25.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-12 ta’ Novembru 2015 – Lietuvos Respublikos transporto priemonių draudikų biuras vs Gintaras Dockevičius u Jurgita Dockevičienė

(Kawża C-587/15)

(2016/C 027/21)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti fil-kassazzjoni: Lietuvos Respublikos transporto priemonių draudikų biuras

Partijiet oħra fil-proċedimenti f’kassazzjoni: Gintaras Dockevičius u Jurgita Dockevičienė

Domandi preliminari

1.

L-Artikoli 2, 10(1) u (4) u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2009/103 (1), l-Artikoli 3(4), 5(1) u (4), l-Artikoli 6(1) u 10 tar-Regolamenti Interni (2), u l-Artikolu 47 tal-Karta (flimkien jew separati, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn:

l-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi (Uffiċċju A) iħallas il-kumpens lill-parti li tkun sofriet il-ħsara f’inċident tat-traffiku fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan l-uffiċċju minħabba l-fatt li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li kien responsabbli għad-dannu ma kienx assigurat kontra responsabbiltà ċivili;

minħabba f’dan il-kumpens, l-Uffiċċju A huwa ssurrogat fid-drittijiet tal-parti li tkun sofriet il-ħsara u jfittex rimbors għall-ispejjeż tal-ħlas tal-pretensjoni mingħand l-uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna responsabbli (Uffiċċju B);

l-Uffiċċju B, mingħajr ma jwettaq kwalunkwe investigazzjoni indipendenti jew mingħajr ma jitlob għal informazzjoni addizzjonali, jilqa’ t-talba għar-rimbors tal-Uffiċċju A;

l-Uffiċċju B jibda proċeduri legali kontra l-konvenuti (il-persuna responsabbli u l-proprjetarju tal-karozza) fejn jitlob għal kumpens għall-ispejjeż li huwa ġarrab,

l-applikant f’dawk il-proċeduri (Uffiċċju B) jista’ jibbaża l-pretensjoni tiegħu kontra l-konvenuti (il-persuna responsabbli u l-proprjetarju tal-karozza) biss abbażi tal-fatt ta’ ħlas tal-ispejjeż magħmul lill-Uffiċċju A u huwa (l-applikant) ma għandu l-ebda obbligu li jistabbilixxi li r-rekwiżiti li jirregolaw ir-responsabbiltà ċivili tal-konvenut/persuna responsabbli kienu ssodisfatti (żball tiegħu, atti illegali, rabta kawżali u l-ammont ta’ danni), u ma għandu l-ebda obbligu li jistabbilixxi li l-liġi barranija kienet ġiet applikata kif suppost meta l-parti li sofriet il-ħsara ġiet ikkumpensata?

2.

Il-punt (c) tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/103 u l-Artikolu 3(1) u (4) tar-Regolamenti Interni (flimkien jew separati, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li l-Uffiċċju A għandu, qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali li jħallas il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-parti li tkun sofriet il-ħsara, jinforma, b’mod ċara u li jinftiehem (inkluż fir-rigward tal-lingwa li fiha hija pprovduta l-informazzjoni), lill-persuna responsabbli u lill-proprjetarju tal-karozza (jekk dawn ma humiex l-istess persuna) dwar il-bidu tal-proċess li jittratta l-pretensjoni u l-progress tiegħu, u jagħtihom żmien suffiċjenti sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni, jew l-oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni li għandha tittieħed biex jitħallas il-kumpens u/jew l-ammont ta’ dak il-kumpens?

3.

