DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tas-17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Appell — Digriet għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Akkordji — Ordni ta’ sottomissjoni għal spezzjoni — Ksur tas-sigriet professjonali — Rifjut li jiġu sospiżi l-miżuri ta’ investigazzjoni — Neċessità li jiġu adottati miżuri provviżorji — Assenza — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑386/15 P(R),

li għandha bħala suġġett it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressqa fis-17 ta’ Lulju 2015,

Alcogroup SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Alcodis SA, stabbilita fi Brussell,

irrappreżentati minn P. de Bandt, J. Dewispelaere u J. Probst, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, T. Christoforou, V. Bottka u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali ewlieni, M. Wathelet,

jagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħhom, Alcogroup SA (iktar ’il quddiem “Alcogroup”) u Alcodis SA (iktar ’il quddiem “Alcodis”) jitolbu l-annullament tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Ġunju 2015 – Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni (Kawża T-274/15 R, EU:T:2015:389, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu dan ċaħad it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji intiża, minn naħa, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 1769 finali, tat-12 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni inkwistjoni”), indirizzata lil Alcogroup kif ukoll lill-impriżi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Alcodis, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll tad-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni inkwistjoni”), indirizzata lil Alcogroup fil-kuntest tal-investigazzjonijiet AT.40244 – Bijoetanol – u AT.A0054 – Oil and Biofuel Markets – u, min-naħa l-oħra, sabiex tordna lill-Kummissjoni Ewropea tissospendi kull att ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri AT.A0054 u AT.40244.

2

Għandu jiġi speċifikat, preliminarjament, li l-President tal-Qorti Ġenerali adotta d-digriet appellat qabel mal-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet fuq it-talba għal miżuri provviżorji u f’data fejn it-terminu għall-preżentata ta’ dawn l-osservazzjonijiet ma kienx għadu skada. Għaldaqstant, kif tosserva l-Kummissjoni ġustament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-digriet appellat jibbaża b’mod esklużiv fuq il-fatti sottomessi fit-talba għal miżuri provviżorji. Għalkemm il-Kummissjoni tikkontesta wħud minn dawn il-fatti, hija tagħmel hekk biss sussidjarjament u fl-ipoteżi fejn id-digriet appellat huwa annullat. B’hekk għall-finijiet tal-eżami tal-appell, dan id-digriet jitlaq mill-premessa li tgħid li l-fatti konstatati fid-digriet appellat huma stabbiliti, mingħajr ma tiġi kkonfermata jew miċħuda l-eżattezza tagħhom.

Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ikkonstatati fid-digriet appellat

3

Alcogroup u Alcodis huma attivi fil-produzzjoni, it-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ etanol. Wara lment imressaq fix-xahar ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni bdiet, fix-xahar ta’ Mejju 2013, spezzjonijiet fil-postijiet tan-negozju ta’ kumpannija li kienet żviluppat u qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku metodu ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet ta’ etanol kif ukoll fil-postijiet tan-negozju ta’ diversi kumpanniji oħra attivi fis-setturi taż-żejt mhux raffinat, prodotti taż-żejt irraffinati u bijofjuwils. Din l-investigazzjoni, irreġistrata taħt ir-referenza AT.40054 (Oil and Biofuel Markets), kienet intiża kemm għall-funzjonament ta’ dan il-metodu kif ukoll għall-kollużjonijiet possibbli bejn kumpanniji intiżi li jimmanipulaw l-imsemmi metodu.

4

Fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni, il-Kummissjoni indirizzat, fit-23 ta’ Mejju 2014, talba għal informazzjoni lil Alcodis abbażi tal-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003. Alcodis wieġbet għal din it-talba fl-14 ta’ Ġunju 2014.

5

Fid-29 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ordnat lil Alcogroup u lil Alcodis biex jissottomettu għal spezzjoni abbażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. L-ispezzjoni seħħet fil-postijiet tan-negozju tagħhom mis-7 sal-10 ta’ Ottubru 2014. Fil-kuntest ta’, u wara, din l-ispezzjoni, Alcogroup u Alcodis talbu l-assistenza tal-avukati tagħhom sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom. F’dan il-kuntest, numerużi dokumenti ġew żviluppati u skambjati bejniethom u l-avukati tagħhom. Ġie speċifikat li dawn l-iskambji u d-dokumenti annessi kienu koperti mis-sigriet professjonali tal-avukati, peress li kull skambju jsemmi, bil-lingwa Ingliża, “legally privileged” jew peress li huwa kklassifikat fil-fajl intitolat, f’din l-istess lingwa, “legally privileged”.

