29.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fil-31 ta’ Diċembru 2015 – LEK Farmacevtska Družba d.d. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-700/15)

(2016/C 111/08)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: LEK Farmacevtska Družba d.d.

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 30 tan-NM jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma huwiex possibbli li prodott li l-komponent ewlieni tiegħu huwa ingredjent attiv (batterji probijotiċi) li jinsab f’supplimenti tal-ikel ikklassifikati taħt is-subintestatura tariffarja 2106 90 98 tan-NM jiġi kklassifikat f’dan il-kapitolu?

2)

Sabiex prodott jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 30 tan-NM, huwa biżżejjed li l-manifattur jippreżenta dan il-prodott, li fih ingredjent attiv li għandu effetti benefiċi ġenerali għas-saħħa u ta’ sikwit jinsab f’supplimenti tal-ikel, bħala prodott mediċinali u li jbigħu u jikkumerċjalizzah bħala tali?

3)

Fid-dawl tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti mediċinali, l-espressjoni “profil terapewtiku jew profilattiku nettament iddefinit” li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija rekwiżit ta’ klassifikazzjoni fil-Kapitolu 30, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tikkorrispondi għall-kunċett ta’ prodott mediċinali fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem?