23.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 389/18 |
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2015 minn FSL Holdings, Firma Léon Van Parys, Pacific Fruit Company Italy SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-16 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-655/11, FSL Holdings et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-469/15 P)
(2015/C 389/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: FSL Holdings, Firma Léon Van Parys, Pacific Fruit Company Italy SpA (rappreżentanti: P. Vlaemminck, C Verdonck, B. Van Vooren, J. Auwerx, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali minħabba l-użu ta’ provi miksuba bi ksur totali tal-proċedura prevista għall-istabbiliment tagħhom u minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002 u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011 fl-intier tagħha; |
— |
sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx stħarriġ ġudizzjarju sħiħ tal-multa imposta fuq l-appellanti u, konsegwentement, tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-multa imposta fuq l-appellanti permezz tas-sentenza appellata; |
— |
iktar sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx validament li l-ksur kellu bħala għan jew effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u għaldaqstant, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni; |
— |
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jibbażaw l-appell tagħhom fuq erba’ aggravji:
— |
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, kif ukoll il-forom proċedurali sostanzjali, meta ċaħdet l-ilment tagħhom ibbażat fuq l-illegalità tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ dokumenti miġbura mill-awtoritajiet fiskali Taljani f’investigazzjoni fiskali nazzjonali, u l-konsegwenzi ta’ din l-illegalità. Fl-ewwl lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu distint skont id-dritt tal-Unjoni li tevita li d-drittijiet fundamentali tad-difiża jkunu jistgħu jiġu irrimedjabbilment ippreġudikati matul il-fażi amministrattiva ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat il-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, kif ukoll tal-forom proċedurali sostanzjali kif riflessi fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament 1/2003 (1). Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi żnaturat it-tifsira ċara tal-provi sottomessi lilha, meta qieset li l-illegalità tal-kisba tad-dokumenti użati bħala provi mill-Kummissjoni kienet irrilevanti. |
— |
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma kkritikatx lill-Kummissjoni talli tat l-immunità lill-applikant għall-immunità fir-rigward tal-Ewropa tan-nofsinhar u, għaldaqstant, ma applikatx b’mod konsistenti l-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002. B’mod iktar speċifiku, l-appellanti jsostnu li ebda immunità ma kellha tingħata lill-applikant għall-immunità fir-rigward tal-Ewropa tan-nofsinhar u, għaldaqstant, li d-dikjarazzjonijiet orali kollha tal-applikant għall-immunità u l-informazzjoni kollha miksuba wara t-talbiet għal informazzjoni bbażati fuq dawn id-dikjarazzjoni orali kellhom jiġu rtirati mill-proċess tal-każ ineżami. |
— |
Sussidjarjament, permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li hija ma pprovdietx protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra sanzjoni ta’ natura kriminali imposta fuqhom mill-Kummissjoni, u dan minkejja l-ġurisdizzjoni sħiħa imposta fuq il-Qorti Ġenerali bl-Artikolu 31 tar-Regolament 1/2003 u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stipulat fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta. L-appellanti jsostnu wkoll li, billi naqset milli tipprovdihom b’tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali kkalkolat b’mod żbaljat il-multa. |
— |
Iktar sussidjarjament, permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan, li, finalment, wassal għal klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti u għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. |
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, Ġabra Uffiċjali, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.