6

Fl-istess waqt tal-investigazzjoni AT.40054, il-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni AT.40244 dwar possibbli ftehimiet u prattiki miftiehma li għandhom bħala għan li jikkoordinaw l-aġir tal-kumpanniji attivi fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bijoetanol, il-qsim tas-swieq u tal-klijenti kif ukoll l-iskambji ta’ informazzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, ordnat lil Alcogroup u lil Alcodis li jissottomettu għal spezzjoni, li seħħet mill-24 sas-27 ta’ Marzu 2015. Fil-bidu tal-ispezzjoni, l-avukati ta’ dawn tal-aħħar talbu lill-ispetturi tal-Kummissjoni li jeskludu mir-riċerki tagħhom id-dokumenti tad-difiża stabbiliti wara l-ispezzjoni li seħħet mis-7 sal-10 ta’ Ottubru 2014. Ġie miftiehem li kull dokument indikat bil-kliem, fil-lingwa Ingliża, “legally privileged” huwa immedjatament miċħud, mingħajr konsultazzjoni mal-ispetturi, u jkun is-suġġett ta’ eżami komuni mal-avukati ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis.

7

Instab madankollu, iktar tard, skont Alcogroup u Alcodis, li l-ispetturi tal-Kummissjoni li kienu analizzaw id-dokumenti kkonċernati bil-għan li jiddeterminaw jekk kinux rilevanti għall-investigazzjoni u li kienu għażlu diversi dokumenti tad-difiża identifikati mill-kliem, fil-lingwa Ingliża, “legally privileged” bil-għan li jiġu sekwestrati. Wara l-protesti tal-avukati ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis, dawn id-dokumenti ġew irtirati mil-lista tad-dokumenti għas-sekwestru u dawn l-ispetturi aċċettaw li jqiegħdu d-dokumenti li għandhom l-imsemmija kliem “legally privileged” ġewwa fajl separat u li jeżaminawhom biss fil-preżenza ta’ avukat ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis. Skont dawn tal-aħħar, madankollu, l-imsemmija spetturi kienu diġà kkonsultaw dokumenti li kienu ġew stabbiliti bil-għan tad-difiża ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji wara l-ewwel spezzjoni, imwettqa fil-kuntest tal-investigazzjoni AT.40054.

8

Alcogroup u Alcodis indirizzaw, fil-21 ta’ April 2015, ittra lill-Kummissjoni li fiha huma talbu s-sospensjoni immedjata ta’ kull att tal-investigazzjoni li jikkonċernahom fil-kuntest tal-proċeduri AT.40054 u AT.40244, inkluż kull konsultazzjoni jew analiżi tad-dokumenti sekwestrati. Din it-talba ġiet miċħuda, fit-8 ta’ Mejju 2015, mit-tieni deċiżjoni inkwistjoni.

Il-proċedura quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji u d-digriet appellat

9

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2015, Alcogroup u Alcodis ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet inkwistjoni.

10

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, Alcogroup u Alcodis ressqu talba għal miżuri provviżorji li biha huma talbu, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali:

jissospendi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (li sar l-Artikolu 157(2) ta’ dawn ir-Regoli), l-eżekuzzjoni tal-ewwel u tat-tieni deċiżjonijiet inkwistjoni sal-aħħar tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u, fi kwalunkwe każ, sa meta l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali;

jordna lill-Kummissjoni biex tissospendi kull att tal-investigazzjoni jew oħrajn li jikkonċernawhom fil-kuntest tal-proċeduri AT.40054 u AT.40244, u

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11

Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba bħala inammissibbli qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata tal-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni.

