26.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/27


Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2015 minn PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-25 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-26/12, PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-468/15 P)

(2015/C 354/29)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) (rappreżentant: D. Luff, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, Sasol Olefins & Surfactants GmbH, Sasol Germany GmbH

Talbiet

tilqa’ l-appell u tiddikjarah fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il-Kunsill (T-26/12, EU:T:2015:437);

taqta’ l-kawża b’mod definittiv, billi tilqa’ l-pretensjonijiet esposti minn PT Musim Mas quddiem il-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, tannulla d-dazju antidumping impost fuq ir-rikorrenti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011 (1), tat-8 ta’ Novembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2012 (2), tal-11 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1138/2011;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħhom u għal dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tal-erba’ aggravji esposti iktar 'il fuq.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 [, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea] billi applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda u billi kkonkludiet li r-rikorrenti u ICOF S ma jifformawx entità ekonomika waħda.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 [, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea] billi ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill kien wera b’mod suffiċjenti li l-funzjonjiet eżerċitati mill-ICOF S kienu analogi għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet. Il-Qorti Ġenerali segwiet raġunament diskriminatorju u insuffiċjenti abbażi tal-provi disponibbli.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 [, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea] billi ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill ma kienx ippreġudika indebitament is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni billi aċċettat, b’mod żbaljat, li l-Kunsill juża biss il-provi tiegħu filwaqt li jinjora l-provi u l-informazzjoni rilevanti prodotti mir-rikorrenti matul l-investigazzjoni antidumping.


(1)  ĠU L 293, p. 1.

(2)  ĠU L 352, p. 1.