DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-bżonn ta’ risposta għad-domanda preliminari — Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża C-322/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Google Ireland Limited,

Google Italy Srl

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

fil-preżenza ta’:

Filandolarete Srl,

Associazione Confindustria Radio Televisioni,

Federazione Italiana Editori Giornali (FIEG),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Google Ireland Limited u Google Italy Srl, minn M. Siragusa, S. Valentino u F. Marini Balestra, avukati,

għal Associazione Confindustria Radio Televisioni, minn C. San Mauro u G. Rossi, avukati,

għal Federazione Italiana Editori Giornali (FIEG), minn M. Annecchino u C. Palmieri, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li ddeċidiet, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Google Ireland Limited u Google Italy Srl fuq naħa u l’Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (Awtorità Regolatorja fil-Komunikazzjonijiet, iktar 'il quddiem l-“AGCOM”) fuq in-naħa l-oħra, dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li testendi għall-konċessjonarji tal-pubbliċità li jinnegozzjaw spazji pubbliċitarji fuq l-internet u lill-kumpanniji li s-sede tagħhom tinsab barra mill-pajjiż l-obbligu li jippreżentaw dikjarazzjoni ekonomika sistematika (iktar 'il quddiem l-“IES”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari”:

“Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

a)

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

b)

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti;

c)

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

Id-dritt Taljan

4

Id-decreto-legge n. 63, recante Disposizioni urgenti in materia du riordino dei contributi alle imprese editrici, nonché di vendita della stampa quotidiana e periodica e di pubblicità istituzionale (Digriet-liġi Nru 63, li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ organizzazzjoni mill-ġdid tal-kontribuzzjonijiet favur impriżi ta’ pubblikazzjoni kif ukoll ta’ bejgħ tal-istampa ta’ kuljum u perijodika u ta’ pubbliċità istituzzjonali), tat-18 ta’ Mejju 2012, (iktar 'il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 63/2012”), emenda l-punt 5 tal-Artikolu 1(6)(a) tal-Liġi Nru 249, Istituzione dell’Autorita per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (Liġi Nru 249, li tistabbilixxi l-Awtorità Regolatorja għall-Komunikazzjoni u regoli dwar is-sistemi ta’ telekomunikazzjoni u radjoteleviżivi), tal-31 ta’ Lulju 1997, li jobbligaw lill-konċessjonarji tal-pubbliċità li jinnegozzjaw ix-xandir ta’ pubbliċità permezz ta’ xandir permezz tar-radju jew fil-gazzetti ta’ kuljum jew perijodiċi, fuq l-internet jew fuq in-networks diġitali l-oħra fissi jew mobbli, li jinkitbu fir-reġistru tal-operaturi ta’ komunikazzjoni (iktar 'il quddiem ir-ROC”).

5

Id-Digriet-Liġi Nru 63/2012 barra minn hekk emenda l-Artikolu 43(10) tad-decreto legislativo Nru 177/2005 – Testo Unico dei Servizi di Media Audiovisivi e Radiofonici (digriet leġiżlattiv Nru 177/2005 – Test uniku dwar is-servizzi ta’ mezzi awdjoviżivi u radjofoniċi, iktar 'il quddiem it-“TUSMAR”), billi inkluda mad-dħul globali tas-Sistema Integrata tal-Komunikazzjoni, id-dħul li joriġina mill-pubbliċità online u d-diversi pjattaformi b’mod partikolari taħt forma diretta, inkluż il-muturi ta’ riċerka u n-networks soċjali u ta’ sharing.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-AGCOM qieset neċessarju, fid-dawl tal-emendi leġiżlattivi msemmija iktar 'il fuq, li testendi għall-konċessjonarji tal-pubbliċità li jinnegozzjaw spazji pubbliċitarji fuq l-internet u għall-kumpanniji li s-sede tagħhom hija stabbilita barra mill-pajjiż l-obbligu li jippreżentaw l-IES. Konsegwentement, l-AGCOM adottat, fil-25 ta’ Ġunju 2013, id-deċiżjoni Nru 397/13/CONS, li ssemmi, b’mod partikolari, fost l-operaturi ekonomiċi suġġetti għall-obbligu li jippreżentaw l-IES, il-konċessjonarji tal-pubbliċità li jinnegozzjaw spazji fuq l-internet u fuq il-pjattaformi diġitali fissi jew mobbli l-oħra [Artikolu 2(1)(e)] kif ukoll lill-persuni li d-dħul tagħhom huwa prodott fuq it-territorju nazzjonali, anki jekk huma kontabilizzati fil-bilanċ ta’ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż [Artikolu 3(5)].

7

Fl-istess ġurnata, l-AGCOM emendat, permezz tad-Deċiżjoni Nru 398/13/CONS, ir-ROC. B’hekk l-aġenziji tal-istampa ta’ importanza nazzjonali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ mezzi awdjoviżivi jew radjofoniċi u l-fornituri ta’ servizzi interattivi relatati jew ta’ servizzi ta’ aċċess kundizzjonat huma wkoll minn issa obbligati jinkitbu fir-ROC, sabiex din il-kategorija ta’ attivitajiet tiġi alinjata ma’ dik imsemmija fid-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS.

8

Fil-fatt, l-AGCOM hija tal-opinjoni li ż-żewġ sistemi ta’ ġbir ta’ informazzjoni, jiġifieri l-IES u r-ROC, huma marbuta mill-viċin u jirrispondu t-tnejn li huma għall-bżonn li tingħatalha informazzjoni kompleta dwar l-operaturi fis-settur tal-komunikazzjoni, sabiex tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha.

9

Peress li jqisu li d-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS hija illegali peress li testendi l-obbligu li tiġi ppreżentata l-IES għall-impriżi ta’ pubbliċità li joperaw fuq l-internet u li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż, Google Ireland u Google Italy ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti jitolbu wkoll lill-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi d-dritt tagħhom li ma jkunux inklużi fost il-persuni suġġetti għall-obbligu li jippreżentaw l-IES.

10

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward il-konformità mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatati magħha.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS tal-Autorità di garanzia delle Telecomunicazioni u tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatati magħha kif interpretati mill-istess awtorità, li jimponu IES kumplessa (li għandha neċessarjament tiġi redatta skont ir-regoli tal-kontabbiltà Taljani) relatata mas-servizzi offruti lill-konsumaturi Taljani, bil-għan li tkun protetta l-kompetizzjoni, iżda li huma neċessarjament marbuta mal-funzjonijiet istituzzjonali oħra, differenti u iktar limitati, li l-istess awtorità teżerċita sabiex tipproteġi l-pluraliżmu fis-settur inkwistjoni, peress li l-imsemmi obbligu ta’ dikjarazzjoni jaqa’ fuq operaturi li, madankollu, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola dan is-settur (Testo Unico dei Servizi di Media Audiovisivi e Radiofonici), speċifikament, f’dan il-każ, fuq operatur nazzjonali li jipprovdi biss servizzi lil kumpannija rregolata taħt id-dritt Irlandiż li tappartjeni għall-istess grupp u fuq din tal-aħħar, jiġifieri operatur li s-sede tiegħu ma hijiex stabbilita fit-territorju nazzjonali u ma jeżerċita ebda attività li timpjega ħaddiema bis-salarju; fi kliem ieħor, din tikkostitwixxi miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni Ewropea bi ksur tal-Artikolu 56 tat-Trattat?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

12

Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura meta hija manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

13

F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata l-imsemmija dispożizzjoni.

14

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C-370/12, EU:C:2012:756, punt 83).

15

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa (ara digrieti tat-3 ta’ Lulju 2014, Talasca, C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21; tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 18, kif ukoll sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 18).

16

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li mill-punt 22 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1) jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari għandha “tkun suffiċjentement kompleta u tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti b’mod li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll lill-partijiet interessati li għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet, li jifhmu tajjeb il-kuntest fattwali u d-dritt tal-kawża prinċipali” (digriet tat-3 ta’ Settembru 2015, Vivium, C‑250/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:569, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Hemm lok ukoll li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju ma jservux biss sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lil partijiet oħra kkonċernati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, peress li skont l-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Base Company u Mobistar, C‑1/14, EU:C:2015:378, punt 48, u tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19).

18

B’hekk, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din it-talba, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tagħti spjegazzjoni minima dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li talbet l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża quddiemha (ara, b’mod partikolari, digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, Mlamali, C‑257/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:763, punt 21, u sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 115).