12

Fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, essenzjalment, li t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni kienet inammissibbli għaliex, din id-deċiżjoni kienet diġà ġiet kompletament eżegwita, is-sospensjoni tagħha ġiet mingħajr sens. Inkwantu għat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni, huwa osserva li, fil-prinċipju, tali deċiżjoni negattiva, li tirrifjuta li tilqa’ talba amministrattiva, ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali sospensjoni. Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis, il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva, essenzjalment, li dan, li kellu tendenza li jkun ordnat lill-Kummissjoni li tissospendi kull att ta’ investigazzjoni jew oħrajn li jikkonċernawhom, kien imur lil hinn mill-għan tar-rikors ippreżentat fil-proċedura prinċipali billi l-ordni mitluba, jekk kienet ordnata, kienet tantiċipa l-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni wara l-eventwali sentenza ta’ annullament tal-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, ma kienx ġie stabbilit li tali antiċipazzjoni kienet neċessarja biex tiggarantixxi l-effettività sħiħa ta’ sentenza ta’ annullament f’dan il-każ għaliex, f’każ ta’ annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet inkwistjoni, l-irtirar tal-fajl ta’ investigazzjoni minn kull element użat illegalment kien ikun suffiċjenti għal dak il-għan.

It-talbiet tal-partijiet

13

Alcogroup et Alcodis jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tadotta l-miżuri provviżorji mitlubin minnhom quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, li tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji, u

tikkundanna lil Alcogroup u lil Alcodis għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-appell

15

Insostenn tal-appell tagħhom, Alcogroup u Alcodis iressqu tliet aggravji. L-ewwel aggravju tagħhom, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet li tressqu fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet tagħhom fl-ewwel istanza, huwa maqsum fi tliet partijiet li permezz tagħhom huma jallegaw, rispettivament:

żnaturament tat-talba tagħhom għal miżuri provviżorji;

żball fl-evalwazzjoni tan-neċessità tal-miżuri provviżorji mitlubin permezz tat-tieni kap ta’ talbiet tagħhom fl-ewwel istanza biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata, u

ħsara għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

16

Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravji tagħhom, Alcogroup u Alcodis jilmentaw lill-President tal-Qorti Ġenerali żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba tagħhom għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, rispettivament, tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni u tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni.

17

Għall-kumplament, Alcogroup u Alcodis jesponu r-raġunijiet li għalihom hemm lok, skont huma, li jingħataw il-miżuri provviżorji mitlubin mingħand il-Qorti Ġenerali.

18

Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell fl-intier tiegħu. Hija żżid tgħid li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda fi kwalunkwe każ u li ġustament il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda f’dan is-sens.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ dritt fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-tieni kap ta ’ talbiet fl-ewwel istanza

19

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Alcogroup u Alcodis jilmentaw lill-President tal-Qorti Ġenerali li kkonstata, fl-ewwel sentenza tal-punt 21 tad-digriet appellat, li t-tieni kap ta’ talbiet tagħhom fl-ewwel istanza kellu tendenza, “de facto, li jkun projbit lill-Kummissjoni li tkompli l-investigazzjonijiet tagħha AT.40054 u AT.40244 u li tuża, f’dan il-kuntest, l-informazzjoni kunfidenzjali li kienet kisbet b’mod illegali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], minkejja li, fil-fehma tagħhom, it-talba tagħhom kienet iktar limitata. Fir-realtà, huma kienu talbu li s-sospensjoni ta’ kull att ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri inkwistjoni sabiex jistennew sentenza dwar il-mertu, u dan biss fir-rigward tagħhom.

20

F’dan ir-rigward, minn qari tad-digriet appellat kollu jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali ħa inkunsiderazzjoni sewwa n-natura limitata tat-tieni kap ta’ talbiet fl-ewwel istanza. B’mod iktar partikolari, din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-qari tal-ewwel sentenza tal-punt 21 ta’ dan id-digriet fid-dawl, l-ewwel nett, tal-punt 12 tiegħu, fejn il-kap ta’ talbiet inkwistjoni huwa rrappurtat b’mod preċiż, it-tieni nett, tal-punt 20 tiegħu, fejn huma mfakkra n-natura temporanja tas-sospensjoni mitluba u n-natura aċċessorja tal-proċeduri għal miżuri provviżorji meta mqabbla mal-proċedura prinċipali li fuqha hija bbażata.

