28.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/19


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2015 minn Timab Industries, Cie financière et de participations Roullier (CFPR) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-20 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża T-456/10, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-411/15 P)

(2015/C 320/27)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Timab Industries, Cie financière et de participations Roullier (CFPR) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Mejju 2015, mogħtija fil-Kawża T-456/10;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa;

b’mod inċidentali, tikkonstata li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura ġudizzjarja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames motivi ta’ annullament.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli relatati mal-oneru tal-prova u kisret id-drittijiet tad-difiża billi kkunsidrat li kien l-obbligu tar-rikorrenti li jippruvaw, matul il-proċedura ta’ tranżazzjoni, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju qabel l-1993.

Fit-tieni lok, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali tali kisret id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu kif ukoll id-drittijiet tad-difiża. Il-Qorti Ġenerali kisret is-setgħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha billi ma kkontrollatx l-obbligu probatorju tal-Kummissjoni inkwantu għall-klassifikazzjoni tal-allegati “ammissjonijiet” tar-rikorrenti, liema kellu influwenza kunsiderevoli fuq l-istabbiliment tal-ammont tal-multa.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret il-portata tas-setgħa tagħha tal-ġurisdizzjoni sħiħa billi kkunsidrat bħala “elementi ġodda” ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni, wara l-irtirar tar-rikorrenti mill-proċedura ta’ tranżazzjoni, tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju bejn l-1978 u l-1992 biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ multa miżjuda għal ksur ta’ tul imnaqqas b’mod sinjifikattiv ferm.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kisret is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li vvizzjat is-sentenza tagħha minn kontradizzjoni ta’ motivi, twettqu żbalji ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-proċedura ta’ tranżazzjoni u nkisru l-prinċipji ta’ aspettativi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament billi approvat is-soppressjoni kważi integrali tat-tnaqqis għall-koperazzjoni mogħtija matul il-proċedura ta’ tranżazzjoni, li r-rikorrenti ma setgħux raġonevolment jantiċipaw f’tali proporzjonijiet.

Fl-aħħar lok, l-appellanti jilmentaw lill-Qorti Ġenerali li kisret is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-piena.

B’mod inċidentali, l-appellanti jitolbu fl-aħħar nett lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq, bi ksur tal-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura.