5.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/5


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2015 minn Ackermann Saatzucht GmbH & Co.KG, Böhm-Nordkartoffel Agrarproduktion GmbH & Co. OHG, Deutsche Saatveredelung AG, Ernst Benary, Samenzucht GmbH, Freiherr Von Moreau Saatzucht GmbH, Hybro Saatzucht GmbH & Co. KG, Klemm + Sohn GmbH & Co. KG, KWS Saat AG, Norddeutsche Pflanzenzucht Hans-Georg Lembke KG, Nordsaat Saatzuchts GmbH, Peter Franck-Oberaspach, P. H. Petersen Saatzucht Lundsgaard GmbH, Saatzucht Streng – Engelen GmbH & Co. KG, Saka Pflanzenzucht GmbH & Co. KG, Strube Research GmbH & Co. KG, Gartenbau und Spezialkulturen Westhoff GbR, W. von Borries-Eckendorf GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża T-559/14, Ackermann Saatzucht GmbH & Co. KG et vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-408/15 P)

(2015/C 328/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ackermann Saatzucht GmbH & Co.KG, Böhm-Nordkartoffel Agrarproduktion GmbH & Co. OHG, Deutsche Saatveredelung AG, Ernst Benary, Samenzucht GmbH, Freiherr Von Moreau Saatzucht GmbH, Hybro Saatzucht GmbH & Co. KG, Klemm + Sohn GmbH & Co. KG, KWS Saat AG, Norddeutsche Pflanzenzucht Hans-Georg Lembke KG, Nordsaat Saatzuchts GmbH, Peter Franck-Oberaspach, P. H. Petersen Saatzucht Lundsgaard GmbH, Saatzucht Streng – Engelen GmbH & Co. KG, Saka Pflanzenzucht GmbH & Co. KG, Strube Research GmbH & Co. KG, Gartenbau und Spezialkulturen Westhoff GbR, W. von Borries-Eckendorf GmbH & Co. KG (rappreżentanti: P. de Jong, avukat, P. Vlaemminck, B. Van Vooren, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tikkonstata li l-Qorti Ġenerali, fid-digriet tagħha fil-Kawża T-559/14, wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti ma kinux ikkonċernati individwalment bir-Regolament (EU) Nru 511/2014 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri ta’ konformità għall-utenti mill-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom fl-Unjoni;

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali fill-Kawża T-559/14 kollu kemm hu, u tiddikjara li l-appellanti huma direttament u individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, u għaldaqstant tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex taqta’ l-kawża fuq il-mertu.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv tal-appell – L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li huma ma humiex ikkonċernati individwalment bir-regolament ikkontestat. Huma jsostnu li huma individwalment ikkonċernati fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE peress li hemm kunflitt ġuridiku bejn żewġ trattati internazzjonali li tagħhom hija parti kontraenti l-UE (il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti, u l-Protokoll ta’ Nagoya tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika), li minnhom l-ewwel waħda timplementa l-Artikolu 13 tal-Karta tal-UE dwar il-libertà tar-riċerka xjentifika. Sussegwentement, iż-żewġ trattati internazzjonali ġew implementati mill-UE f’zewġ regolamenti direttament effettivi: ir-regolament preċedenti 2100/94 li jirrikonoxxi d-dritt fundamentali tal-libertà ta’ ricerka favur l-appellanti, filwaqt li r-regolament ikkontestat li ħareġ wara jillimitaha drastikament. F’kull regolament, l-ebda intervent leġiżlattiv fil-livell tal-Istat Membru ma huwa meħtieġ jew saħansitra permess taħt id-dritt tal-UE, u l-ebda att implementattiv jew ta’ delega ma għandu jiġi adottat fuq livell tal-UE.

F’dan il-kuntest legali, l-appellanti jsostnu li huma individwalment (u direttament) ikkonċernati fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE għaliex qed jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin: huma membri ta’ klassi ġuridika ta’ persuni ddefiniti b’ “attributi ġuridiċi speċifiċi” (bħala benefiċjarji ta’ dritt konkret ta’ access liberu għal materjal ta’ stabbiliment kummerċjali, i.e. l-eżenzjoni ta’ min irabbi) li ma jinsabx fir-regolament ikkontestat innifsu imma f’regolament direttament effettiv ieħor li ma jeżiġix implementazzjoni ulterjuri fuq livell nazzjonali; li b’hekk ir-regolament ikkontestat jinsab f’kunflitt ma regoli superjuri tad-dritt, liema regoli superjuri huma l-Artikolu 13 tal-Karta tal-UE kif ukoll il-ftehim internazzjonali li tiegħu l-UE hija parti kontraenti; li b’hekk il-klassi ġuridika hija magħluqa u assoluta, li tirrendi lill-appellanti individwalment ikkonċernati mhux biss f’termini soċjoekonomiċi, imma anki legali, ġaladarba din hija biss eżenzjoni fundamentali unika ta’ min irabbi, mingħajr ma taffettwa drittijiet oħra simili.

It-tieni motiv tal-appell – L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma tatx deċiżjoni fuq jekk il-leġiżlatura tal-UE kellhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sitwazzjoni tal-appellanti fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet espressi ta’ regoli tad-dritt ġerarkikament superjuri, fejn ir-regolament ikkontestat jimponi fuq l-appellanti relazzjoni kuntrattwali li tmur kontra ir-regola tad-dritt superjuri, speċifikament l-Artikolu 13 tal-Karta tal-UE.

It-Tielet motiv tal-appell – L-appellanti jsostnu li konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà twassal għal lakuna fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-UE, li tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE. Minn naħa, min irabbi l-pjanti għandu drittijiet ġejjin direttament mir-regolament CPVR, li huwa l-implementazzjoni mill-UE tal-Artikolu 13 tal-Karta tal-UE u tal-obbligi internazzjonali tal-UE taħt il-konvenzjoni UPOV. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ikkontestat 511/2014 jimponi obbligu ta’ diliġenza li huwa effettiv direttament, li bih ir-regolament ikkontestat huwa huwa nnifsu l-implementazzjoni tal-Protokoll Nagoya li tiegħu l-UE hija parti kontraenti. Fiż-żewġ każijiet, ma hija neċessarja bl-ebda mod implementazzjoni ulterjuri, u ma hijiex permessa legalment taħt id-dritt tal-UE, la mill-istituzzjonijiet tal-UE (fil-forma ta’ atti regolatorji tal-UE), u lanqas mill-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, l-Artikolu 267 TFUE ma jagħtix possibbiltà għal stħarriġ ġudizzjarju, u lanqas ma ser ikun hemm atti regolatorji fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE. L-appellanti jsostnu li, meta wieħed japplika l-kriterju tal-punt 92 tas-sentenza Inuit (C-583/11 P) li bih il-livell xieraq ta’ stħarriġ ġudizzjarju huwa marbut mar-responsabbiltà għall-implementazzjoni tal-miżura kkontestata, l-unika konklużjoni għandha tkun li, f’dan il-każ, l-azzjoni diretta taħt l-Artikolu 263 TFUE hija l-unika triq disponibbli għal stħarriġ ġudizzjarju.


(1)  ĠU L 150, p. 59