23.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fit-28 ta’ Awwissu 2015 – BASF SE vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-456/15)

(2015/C 389/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BASF SE

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

1)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE (1) hija nulla u kuntrarja għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE sa fejn tistabbilixxi l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi b’tali mod li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE (limitu impost fuq l-industrija), l-emissjonijiet ta’ gassijiet residwi li jintużaw sabiex jipproduċu l-elettriku u l-emissjonijiet ikkawżati mill-produzzjoni tas-sħana mill-koġenerazzjoni ma ttiħdux inkunsiderazzjoni?

2)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u kuntrarja għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE sa fejn toħloq żbilanċ billi teskludi l-emissjonijiet ikkawżati mill-kombustjoni ta’ gassijiet residwi u mis-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni mill-bażi ta’ kalkolu prevista fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b), meta dawn jagħtu dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas konformement mal-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE u mad-Deċiżjoni 2011/278/UE (2) għal installazzjoni li ma tkunx koperta mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE?

3)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u kuntrarja għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE sa fejn tistabbilixxi l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi b’tali mod li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE (limitu impost fuq l-industrija), l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li ġew suġġetti għas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet biss matul it-tieni perijodu kif ukoll tal-installazzjonijiet inklużi f’din is-sistema fuq il-bażi tal-għażla (“opt-in”) ma ttiħdux inkunsiderazzjoni?

4)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u kuntrarja għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE sa fejn tistabbilixxi l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi b’tali mod li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE (limitu impost fuq l-industrija), l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet magħluqa qabel it-30 ta’ Ġunju 2011 kienu suġġetti għal tnaqqis, filwaqt li l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li bdew jiffunzjonaw biss matul it-tieni perijodu ma ġewx inklużi?

5)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u kuntrarja għall-prinċipju tal-istat tad-dritt dedott minn amministrazzjoni tajba stabbilit bl-Artikolu 298 TFUE u bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi, minħabba li l-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni ma ġiex ikkomunikat?


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, p. 27).

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [notifikata bid-dokument numru C(2011) 2772] (ĠU L 130, p. 1).