21

Għandu jingħad ukoll li Alcogroup u Alcodis esponew, kemm fl-atti tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-parti tal-appell tagħhom dwar l-għoti ta’ miżuri provviżorji mitlubin, li kull att tal-investigazzjoni adottat fir-rigward tagħhom fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura illegalment iżid il-ħsara tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-għan tat-talba għal miżuri provviżorji tagħhom, u b’mod partikolari tat-tieni kap ta’ talbiet fl-ewwel istanza, effettivament kien li tiġi evitata li din il-ħsara ma sseħħx billi tiġi prekluża, temporanjament, il-Kummissjoni li tkompli l-investigazzjonijiet AT.40054 u AT.40244 fir-rigward il-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fil-ksur li huwa s-suġġett tagħhom, kif il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva korrettament fl-ewwel sentenza tal-punt 21 tad-digriet appellat.

22

Minn dan kollu jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

23

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Alcogroup u Alcodis jargumentaw, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi, b’mod partikolari fil-punt 23 tad-digriet appellat, billi applika, b’analoġija, f’dan il-każ, ir-raġunament espost fid-digriet Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akros [C‑7/04 P(R), EU:C:2004:566], għall-finijiet li tiġi evalwata n-neċessità tal-miżuri provviżorju mitlubin biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata. Fil-fatt, din il-kawża hija differenti minn dik li kienet tat lok għal dan id-digriet. F’din l-aħħar kawża, l-istatus ta’ numru limitat ta’ dokumenti kien inkwistjoni, b’mod li l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tuża dawn id-dokumenti f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni li tordna verifika kienet tikkostitwixxi garanzija suffiċjenti tad-drittijiet tal-kumpanniji kkonċernati. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-ispetturi tal-Kummissjoni kienu deliberatament inkludew id-dokumenti kollha tad-difiża ta’ Alcogroup u Alcodis fil-perimetru tal-ispezzjoni u ħadu konjizzjoni tagħhom. Huwa impossibbli għal Alcogroup u Alcodis li juru sussegwentement u b’ċertezza suffiċjenti li kienet teżisti rabta bejn din il-familjarizzazzjoni tal-informazzjoni miġbura illegalment u miżuri possibbli adottati mill-Kummissjoni wara l-investigazzjoni.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, fil-kawża li tat lok għad-digriet Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros [C‑7/04 P(R), EU:C:2004:566], numru limitat biss ta’ dokumenti kien f’riskju, ir-raġunament espost f’dan id-digriet ma kienx ibbażat fuq din iċ-ċirkustanza bħala tali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 41 u 42 tal-imsemmi digriet, li l-unika familjarizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni inkluża fid-dokumenti allegatament koperti mis-sigriet professjonali ma kinitx suffiċjenti biex tistabbilixxi n-neċessità li jiġu adottati miżuri provvizorji, peress li din l-informazzjoni ma kinitx żvelata lil terzi u li hija ma kinitx użata fil-proċedura ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, fil-punt 43 ta’ dan l-istess digriet, li l-possibbiltà ta’ familjarizzazzjoni iktar dettaljata tad-dokumenti inkwistjoni, mill-Kummissjoni, ma kinitx tista’ tistabbilixxi r-realtà ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-konfront tal-kumpanniji kkonċernati.

25

Għaldaqstant, huwa b’raġuni iktar qawwija li l-argumenti ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis, ibbażati fuq il-familjarizzazzjoni mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, matul l-ispezzjoni, tad-dokumenti koperti mis-sigriet professjonali iżda mhux ippreżervati minnha wara din l-ispezzjoni, ma kinux suffiċjenti minnhom infushom li jistabbilixxu n-neċessità li jiġu adottati l-miżuri provviżorji mitlubin għall-finijiet li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata. Fil-fatt, ma teżisti ebda possibbiltà li dawn l-elementi, li l-Kummissjoni ma tiddisponix minnhom iktar, ikunu żvelati minnha lil terzi jew li jkunu invokati bħala tali biex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ ksur għar-regoli ta’ kompetizzjoni.

26

Barra minn hekk, għandhom jiċċaħdu l-argumenti li bihom Alcogroup u Alcodis isostnu, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li, f’każ ta’ użu mill-Kummissjoni tal-informazzjoni miġbura illegalment, ikun impossibbli għalihom, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros [C‑7/04 P(R), EU:C:2004:566], li tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ rabta bejn dan l-użu u l-miżuri eventwali ta’ investigazzjoni adottati sussegwentement. Kif il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda fil-fatt, mingħajr ma kkommetta żball ta’ liġi, fil-punt 24 tad-digriet appellat, Alcogroup u Alcodis ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ tali impossibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ikkonkluda korrettament, fuq din il-bażi, li r-riskju b’hekk invokat għandu jiġi kkunsidrat bħala purament ipotetiku.

