46

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kapaċità kontributtiva hija rilevanti biss f’kuntest soċjali partikolari, ikkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas ta’ multa jista’ jkollu, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorament tas-setturi ekonomiċi upstream u downstream tal-impriża kkonċernata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punt 106).

47

Hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punt 302 tas-sentenza appellata, din is-sitwazzjoni għandha tapplika a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, l-appellanti kienu kisbu mill-Imħallef għal miżuri provviżorji s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-multa imposta mill-il‑Kummissjoni sal-għoti tas-sentenza appellata.

48

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

Fuq it-tieni aggravju

Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità u bil-kontra ta’ dak li huwa indikat fil-punt 333 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet rilevanti kollha għall-kalkolu tal-multa, kif previsti fil-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat in-nota ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2010, intitolata “Assenza ta’ kapaċità kontributtiva skont il-punt 35 tal-Linji gwida tal‑1/09/2006 dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont ir-Regolament Nru 1/2003” [SEC(2010) 737/2], li tipprovdi li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża jista’ jseħħ, jew permezz tat-tnaqqis tal-multa għal somma li l-impriża hija f’pożizzjoni li tħallas, jew permezz ta’ ħlas tal-multa bin-nifs fuq perijodu ta’ tliet sa ħames snin. Issa, f’dan il-każ, it-tul tal-ħlas tal-multa imposta mill-Qorti Ġenerali huwa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pjan ta’ ħlas attwalment innegozjat mal-Kummissjoni u tal-ħlasijiet li diġà saru taħt id-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, ta’ madwar ħmistax jew għoxrin sena.

50

Għaldaqstant, skont il-prassi amministrattiva fis-seħħ, meta l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006 jkunu ssodisfatti, il‑Kummissjoni tnaqqas, fil-prinċipju, il-multa għas-somma li l-impriża kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tħallas fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

51

Fi kwalunkwe każ, anki fil-każ li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien opportun tadotta soluzzjoni ibrida li tgħaqqad tnaqqis tal-multa imposta flimkien ma’ ħlas bin-nifs tagħha, kien ikun neċessarju, sabiex il-multa tibqa’ xierqa, li jitnaqqas l-ammont totali tagħha għal somma massima ta’ EUR 20 miljun li tikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 2 miljun diġà mħallsa taħt id-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorju għall-ħlas ta’ 60 pagament mensili ta’ EUR 300000 imħallas fuq perijodu massimu ta’ ħames snin.

52

Il‑Kummissjoni ssostni li din il-parti tat-tieni aggravju hija ineffettiva.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tal-appellanti, sa fejn din tikkritika lill-Qorti Ġenerali li imponiet fuqhom multa li l-ħlas bin-nifs tagħha kien jestendi fuq perijodu eċċessivament twil, hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali la pprevediet u lanqas, a fortiori, imponiet ħlas bin-nifs tal-multa.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, il-pagament bin-nifs tal-multa li għalih huwa ssuġġetta s-sospensjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta garanzija bankarja kien jiskadi fid-data tal-għoti tas-sentenza appellata. Fir-realtà, jidher li t-tul allegat tal-ħlas tal-multa jirriżulta minn pjan ta’ ħlas li kien ġie nnegozjat mill-appellanti nnifishom mal‑Kummissjoni, wara li ngħatat din is-sentenza.

55

Rigward il-kumplament, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma tathomx tnaqqis tal-multa, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tagħhom hija intiża sabiex tinkiseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti għal dak li jikkonċerna l-kapaċità kontributtiva tagħhom, li hija ma tistax twettaq, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti, li ma ġiex allegat f’dan il-każ, peress li tmur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ appell (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 40).

56

Għal dak li jirrigwarda l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li din ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam ta’ kompetizzjoni u li deċiżjonijiet dwar kawżi oħra għandhom biss natura indikattiva għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 189).

57

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondata.

Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

58

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jilmentaw li fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tathom trattament diskriminatorju meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li kisbu tnaqqis tal-multa skont il-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006, peress li ebda waħda minn dawn l-impriżi ma ġiet ikkundannata għal pagamenti bin-nifs fuq perijodu tant twil.

