21.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) fit-18 ta’ Ottubru 2015 – Elda Otero Ramos vs Servicio Galego de Saúde, Instituto Nacional de la Seguridad Social

(Kawża C-531/15)

(2015/C 429/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Galicia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Elda Otero Ramos

Konvenuti: Servicio Galego de Saúde u Instituto Nacional de la Seguridad Social

Domandi preliminari

1)

Ir-regoli dwar l-oneru tal-prova stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ riskju waqt it-treddigħ previst fl-Artikolu 26(4) moqri flimkien mal-paragrafu 3 tal-Liġi 31/1995, tat-8 ta’ Novembru 1995, dwar il-prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol, peress li din ir-regola interna Spanjola ġiet introdotta sabiex timplementa l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (2), tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun affermattiva, jista’ jitqies li l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ infermier f’dipartiment tal-emerġenza fi sptar jinvolvi riskji għat-treddigħ, ikkonfermati fir-rapport motivat ta’ tabib, li huwa, barra minn hekk, il-kap tad-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar fejn il-ħaddiema tipprovdi s-servizzi tagħha, jista’ jippreżumi li teżisti diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, jista’ jitqies li l-fatt li l-pożizzjoni okkupata mill-impjegata hija indikata bħala ħielsa minn riskji fil-lista rikapitulattiva tal-pożizzjonijiet tax-xogħol magħmula mill-impriża wara konsultazzjoni minn qabel ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-fatt li d-dipartiment ta’ mediċina preventiva u ta’ prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol fl-isptar ikkonċernat ħareġ dikjarazzjoni li hija kapaċi għax-xogħol, fejn l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma fih iktar spjegazzjoni dwar il-mod kif huma laħqu dawn il-konklużjonijiet, huma biżżejjed sabiex jintwera, fil-każijiet kollha u mingħajr il-possibilita ta’ kontestazzjoni, li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 19 imsemmi iktar 'il fuq?

4)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv u dik għat-tielet domanda tkun negattiva: ladarba jintwera li x-xogħol jinvolvi riskji għall-omm jew għat-tarbija li hija tredda’, liema waħda mill-partijiet, il-ħaddiema rikorrenti jew il-persuna li timpjega, għandha, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54, l-oneru li tipproduċi l-prova (1) li l-adattament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħinijiet tax-xogħol ma huwiex possibbli jew li, minkejja tali adattament, il-kundizzjonijiet ta’ pożizzjoni tax-xogħol jistgħu jinfluwenzaw b’mod negattiv is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tat-tarbija li tredda’ (Artikolu 26(2) tal-Liġi 31/1995, tat-8 ta’ Novembru 1995, dwar il-prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol, moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, li jittrasponi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85), u (2) li l-bidla tal-pożizzjoni ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli, jew ma tistax tiġi rikjesta b’mod raġonevoli għal motivi debitament iġġustifikati (Artikolu 26(3), moqri flimkien mal-paragrafu 4 tal-istess artikolu tal-Liġi 31/1995, tat-8 ta’ Novembru 1995, dwar il-prevenzjoni ta’ riskji fuq il-post tax-xogħol, li jittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85)?


(1)  ĠU L 204, p. 23

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110