18.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 16/14


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-502/15)

(2016/C 016/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Mifsud-Bonnici u E. Manhaeve, aġenti)

Konvenuta: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

tiddikkjara li r-Renju Unit, billi naqas milli japplika b’mod korrett id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KE (1), tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, fir-rigward ta’ Gowerton and Llanelli, Gibraltar u 11-il agglomerazzjoni oħra, naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikoli 3, 4, 5 u 10 tad-Direttiva 91/271/KEE;

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikkjara li r-Renju Unit naqas milli jimplementa b’mod korrett, f’Gowerton and Llanelli, Gibraltar u 11-il agglomerazzjoni oħra, id-Direttiva tal-Kunsill dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod partikolari, li r-Renju Unit ma żgurax li l-ilma miġbur f’sistema kkumbinata ta’ trattament tal-ilma urban mormi u tax-xita f’Gowerton and Llanelli jinżamm u jitwassal għal trattament skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 4, 10 u l-Anness I(A) u l-Anness I(B) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jew billi ma pprovdiex trattament sekondarju jew ekwivalenti jew billi ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni sabiex juri li segwa f’dan ir-rigward id-Direttiva 91/271/KEE fir-rigward ta’ tliett agglomerazzjonijiet, kif ukoll billi ma ssuġġetta l-ilma urban mormi f’Gibraltar għal ebda trattament, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4, l-Anness I(B) u l-Anness I(D) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE.

Fl-aħħar nett, hija ssostni li r-Renju Unit ma segwiex korrettement l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5, l-Anness I(B) u l-Anness I(D) tad-Direttiva 91/271/KE, peress li naqas milli jiżgura li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir minn tmien agglomerazzjonijiet, qabel ma jintrema f’żoni sensittivi, ikun suġġett għal trattament iktar strett.

Il-perijodu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva skada fit-30 ta’ Ġunju 1993.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.