27

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li huwa wkoll korrett li l-President tal-Qorti Ġenerali osserva, b’mod iktar ġenerali, fil-punt 21 tad-digriet appellat, li Alcogroup u Alcodis kienu stidnuh, fir-realtà, li jmur lil hinn mill-kompetenzi tiegħu billi jantiċipa l-konsegwenzi li huma miksubin mill-Kummissjoni fl-ipoteżi fejn l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet inkwistjoni huma annullati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet li ser jittieħdu sussegwentement mill-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu fil-proċedura prinċipali, kif ukoll mill-Kummissjoni fuq livell amministrattiv, ma jistax jiġi eskluż li miżuri adegwati, li jikkonsistu b’mod partikolari li jiġu rtirati ċerti dokumenti mill-fajl tal-Kummissjoni, ikunu adottati fil-futur, f’każ ta’ neċessità, bil-għan li jiġi kkumpensat ksur possibbli tad-drittijiet tad-difiża ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż, f’dan l-istadju tal-proċedura, li l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tagħti ebda segwitu lill-investigazzjonijiet tagħha AT.40054 u AT.40244 fir-rigward ta’ Alcogroup u Alcodis.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis li jipprovdu li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi fir-rigward tan-neċessità li jiġu adottati l-miżuri provviżorji mitlubin biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata, ma jistgħux jirnexxu. Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

29

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Alcogroup u Alcodis jargumentaw li l-interpretazzjoni ta’ rigorożità eċċessiva, mill-President tal-Qorti Ġenerali, tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà applikabbli għat-talbiet għal miżuri provviżorji tikser il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fehma tagħhom, l-uniku mod biex tiġi żgurata tali protezzjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ kien ikun li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-atti tal-investigazzjoni li l-Kummissjoni kienet u tibqa’ tista’ tieħu wara l-ispezzjoni irregolari, peress li sentenza eventwali futura li tilqa’ r-rikors prinċipali tagħhom ma tistax tħassar retroattivament id-dannu li jirriżulta minn tali atti tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi billi ċaħad bħala inammissibbli it-tieni kap ta’ talbiet tagħhom.

30

Madankollu, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punti 24 sa 28 ta’ dan id-digriet, Alcogroup u Alcodis ma stabilixxewx la li huma jġarrbu, mill-fatt tal-assenza ta’ miżuri provviżorji msemmija mit-tieni kap ta’ talbiet tagħhom fl-ewwel istanza, dannu li huwa impossibbli li jitħassar retroattivament lanqas li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri kienet tkun neċessarja biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata. Għaldaqstant, l-argumenti tagħhom ma humiex suffiċjenti biex jiġi ppruvat li l-President tal-Qorti Ġenerali kiser il‑prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi kkunsidra li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ma kienx neċessarju f’dan il-każ.

31

Minn dan li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel aggravju ma tistax tintlaqa’.

32

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-applikazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni

33

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, Alcogroup u Alcodis jilmentaw lill-President tal-Qorti Ġenerali talli kkunsidra li l-ewwel deċiżjoni inkwistjoni kienet diġà ġiet eżegwita bis-sħiħ permezz taż-żamma tal-ispezzjoni li seħħet mill-24 sas-27 ta’ Marzu 2015 u li, għaldaqstant, fid-data tat-tressiq tat-talba għal miżuri provviżorji, id-dannu li kienu invokaw kien diġà twettaq. Skont huma, l-effetti dannużi ta’ din id-deċiżjoni ma ntemmewx meta l-ispetturi tal-Kummissjoni telqu mill-postijiet ta’ negozju tagħhom, peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet tagħti lil din l-istituzzjoni d-dritt li tippreżerva u li tanalizza d-dokumenti ssekwestrati matul din l-ispezzjoni u li, b’hekk, din kellha l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, informazzjoni miġbura mill-konsultazzjoni irregolari tad-dokumenti tad-difiża ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis.

34

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li d-dannu li kienu jinvokaw Alcogroup u Alcodis biex jitolbu lill-President tal-Qorti Ġenerali s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni kien jirriżulta mill-konsultazzjoni mill-Kummissjoni tad-dokumenti tagħhom tad-difiża fil-kuntest tal-ispezzjoni li seħħet mill-24 sas-27 ta’ Marzu 2015. Madankollu, kif il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva korrettament fil-punti 16 u 17 tad-digriet appellat, dan id-dannu twettaq fl-istess mument meta din id-deċiżjoni ġiet eżegwita, jiġifieri matul l-iżvilupp tal-ispezzjoni.

