26.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/22


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-433/15)

(2015/C 354/25)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Rossi, D. Nardi, J. Guillem Carrau, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

a)

tiddikjara li, billi ma ggarantitx li l-imposta addizzjonali dovuta għall-produzzjoni eċċessiva għal-livell tal-kwota nazzjonali, imwettqa fl-Italja, mill-ewwel kampanja ta’ impożizzjoni effettiva tal-imposta addizzjonali fl-Italja (1995/1996) sal-aħħar kampanja li fiha fl-Italja seħħet produzzjoni eċċessiva (2008/2009), ġiet effettivament addebitata lill-produtturi individwali li kkontribwew għal kull qbiż ta’ produzzjoni, kienet ukoll imħallsa tempestivament, man-notifika tal-ammont dovut minnhom, mix-xerrej jew il-produttur, f’każ ta’ bejgħ dirett, jiġifieri, meta ma tħallsitx fit-termini previsti, irreġistrata u eventwalment eżegwita mix-xerrejja u l-produtturi stess, il-Gvern Taljan naqqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kampanji kkonċernati, u speċifikatament mill-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 3950/92 (1); mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 (2); mill-Artikoli 79, 80 u 83 tar-Regolament (KE) 1234/2007 (3); kif ukoll, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni mill-Kummissjoni, mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 536/1993 (4); mill-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1392/2001 (5) u, fl-aħħar nett, mill-Artikoli 15 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 595/2004 (6);

b)

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talba tagħha, il-Kummissjoni targumenta li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani jew fi kwalunkwe każ miksuba matul il-proċedura prekontenzjuża, l-ammont tal-imposta addizzjonali li kienet għadha ma ġietx irkuprata tikkorrispondi għal EUR 1  343 miljuni. L-ammont totali tal-imposta addizzjonali li ġiet effettivament rkuprata tikkorrispondi għal madwar EUR 282 miljuni fuq total impost bħala taxxa ta’ EUR 2  305 miljuni, matul il-perijodu tal-ewwel kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li fiha s-sistema tal-imposta addizzjonali ddaħħlet formalment fl-Italja (Kampanja 1995/1996) sal-aħħar kampanja li fiha ġiet irreġistrata produzzjoni eċċessiva (Kampanja 2008/2009). Wara t-tnaqqis tas-somom netti koperti mill-pjani ta’ ħlas rateali (EUR 469 milijuni) u tas-somom iddikjarati irrekuperabbli (EUR 211 miljuni), ir-relazzjoni bejn it-taxxa effettivament miġbura u dak li baqa’ x’jinġabar bħala somom netti li huma s-suġġett ta’ pjani rateali u tal-ammonti ddikjarati irrekuperabbli jikkorrispondi għal 21 %. Essenzjalment, is-somom effittivament irkuprati jikkorrispondu għal inqas minn kwart ta’ dawk li għandhom jiġu rkuprati fid-data ffissata mill-opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tirrileva li l-perċentwali bejn is-somom effettivament rkuprati u dawk imposti, għal kull kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata, għal dawk li jirrigwardaw il-pjani rateali u ta’ dawk iddikjarati irrekuperabbli, juru n-nuqqas ta’ effettività tas-sistema ta’ taxxa tal-imposta addizzjonali, peress li ġeneralment kienet inqas minn 21 %, matul il-perijodi kkunsidrati, u minkejja li fi tmiem tat-terminu ffissat mill-opinjoni motivata kienu għaddew iktar minn ħames anni mit-tmiem tal-aħħar kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni li fiha kien ġie rreġistrat eċċess ta’ produzzjoni fl-Italia.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni adottata mill-Italja, skont liema l-irkupru effettiv tas-somom dovuti bħala taxxa kien ostakolat minn diversi azzjonijiet li għadhom pendenti li ġew imressqa mid-debituri kontra t-talbiet għal ħlas, il-Kummissjoni ressqet l-informazzjoni dwar is-somom effettivament irkuprati fir-rigward ta’ dawk li għadhom iridu jiġu rkuprati li għalihom il-ħlasijiet ma humiex ikkontestati, għal kull kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata. L-informazzjoni turi li fuq madwar EUR 1  068 miljun eżiġibbli, huma biss EUR 241 miljuni li ġew irkuprati, li jikkorrispondu għal 23 % ta’ dak eżiġibbli, mingħajr ma teżisti ebda ġustifikazzjoni f’dak ir-rigward.

Peress li l-funzjoni tal-imposta addizzjonali hija li tiskoraġġixxi l-produzzjoni eċċessiva ta’ ħalib fir-rigward tal-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali (KRN), in-nuqqas perdurat ta’ rkupru ta’ somom daqstant kbar, 20 sena wara d-dħul tas-sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni fl-Italja, u sitt snin mill-aħħar qbiż irreġistrat tal-KRN Taljan iddetermina it-telf ta’ effettività tas-sistema tal-imposta addizzjonali kif mixtieq mil-leġiżlatur, kif jidher ukoll mill-qbiż kontinwu li seħħ f’kull waħda mill-kampanji mill-1995/1996 sal-2008/2009.

Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ rkupru ta’ somom daqstant kbar fir-rigward tal-imposta addizzjonali hija imputabbli għal atti ta’ negliġenza speċifiċi tar-Repubblika Taljana, li jispjegaw in-nuqqas ta’ effettività tas-sistema ta’ intaxxar tal-imposta addizzjonali fl-Italja, fil-perijodu inkwistjoni.

l-ewwel nett, il-konfużjoni leġiżlattiva li kkaratterizzat ir-regoli ta’ implementazzjoni Taljani kkawżat ritard fl-effettività ta’ implementazzjoni tas-sistema ta’ taxxa fl-Italja u volum anomalu ta’ kawżi li kellu l-effett li jinibixxi l-ġbir tagħha, minħabba s-sospensjoni tal-ħlasijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali bħala miżura kawtelatorja.

It-tieni nett, l-Italja ma użatx b’mod effikaċji l-mekkaniżmi amministrattivi disponibbli kollha sabiex tirkupra effikaċjament is-somom dovuti bħala taxxa, bħala tpaċija. Il-possibbiltà ta’ tpaċija bejn it-taxxa li kellha tinġabar u l-għajnuna mogħtija fl-ambitu tal-politika agrikola komuni ddaħħlet b’mod ineffikaċji u tardiv u sal-lum għadhom jeżistu liġijiet Taljani li jostakolaw l-implementazzjoni tagħha.

It-tielet nett, il-proċeduri ta’ ġbir ġew prinċipalment ibblukkati mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi 33/2009 sa issa, minħabba l-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jew ftehim kuntrattwali bejn l-awtoritajiet u l-entitajiet involuti li huma neċessarji għat-tkomplija ta’ dawk il-proċeduri.

Ir-raba’ nett, jirrżulta lill-Kummissjoni li, minħabba żbalji metodoloġiċi min-naħa tal-awtoritajiet inkarigati mill-proċedura ta’ rkupru, somom li huma eżiġibbli ġew ikkunsidrati b’mod żbaljat mhux rekuperabbli, li rriżultaw f’nuqqasijiet ulterjuri fl-effettività tal-ġbir tal-imposta addizzjonali.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi taxxa miżjuda fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU L 405, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 391).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93 tad-9 ta’ Marzu 1993 li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ l-imposta addizzjonali fuq ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU L 57, p 12).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 187, p. 19).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 333).