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva (jiġifieri, il-konvenuti (il-persuna responsabbli u l-proprjetarju tal-karozza) jistgħu jirrikjedu li l-applikant (Uffiċċju B) jipprovdi evidenza jew jistgħu jqajjmu oġġezzjonijiet jew dubji dwar, inter alia, iċ-ċirkustanzi tal-inċident tat-traffiku, l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli, l-ammont tad-danni u kif dan ġie kkalkolat), l-Artikoli 2, 10(1) u 24(2) tad-Direttiva 2009/103 u t-tieni subparagrafu tal-Artikoli 3(4) tar-Regolamenti Interni (flimkien jew separati, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li, minkejja l-fatt li l-Uffiċċju B ma kienx, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni finali, talab lill-Uffiċċju A sabiex jipprovdi informazzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż fejn seħħ l-inċident tat-traffiku u dwar il-ħlas tal-pretensjoni, l-Uffiċċju A għandu fi kwalunkwe każ jipprovdi din l-informazzjoni lill-Uffiċċju B jekk dan tal-aħħar jitlobha sussegwentement, flimkien ma kwalunkwe informazzjoni oħra neċessarja għall-Uffiċċju B sabiex jistabbilixxi l-pretensjoni tiegħu [għall-kumpens] kontra l-konvenuti (il-persuna responsabbli u l-proprjetarju tal-karozza)?

4.

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda hija pożittiva (jiġiferi, l-Uffiċċju A għandu jinforma lill-persuna responsabbli u l-proprjetarju tal-karozza dwar il-proċess li jitratta l-pretensjoni u jgħatihom l-opportunità li jissottomettu oġġezzjonijiet dwar ir-responsabbiltà jew l-ammont tad-danni), il-fatt li l-Uffiċċju A jonqos milli josserva l-obbligu tiegħu li jipprovdi informazzjoni x’konsegwenzi jkollu:

(a)

fuq l-obbligu tal-Uffiċċju B li jilqa’ t-talba għal rimbors ippreżentata mill-Uffiċċju A;

(b)

fuq l-obbligu tal-persuna responsabbli u tal-proprjetarju tal-karozza li jikkumpensaw lill-Uffiċċju B għall-ispejjeż li ġarrab?

5.

L-Artikoli 5(1) u 10 tar-Regolamenti Interni għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li l-ammont imħallas bħala kumpens mill-Uffiċċju A lill-parti li tkun sofriet il-ħsara għandu jitqies bħala riskju li ma huwiex rimborsabbli meħud mill-Uffiċċju A innifsu (sakemm dan ir-riskju ma jkunx ittieħed mill-Uffiċċju B) iktar milli obbligu pekunjarju fuq il-persuna l-oħra involuta fl-istess inċident tat-traffiku, fid-dawl, a fortiori, taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ:

inizjalment, il-korp ta’ kumpens (Uffiċċju A) ċaħad il-pretensjoni għall-kumpens tal-parti li sofriet il-ħsara;

għal din ir-raġuni, il-parti li sofriet il-ħsara ħadet azzjoni legali sabiex tikseb kumpens;

l-azzjoni meħuda kontra l-Uffiċċju A ġiet miċħuda mill-qrati inferjuri għaliex infondata u mhux iġġustifikata minn evidenza;

ftehim bonarju bejn il-parti li sofriet il-ħsara u l-Uffiċċju A ntlaħaq biss fil-qorti superjuri, fejn din tal-aħħar sostniet li, jekk il-partijiet jirrifjutaw li jiftiehmu bonarjament, il-każ jiġi mibgħut lura għal eżami mill-ġdid;

l-Uffiċċju A ġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jiftiehem bonarjament essenzjalment abbażi tal-fatt li dan kellu jevita spejjeż addizzjonali dovuti għal tilwim ipprolongat;

f’dawn il-proċedimenti, l-ebda qorti ma stabbiliet ir-responsabbiltà (tort) tal-konvenut involut fl-inċident tat-traffiku?


(1)  Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

(2)  Regolament ġenerali tal-Kunsill tal-Uffiċċji, adottat permezz ta’ ftehim konkluż fit-30 ta’ Mejju 2002 bejn l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Assiguraturi tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Istati assoċjati l-oħra u li jidher fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/564, tat-28 ta’ Lulju 2003, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE dwar verifiki fuq assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 55).