25.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 27/23 |
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2015 minn Panasonic Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-82/13: Panasonic Corp. au MT Picture Display Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-608/15 P)
(2016/C 027/27)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Panasonic Corp. (rappreżentanti: R. Gerrits, avukat, M. Hoskins QC, M. Gray, Barrister)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjopni Ewropea, MT Picture Display Co. Ltd
Talbiet
— |
tannulla s-sentenza u d-digriet tal-Qorti Ġenerali: (i) sa fejn is-sentenza sabet li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8839 finali tal-5 ta’ Diċembru 2012 dwar proċedimenti taħt l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter) ma kinitx kisret id-drittijiet ta’ difiża u d-dritt għal smigħ ta’ Panasonic fil-perijodu qabel l-10 ta’ Frar 2003; u/jew (ii) sa fejn naqset milli tannulla totalment jew parzjalment il-konstatazzjoni fl-Artikoli 1(2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata li Panasonic u MTPD ipparteċipaw fil-ksur matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2003 u t-12 ta’ Ġunju 2006; |
— |
tannulla: (i) l-Artikolu 1(2)(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata li Panasonic ipparteċipat fl-akkordju CPT mill-15 ta’ Lulju 1999 sal-10 ta’ Frar 2003; u/jew (ii) l-Artikoli 1(2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006; |
— |
tnaqqas il-multa imposta mill-Artikolu 2(2)(f) tad-deċiżjoni kkontestata; u/jew tannulla u/jew tkompli tnaqqas il-multi imposti fuq Panasonic u MTPD mill-Artikoli 2(2)(h) u 2(2)(i) tad-deċiżjoni kkontestata kif xieraq, mil-livelli ta’ dawn il-multi stabbiliti mis-sentenza appellata għal EUR 82 826 000 u EUR 7 530 000 rispettivament; sussidjarjament |
— |
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni ulterjuri skont id-dritt; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ Panasonic li jirriżultaw minn dan l-appell. |
Aggravji u argumenti prinċipali
1 |
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat sabet li l-Kummissjoni kienet wettqet l-obbligu tagħha li tistabbilixxi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-elementi essenzjali kontra Panasonic, inkluż il-bażi li fuqha kien allegat li Panasonic kienet taf dwar l-akkordju ġenerali CPT. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tinkludi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur impliċitament iżda neċessarjament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
2 |
Il-Qorti Ġenerali għandha tagħti lil Panasonic u lil MTPD l-istess tnaqqis li jista’ jingħata lil Toshiba Corporation (iktar 'il quddiem “Toshiba”) fl-appell li tista’ tippreżenta fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien li għalih Toshiba nstabet responsabbli flimkien u in solidum ma’ Panasonic u MTPD. Fil-Kawża T-104/13 Toshiba vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kwalunkwe annullament jew bdil tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-aġir illegali tal-impriżi komuni MTPD lil Panasonic ibbenefika wkoll lil Toshiba. Konsegwentement, Panasonic issostni li, jekk Toshiba jirnexxielha tikseb digriet mill-Qorti tal-Ġustizzja li jannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata u/jew tannulla jew tnaqqas il-multa fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien li għalih Toshiba nstabet responsabbli flimkien u in solidum għal ksur ma’ Panasonic u MTPD, il-Qorti Ġenerali tkun żbaljat ukoll meta ma tatx lil Panasonic u lil MTPD l-istess tnaqqis kif kellu jingħata lil Toshiba. |