Kawża C‑74/15

Dumitru Tarcău

u

Ileana Tarcău

vs

Banca Comercială Intesa Sanpaolo România SA et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Artikoli 1(1) u 2(b) — Klawżoli inġusti li jidhru f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratti ta’ kawzjoni u ta’ garanzija immobiljari konklużi ma’ stabbiliment ta’ kreditu minn persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom u ma għandhomx rabta ta’ natura funzjonali mal-kumpannija kummerċjali li għaliha huma garanti”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Novembru 2015

  1. Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kuntratti ta’ garanzija immobiljari jew ta’ kawzjoni konklużi ma’ stabbiliment ta’ kreditu minn persuni fiżiċi li jaġixxu mhux taħt titolu professjonali u mingħajr rabta funzjonali mal-kumpannija li tibbenefika mill-garanzija — Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13, l-għaxar premessa, u Artikoli 1(1) u 2(b) u (ċ))

  2. Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kunċett ta’ konsumatur — Persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ garanzija jew ta’ kawzjoni ma’ stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi assunti mill-kumpannija kummerċjali fir-rigward tal-imsemmi stabbiliment — Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, l-għaxar premessa, u Artikolu 2(b))

  1.  L-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari jew ta’ kawzjoni konkluż bejn persuna fiżika u stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet ma’ dan l‑istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta din il-persuna fiżika tkun aġixxiet għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha u li ma jkollhiex rabta ta’ natura funzjonali mal-imsemmija kumpannija.

    Fil-fatt, kif tistabbilixxi l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ), tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, l-għan tal-kuntratt, salv għall-eċċezzjonijiet elenkati mill-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Huwa għaldaqstant b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha.

    (ara l-punti 21-23, 30 u d-dispożittiv)

  2.  Il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu natura oġġettiva. Huwa għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni taqax fil-kuntest ta’ attivitajiet ’il barra mill-eżerċizzju ta’ professjoni. Hija l-qorti nazzjonali adita b’kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ u l-provi kollha, jekk il-kontraenti kkonċernat jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva.

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk persuna fiżika li timpenja ruħha li tiggarantixxi l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet ma’ stabbiliment bankarju fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu tistax titqies li hija “konsumatur” fis-sens ta’ Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li dan il-kuntratt, jekk jista’ jiġi deskritt, fir-rigward tal-għan tiegħu, bħala kuntratt aċċessorju meta mqabbel mal-kuntratt prinċipali li minnu jirriżulta d-dejn li hija tiggarantixxi, li huwa, mill-perspettiva tal-partijiet kontraenti, kuntratt distint meta jiġi konkluż bejn persuni differenti minn dawk li huma partijiet fil-kuntratt prinċipali. Għaldaqstant huwa mal-partijiet interessati f’kuntratt ta’ garanzija jew ta’ kawzjoni li għandha tiġi evalwata l-kwalità li biha dawn ikunu aġixxew. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk din il-persuna aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew minħabba rabtiet funzjonali li hija għandha ma’ din il-kumpannija, bħall-amministrazzjoni tagħha jew sehem mhux negliġibbli fil-kapital azzjonarju, jew jekk hija tkunx aġixxiet għal finijiet ta’ natura privata.

    (ara l-punti 26-29)