DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Appell — Intervent — Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”

Fil-Kawża C‑410/15 P(I),

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2015,

Comité d’entreprise de la Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM), stabbilit f’Marseille (Franza), irrappreżentat minn C. Bonnefoi, avukat,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM), stabbilita f’Marseille,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali Ewlieni, M. Wathelet,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tiegħu, Comité d’entreprise de la Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) (Kumitat ta’ impriża ta’ SNCM, iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ impriża”) jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2015, SNCM vs Il‑Kummissjoni (T‑1/15, EU:T:2015:488, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li jiċħad it-talba tiegħu għal intervent insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑1/15, li huma intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/882/UE, tal-20 ta’ Novembru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA 16237 (C 58/02) (ex N 118/02) implimentata minn Franza favur l-SNCM (ĠU 2014, L 357, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2

Barra minn hekk, il-Kumitat ta’ impriża jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tiegħu għal intervent.

3

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-appell fis-7 ta’ Settembru 2015.

Fuq l-appell

4

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull persuna tista’ tintervjeni quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea jekk tkun tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem waħda minnhom.

5

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat ta’ xi kawża [fis-soluzzjoni tat-tilwima]”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 40, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet infushom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mqajma. Fil-fatt, it-termini “riżultat ta’ xi kawża [soluzzjoni tat-tilwima]” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2013:83, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).

6

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat li min iressaq talba għal intervent huwa affettwat direttament mill-att ikkontestat u li l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tilwima huwa ċert (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:135, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ min iressaq talba għal intervent [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja National Power u PowerGen vs Il‑Kummissjoni, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), EU:C:1997:307, punt 61; Schenker vs Air France u Il‑Kummissjoni, C‑589/11 P(I), EU:C:2012:332, punti 1415, u Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:135, punti 411].

7

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kumitat ta’ impriża jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod żbaljat. Dan l-appell huwa strutturat f’erba’ aggravji bbażati rispettivament:

fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fil-punt 13 tad-digriet appellat, li l-interess kollettiv tal-impjegati ta’ SNCM li jirrappreżenta l-Kumitat ta’ impriża ma huwiex ta’ natura, minnu nnifsu, li jistabbilixxi interess dirett u attwali ta’ dan tal-aħħar fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem dik il-qorti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;

fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fil-punt 14 tad-digriet appellat, li l-fatt li l-Kumitat ta’ impriża seta’ eventwalment jitqies li huwa parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma kienx suffiċjenti sabiex jiġġustifika li għandu interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 40;

fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, sa fejn iddeċidiet, fil-punt 15 tad-digriet appellat, l-ewwel nett, li l-Kumitat ta’ impriża ma kien ipproduċa ebda prova konkreta li setgħet turi li l-kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali għandha importanza partikolari għall-inizjattivi leġiżlattivi pendenti u lanqas li hija tippreżenta diffikultajiet ta’ prinċipju li jistgħu jaffettwaw l-interessi tiegħu b’mod partikolari u, it-tieni nett, li l-Kumitat ta’ impriża ma kienx ipprova li l-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata pendenti fuq livell nazzjonali tiġi sospiża fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u

fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat, fil-punti 16 sa 18 tad-digriet appellat, li l-interess tal-Kumitat ta’ impriża fis-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha ma kienx distint minn dak ta’ SNCM minkejja li huwa kellu personalità ċivili u ġuridika distinta, iżda marbuta ma’ din l-impriża, assi u baġit sinjifikattivi flimkien ma’ obbligi u kuntratti pendenti li huma affettwati direttament mill-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata li fil-kuntest tagħha huwa kellu, konformement mad-dritt Franċiż, id-dritt għal smigħ.

8

Għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok it-tieni aggravju tal-appell.

9

Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kumitat ta’ impriża jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 14 tad-digriet appellat, li l-fatt li l-Kumitat ta’ impriża seta’ eventwalment jitqies li huwa parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma kienx suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar jiġġustifika li għandu interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Kumitat ta’ impriża ċċaħħad mill-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċedura amministrattiva, peress li, wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza implimentat favur is-[SNCM] (ĠU 2009, L 225, p. 180), permezz tas-sentenza Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415), il-Kummissjoni ma fetħitx mill-ġdid il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.

10

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa ammissibbli għal parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat jekk, permezz tal-preżentata tar-rikors għal annullament dirett kontra din id-deċiżjoni, din il-parti jkollha l-intenzjoni li tissalvagwarda d-drittijiet proċedurali li tagħtiha din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11

Issa parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, li tfittex li tintervjeni fil-kuntest ta’ tali rikors għal annullament insostenn tat-talbiet tar-rikorrent, għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, id-deċiżjoni finali mitluba, kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata, hija ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ tali persuna li tressaq talba għal intervent sa fejn, minn naħa, hija timplika l-obbligu għall-Kummissjoni li tiftaħ, jew, jekk ikun il-każ, tiftaħ mill-ġdid, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u, min-naħa l-oħra, hija tagħti d-dritt lill-istess persuna li tressaq talba għal intervent, fil-kwalità tagħha ta’ parti interessata, li tipparteċipa fl-imsemmija proċedura ta’ investigazzjoni formali.

12

F’dan il-każ, mill-punt 13 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Kumitat ta’ impriża jirrappreżenta l-interess kollettiv tal-impjegati kollha ta’ SNCM. Peress li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport marittimu, tinkludi numru kbir ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura diversa, marbuta b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, mal-politika marittima tal-Unjoni, mal-promozzjoni tat-trasport marittimu tal-Unjoni jew mal-promozzjoni tal-impjieg, ma jistax jiġi eskluż li l-Kumitat ta’ impriża jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni osservazzjonijiet dwar kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali li, jekk ikun il-każ, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minnha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 6470).

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kumitat ta’ impriża għandu jitqies li huwa parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE.

14

Issa għandu jiġi enfasizzat li, fir-rikors tagħha, SNCM qajmet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali li jagħtiha l-Artikolu 108(2) TFUE sa fejn il-Kummissjoni ma fetħitx mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-Deċiżjoni 2009/611.

15

Għaldaqstant, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 11 ta’ dan id-digriet, għandu jitqies li l-Kumitat ta’ impriża, parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, li jfittex li jsostni t-talbiet ta’ parti interessata oħra li hija stess tipprevalixxi ruħha minn ksur tad-drittijiet proċedurali li tagħtiha din id-dispożizzjoni, għandu interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16

Għalhekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 19 tad-digriet appellat, li t-talba għal intervent tal-Kumitat ta’ impriża insostenn tat-talbiet ta’ SNCM kellha tiġi miċħuda.

17

Għaldaqstant, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appell, dan tal-aħħar għandu jintlaqa’ u d-digriet appellat għandu jiġi annullat.

18

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

19

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi definittivament it-talba għal intervent tal-Kumitat ta’ impriża.

20

Kif jirriżulta mill-punti 12 sa 15 ta’ dan id-digriet, il-Kumitat ta’ impriża għandu interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21

Għaldaqstant, it-talba tiegħu għal intervent insostenn tat-talbiet ta’ SNCM fil-Kawża T‑1/15 għandha tintlaqa’.

Fuq l-ispejjeż

22

L-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet il-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, peress li l-Kumitat ta’ impriża naqas milli jitlob l-ispejjeż, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2015, SNCM vs Il‑Kummissjoni (T‑1/15, EU:T:2015:488) huwa annullat.

 

2)

Comité d’entreprise de la Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) huwa awtorizzat jintervjeni fil-Kawża T‑1/15 insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.