9.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/17


Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-314/13, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-495/15 P)

(2015/C 371/20)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Recchia u P. Guerra u Andrade, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2015 mogħtija fil-Kawża T-314/13;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni;

tikkundanna lill-Istat Portugiż għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ dan ir-rikors.

Aggravji u argumenti prinċipali

Aggravji – Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, billi ddeterminat li l-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, fil-kuntest tal-Fond ta’ Koeżjoni, fit-terminu stabbilit mill-att normattiv bażiku mid-data tas-seduta tal-Istat Membru.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, billi ddeterminat li t-terminu sabiex il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja huwa terminu imperattiv, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jagħti lok għal ksur materjali li jinvalida d-deċiżjoni adottata tardivament.

Argumenti prinċipali – Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ inkwistjoni, ma kienx applikabbli l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 (1), iżda kien applikabbli l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 (2). Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1083/2006 hija żbaljata. L-Artikolu 108 japplika biss għal proġetti kofinanzjati li kienu approvati konformement mar-regoli l-ġodda (perijodu 2007 – 2013). Fil-każ inkwistjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, ir-regola applikabbli kienet l-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94. Skont il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1164/94 ma ppreveda ebda terminu li fih il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ffissa ebda terminu imperattiv li fih il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet ta’ korrezzjoni finanzjarja. L-għan essenzjali tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja huwa marbut mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Madankollu, il-liġi ma tipprevedi ebda sanzjoni u ma tipprevedi ebda konsegwenza fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu. It-terminu sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja huwa terminu indikattiv.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju tal-2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 ( ĠU L 210, p. 25).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9)