35

Ċertament, użu eventwali sussegwenti, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, ta’ dokumenti sekwestrati matul l-ispezzjoni li seħħet mill-24 sas-27 ta’ Marzu 2015, moqrija fid-dawl ta’ informazzjoni miġbura illegalment, tista’ tikkawża dannu addizzjonali lil Alcogroup u lil Alcodis. Madankollu, minkejja li l-President tal-Qorti Ġenerali kien ordna s-suspensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ewwel deċiżjoni inkwistjoni, li kienet diġà ġiet eżegwita miż-żamma ta’ din l-ispezzjoni, tali sospensjoni ma tipprekludix dan id-dannu l-ġdid li jseħħ, peress li ma kienx ikollha la l-iskop u lanqas l-effett li twaqqaf lill-Kummissjoni milli tkompli bl-analiżi tad-dokumenti diġà sekwestrati.

36

Isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ dritt fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni

37

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, Alcogroup u Alcodis jargumentaw li d-digriet appellat huwa ivvizzjat minn żball ta’ liġi sa fejn il-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra li t-tieni deċiżjoni inkwistjoni ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni, peress li tikkostitwixxi deċiżjoni negattiva. Fil-fehma tagħhom, l-għoti ta’ tali sospensjoni kien neċessarju biex jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji mitluba oħra, b’mod iktar partikolari s-sospensjoni ta’ kull att ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri AT.40054 u AT.40244 imsemmija mit-tieni kap ta’ talbiet tagħhom fl-ewwel istanza.

38

Għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija inkonċepibbli kontra deċiżjoni negattiva, bħat-tieni deċiżjoni inkwistjoni, billi l-għoti ta’ sospensjoni ma jistax ikollha bħala effett li tbiddel is-sitwazzjoni ta’ rikorrent [digrieti tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, S. vs Il‑Kummissjoni, 206/89 R, EU:C:1989:333, punt 14, u tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Moccia Irme vs Il‑Kummissjoni, C‑89/97 P(R), EU:C:1997:226, punt 45]. It-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni kellha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala inammissibbli, kif il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda fil-punti 18 u 19 tad-digriet appellat. Ma jistax ikun mod ieħor li fl-ipoteżi fejn l-għoti ta’ tali sospensjoni tista’ tkun neċessarja għall-adozzjoni ta’ waħda jew iktar minn miżuri provviżorja oħra mitluba, għall-każ fejn l-Imħallef għal miżuri provviżorji ġġudikahom ammissibbli u fondati.

39

F’dan l-aħħar rigward, peress li l-Kummissjoni kienet ċaħdet, permezz tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni, talba amministrattiva ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis intiża, essenzjalment, għall-adozzjoni tal-istess miżuri provviżorji bħal dawk li tagħhom dawn il-kumpanniji talbu sussegwentement l-għoti permezz tat-tieni kap ta’ talbiet tagħhom fl-ewwel istanza, tali neċessità setgħet teżisti meta mqabbla ma’ dan il-kap ta’ talbiet jekk dan kien ġie deċiż ammissibbli u fondat. Madankollu, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-argumenti kollha ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis diretti kontra ċ-ċaħda bħala inammissibbli, mid-digriet appellat, ta’ dan it-tieni kap ta’ talbiet ġew ukoll miċħuda fil-punti 19 sa 32 ta’ dan id-digriet.

40

Għaldaqstant kien korrett meta l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad bħala inammissibbli, fid-digriet appellat, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-tieni deċiżjoni inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li t-tielet aggravju tal-appell ma jistax jintlaqa’.

41

Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa minn Alcogroup u Alcodis dwar ir-raġunijiet li għalihom hemm lok, fil-fehma tagħhom, li jingħataw il-miżuri provviżorji li kienu talbu mingħand il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

42

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet għall-kundanna ta’ Alcogroup u ta’ Alcodis u peress li dawn tal-aħħar tilfu t-talbiet u l-aggravji tagħhom, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Alcogroup SA et Alcodis SA huma kkundannati għall-ispejjeż tal- proċedura tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.