1.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/33


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2015 mir-Rumanija mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-14 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-784/14, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija

(Kawża C-599/15 P)

(2016/C 038/46)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Appellanti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: R.-H. Radu, A. Buzoianu, E. Gane u M. Chicu, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla għal kollox id-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-784/14, tiddeċiedi mill-ġdid il-Kawża T-784/14, tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla l-ittra BUDG/B3/MV D (2014) 3079038 tad-19 ta’ Settembru 2014;

jew

tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla għal kollox id-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-784/14, terġa’ tibgħat il-Kawża T-784/14 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u, fid-deċiżjoni l-ġdida, tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla l-ittra BUDG/B3/MV D (2014) 3079038 tad-19 ta’ Settembru 2014;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

L-ewwel aggravju – Irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu ħsara lill-interessi tal-Istat Rumen

Ir-Rumanija tqis li d-digriet ingħata bi ksur tal-Artikolu 130(7) flimnkien mal-Artikolu 130(8) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx u ma mmotivatx adegwatament il-kwistjoni tal-ħtieġa li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà flimkien mal-eżami fuq il-mertu.

Minkejja li ddeċidiet li ma kienx ġustifikat li tipproċedi għall-eżami konġunt tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tal-eżami fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali attribwiet ġuridikament l-obbligu ta’ ħlas fuq ir-Rumanija fl-ambitu rregolat mid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom (1) u mir-Regolament Nru 1150/2000 (2), fejn sostniet li l-Istat Rumen għandu l-obbligu, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jistabbilixxi u li jħallas l-ammont ta’ EUR 14 833,79 bħala riżorsi proprji tradizzjonali.

Wara li analizzat in-natura u l-motivazzjoni wara l-obbligu ta’ ħlas, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-mertu tal-kawża, u b’hekk, aġixxiet b’kuntrast mad-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi esklużivament fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

2.

It-tieni motiv – Ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

Ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kkwalifikat b’mod żbaljat in-natura tal-obbligi attribwiti lilha permezz tal-ittra BUDG/B3/MV D (2014) 3079038 tad-19 ta’ Settembru 2014, fejn b’hekk wettqet żball ta’ liġi li kellu effett fir-rigward (i) tal-evalwazzjoni dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni u (ii) tan-natura tal-ittra kkontestata.

Sussidjarjament, ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kisret id-dritt tal-Unjoni u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi ddikjarat li huma l-Istati Membri li għandhom jevalwaw l-eżistenza ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, kif ukoll l-eżistenza ta’ obbligu ta’ ħlas ta’ tali riżorsi.

Barra minn hekk, ir-Rumanija tikkontesta l-applikabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ ħlas b’mod provviżorju għall-każ inkwistjoni u, f’dan is-sens, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, p. 17).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).