19

Il-Kummissjoni, billi invokat b’mod partikolari l-ġurisprudenza skont liema talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta l-qorti nazzjonali ma tipprovdix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domanda (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 93), tikkontesta l-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

20

Hija tirreleva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi ampjament l-argumenti tal-partijiet, din tal-aħħar ma tiddeskrivix b’mod iddettaljat biżżejjed in-natura tal-obbligi imposti fuq l-operaturi ekonomiċi permezz tad-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS, u lanqas l-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-pluraliżmu, li l-effettività tagħha tiddependi mill-osservanza tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-IES.

21

Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li huwa biss l-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li jippermetti li tinftiehem il-portata, il-loġika u l-koerenza tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-pluraliżmu, li huma l-bażi tal-ġbir ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, minbarra t-test tad-domandi magħmula b’mod prelimimari, l-informazzjoni li hija msemmija fl-Artikolu 94(1) sa (c) tar-Regoli tal-Proċedura.

23

F’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-eżiġenzi msemmija fil-punti (b) u (c) ta’ dan l-artikolu, dwar, minn naħa, l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-każ ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

24

Ċertament, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, jidhrilha li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ.

25

Fil-fatt, għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi globalment il-kuntest leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ma tindikax id-dispożizzjonijiet konkretament applikabbi għat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, it-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi biss, essenzjalment, li d-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS ġiet adottata mill-AGCOM wara l-emendi leġiżlattivi msemmija fil-punti 4 u 5 ta’ dan id-digriet, sabiex jiġi estiż għall-konċessjonarji tal-pubbliċità li jinnegozzjaw spazji pubbliċitarji fuq l-internet u għall-kumpanniji li s-sede tagħhom hija stabbilita barra mill-pajjiż, l-obbligu li jippreżentaw l-IES.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Google Italy, li tippreżenta l-IES. Fil-fatt, skont din, din ir-rikorrenti, li ma toperax fis-settur awdjoviżiv jew editorjali, tillimita ruħha sabiex tipprovdi servizzi lil membri tal-grupp Google u ma għandhiex dħul mill-pubbliċità fuq l-internet.

27

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħalma huma esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jikkonċernaw biss l-estensjoni tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-IES għal operaturi ekonomiċi li jinnegozzjaw spazji pubbliċitarji fuq l-internet u li għandhom is-sede legali tagħhom fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, la l-portata u lanqas il-kontenut tal-obbligu li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie estiż, jiġifieri l-informazzjoni li dawn l-operaturi ekonomiċi għandhom, abbażi tal-IES, jipprovdu lill-AGCOM, ma huma spjegati f’din it-talba. B’mod partikolari, din tal-aħħar ma tindika mkien l-implikazzjonijiet li jirriżultaw mill-formola li l-AGCOM stabbilixxiet għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati u li jelenka l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta minn dawn tal-aħħar.

28

Fir-rigward tar-regoli dettaljati tal-obbligu li tiġi ppreżentata l-IES, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha essenzjalment sabiex tindika li din hija dikjarazzjoni “kumplessa” dwar is-“servizzi offerti lill-konsumaturi Taljani” u li “għandha neċessarjament tiġi fformulata skont ir-regoli tal-kontabbiltà Taljani”.

29

Madankollu huwa essenzjali li t-talba għal deċiżjoni preliminari tindika l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ u, skont il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, sabiex il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-konformità tal-imsemmi obbligu fid-dritt tal-Unjoni, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura, tal-kontenut u tal-portata tagħha.

30

F’din il-kawża, li s-suġġett tagħha huwa dwar possibbli ostakolu għal libertà fundamentali, il-qorti tar-rinviju, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ, ma qegħditx lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tevalwa l-eżistenza u l-portata ta’ tali ostakolu u, skont il-każ, li tiġi eżaminata utilment il-ġustifikazzjoni ta’ dan l-ostakolu, inkluż, b’mod partikolari, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ din tal-aħħar.

31

B’mod partikolari, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-obbligi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ġie estiż permezz tad-Deċiżjoni Nru 397/13/CONS għall-operaturi ekonomiċi li jinnegozzjaw spazji pubbliċitarji fuq l-internet u li għandhom is-sede legali tagħhom fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Taljana, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, għalkemm il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-pluraliżmu jikkostitwixxu, ċertament, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija biss deskrizzjoni ddettaljata biżżejjed tal-mod kif dan l-għan huwa mfittex mill-imsemmija deċiżjoni li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk u sa fejn din hija adegwata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ġenerali li hija għandha.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2015, hija manifestament inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.