26.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn The Labour Court (l-Irlanda) fit-13 ta’ Awwissu 2015 – Dr David L. Parris vs Trinity College Dublin, Higher Education Authority, Department of Public Expenditure and Reform, Department of Education and Skills

(Kawża C-443/15)

(2015/C 354/26)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

The Labour Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Dr David L. Parris

Konvenuti: Trinity College Dublin, Higher Education Authority, Department of Public Expenditure and Reform, Department of Education and Skills

Domandi preliminari

1)

Għandha titqies bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE (1), l-applikazzjoni ta’ regola ta’ skema ta’ pensjoni professjonali li tillimita l-ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili superstiti ta’ membru affiljat tal-iskema fil-mument tal-mewt ta’ dan tal-aħħar, b’kundizzjoni li l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili superstiti tiegħu jkunu kkuntrattaw l-unjoni ċivili tagħhom qabel l-għeluq tas-sittin sena tal-membru affiljat, meta d-dritt nazzjonali ma kienx jippermettilhom li jikkuntrattaw unjoni ċivili qabel ma l-membru affiljat għalaq l-età ta’ sittin sena u meta l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili tiegħu kienu fformaw unjoni tal-ħajja dejjiema qabel din id-data?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv,

2)

għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE, il-fatt li fornitur ta’ benefiċċji taħt skema ta’ pensjoni professjonali jillimita d-dritt għall-pensjoni tas-superstiti għas-sieħeb ċivili superstiti ta’ membru affiljat mal-mewt ta’ dan tal-aħħar billi jeżiġi li l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili tiegħu jkunu kkonkludew l-unjoni ċivili tagħhom qabel ma l-membru affiljat għalaq is-sittin sena tiegħu, fejn

(a)

l-istipulazzjoni tal-età li fiha huwa meħtieġ li membru affiljat ikun ikkonkluda unjoni ċivili ma tkunx kriterju użat fil-kalkoli attwarjali u

(b)

id-dritt nazzjonali ppermetta lill-membru affiljat u lis-sieħeb ċivili tiegħu jikkuntrattaw unjoni ċivili biss wara li l-membru affiljat għalaq is-sittin sena tiegħu, meta dan tal-aħħar u s-sieħeb ċivili tiegħu kienu fformaw unjoni tal-ħajja dejjiema qabel din id-data?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fin-negattiv,

3)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni kontra d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE fil-każ li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet dedotti minn skema ta’ pensjoni professjonali deskritti fl-ewwel u fit-tieni domanda iktar ’il fuq ikunu dovuti għall-effett konġunt tal-età u tal-orjentazzjoni sesswali ta’ membru affiljat f’din l-iskema?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.