21.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Olot (Spanja) fil-15 ta’ Otturbu 2015 – Francesc de Bolós Pi vs Urbaser, S.A.

(Kawża C-538/15)

(2015/C 429/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia de Olot

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Francesc de Bolós Pi

Konvenuta: Urbaser, S.A.

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 4(3) TUE, huwa kompatibbli mar-regolament li jistabbilixxi t-tariffa li tapplika għar-rappreżentanti legali fil-qrati (procuradores), jiġifieri d-Digriet Irjali 1373/2003 tas-7 ta’ Novembru 2003, li jissuġġetta r-remunerazzjoni tagħhom għal tariffa jew għal skala minima, li tista’ tvarja ’l fuq jew ’l isfel bi 12 % meta la l-awtoritajiet tal-Istat Membru u lanqas il-qrati ma jistgħu jitbiegħdu minn dan l-ammont minimu anki fil-każ ta’ ċirkustanzi straordinarji?

2.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija skala legali mingħajr l-applikazzjoni tal-ammonti minimi stabbiliti fiha: il-fatt li l-ammont tat-tariffi dovuti li jirriżulta bl-applikazzjoni ta’ din l-iskala huwa sproporzjonat meta mqabbel max-xogħol effettivament imwettaq jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanzi straordinarji?

3.

Id-Digriet Irjali 1373/2006 huwa kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE?

4.

Dan id-digriet irjali jissodisfa r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123/KE (1)?

5.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jinkludi d-dritt ta’ difiża effettiva quddiem determinazzjoni tat-tariffi ta’ rappreżentant legali (procurador) li jirriżultaw sproporzjonalment għolja u li ma jikkorrispondux max-xogħol li effettivament twettaq?


(1)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).