|
11.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 7/9 |
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-540/15)
(2016/C 007/15)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Maria Patakia, Muriel Heller u Klara Talabér-Ritz)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
|
— |
Tikkonstata li, billi naqset milli tadotta l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2012/27/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE jew, skont il-każ, billi naqset milli tikkomunika dan lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva. |
|
— |
Timponi fuq ir-Repubblika Ellenika, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-pagamenti ta’ penalità tal-ammont ta’ EUR 29 145,60 kuljum mill-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
— |
Tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
|
1. |
[Ir-rikors huwa intiż għad-] Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (iktar ’il quddiem id-“direttiva”). Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li sal-2020 tintlaħaq il-mira ewlenija għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dik id-data. Hija tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprovdi sabiex ikunu stabbiliti miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020. |
|
2. |
Skont l-Artikolu 28 tad-direttiva, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Ġunju 2014, u b’mod partikolari, ma’ ċerti obbligi msemmija f’ċerti artikoli li jirreferi għalihom l-Artikolu 28, sad-dati indikati fihom, u li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri li jadottaw. Din il-komunikazzjoni, imsemmija wkoll fl-Artikolu 260(3) TFUE, hija element intrinsiku tal-obbligu li direttivi tal-Unjoni jiġu trasposti fid-dritt intern u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. |
|
3. |
Wara li segwiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 258(2) TFUE, il-Kummissjoni kkonstatat li, sa dan il-jum, ir-Repubblika Ellenika ma adottatx, fit-termini stabbiliti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-direttiva, il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-direttiva jew, skont il-każ, ma kkomunikathomlhiex u hija ddeċidiet li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors kontra r-Repubblika Ellenika sabiex tikseb dikjarazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
4. |
Fl-istess kuntest, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi pagamenti ta’ penalità fuq ir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Il-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità propost mill-Kummissjoni jissodisfa l-kriterji u l-metodu li l-Kummissjoni stabbilixxiet fil-komunikazzjoni rilevanti tagħha tal-15 ta’ Jannar 2011. |