59

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu evalwat il-kapaċità kontributtiva tal-appellanti fid-data tas-sentenza appellata, filwaqt li evalwat il-kapaċità kontributtiva tal-impriżi l-oħra fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

60

Issa, minn naħa, id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli meta ppreżentaw it-talba tagħhom għal tnaqqis tal-multa f’dan ir-rigward. Kieku l‑Kummissjoni kienet evalwat b’mod korrett il-kapaċità kontributtiva tagħhom, hija kienet tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti u dawn ma kinux ikunu obbligati jippreżentaw rikors li wassal għal kundanna ġdida mogħtija f’data differenti mill-Qorti Ġenerali. L-allegata inugwaljanza fit-trattament hija iktar evidenti peress li, f’din id-data, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx il-punt dwar jekk is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriżi li kisbu tnaqqis tal-multa kinitx tjiebet.

61

Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda tat-talbiet għal tnaqqis tal-multa mressqa mill-appellanti diġà tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament li tippersisti minħabba s-sentenza appellata, peress li dawn kellhom jikkontestaw l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li interessi dovuti fuq il-multa imposta mill-Qorti Ġenerali jiddekorru mid-data ffissata fid-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li ma kienx ġie kkonstatat li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 35 tal-Linji gwida tal‑2006 ma kinux issodisfatti f’din id-data.

62

Il‑Kummissjoni ssostni li din it-tieni parti tat-tieni aggravju hija infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51).

64

Il-Qorti Ġenerali hija obbligata tosserva dan il-prinċipju mhux biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi, iżda wkoll fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker‑Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77).

65

Madankollu, f’dan il-każ, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li imponitilhom termini għal pagamenti diskriminatorji, l-argumentazzjoni tagħhom għandha tiġi miċħuda bħala infondata, għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 53 u 54 tad-digriet preżenti.

66

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 356 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kontenzjuża għall-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma jwassal għal ebda diskriminazzjoni meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li ma ppreżentawx rikorsi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tagħhom mill‑Kummissjoni. Fil-fatt, l-appellanti ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ dawn tal-aħħar, peress li huma ppreżentaw rikors fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punti 49 sa 63).

67

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

68

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli twettaq, bi ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ sNovembru 1950, u tal-Artikolu 47 tal-Karta, stħarriġ indipendenti permezz tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali sħiħa, peress li hija qieset, fil-punt 334 tas‑sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti kellha ssir fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża.

70

L-eżerċizzju ta’ stħarriġ awtonomu ta’ natura xierqa tal-multa kien jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali teżamina fid-dettall il-parametri determinanti tal-kalkolu tagħha, bħat-tul u l-gravità tal-ksur. Stħarriġ limitat għall-iżbalji ta’ evalwazzjoni ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti, u dan speċjalment li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa jaqa’ taħt proċedura unilaterali, li fil-kuntest tagħha, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tissosstitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.

71

Il‑Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tielet aggravju, sa fejn dan huwa intiż sabiex jiġi eżerċitat stħarriġ tal-evalwazzjoni tal-fatti. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

L-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda d-dubji tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ dan it-tielet aggravju, peress li permezz tiegħu, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni kontenzjuża.

73

Għal dak li jirrigwarda l-mertu ta’ dan l-aggravju, huwa paċifiku li fil-punti 121 sa 265 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kompletament mill-ewwel sar-raba’ motivi invokati, li permezz tagħhom l-appellanti essenzjalment kellhom l-intenzjoni li jikkontestaw il-ksur ikkonstatat mid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom minnha. Fil-kuntest tal-appell preżenti, l-appellanti ma ressqu ebda argument sabiex jikkontestaw din il-parti tas-sentenza appellata.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 334 tas-sentenza appellata ddeċidiet li, fl-assenza ta’ żball tali li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kontenzjuża, kien xieraq li tiġi evalwata l-kapaċità kontributtiva l-ġdida tal-appellanti, fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta minn din id-deċiżjoni.

75

Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

Fuq l-ispejjeż

76

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

77

Peress li Westfälische Drahtindustrie GmbH, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG kif ukoll Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG tilfu l-appell, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Westfälische Drahtindustrie GmbH, Westfälische Drahtindustrie Verwaltungsgesellschaft mbH & Co. KG u Pampus Industriebeteiligungen GmbH & Co. KG huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.