12.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/6


Appell ippreżentat fit-24 ta’ Lulju 2015 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmiem Awla) fit-13 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża T-15/13 – Group Nivelles vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) – Easy Sanitairy Solutions (miżieb għall-ħruġ tad-doċċa)

(Kawża C-405/15)

(2015/C 337/08)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentanti: S. Bonne u M. A. Folliard Monguiral, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Group Nivelles NV u Easy Sanitairy Solutions BV

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lir-rikorrent u lill-intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 63(1) tar-[Regolament Nru 6/2002 (1)] billi qieset li d-disinn preċedenti invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa “l-mekkaniżmu kollu ta’ evakwazzjoni tal-likwidi, propost mill-impriża Blücher”. Il-grupp Nivelles invoka biss il-plakka ta’ rkupru murija kemm mill-impriża Blücher kif ukoll mill-impriżi l-oħra, indipendentement mill-forma tat-tank;

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-[Regolament Nru 6/2002], moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 6/2002] billi qieset li l-Uffiċċju kien marbut li jqabbel id-disinn Komunitarju kkontestat ma’ disinn preċedenti li kien ir-riżultat tal-kombinazzjoni ta’ żewġ komponenti distinti, murija f’żewġ dokumenti differenti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 6/2002], id-disinn ikkontestat ma jistax jitqabbel ma’ “assemblaġġ ta’ elementi speċifiċi jew ta’ partijiet ta’ disinni preċedenti, imma ma’ disinni preċedenti individwali u ddeterminati”. Id-dehra ta’ prodott assemblat b’dan il-mod tista’ xi drabi tiġi dedotta mid-dehra tal-partijiet kostituttivi tiegħu, imma din id-dehra globali tibqa’ ipotetika jew, f’kull każ, suġġetta għal approssimazzjoni kbira. Issa, il-kunċett ta’ identiċità bejn żewġ disinni, imsemmija fl-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 6/2002], ma tippermettix eżami komparattiv ibbażat fuq ipoteżijiet jew fuq approssimazzjonijiet;

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-[Regolament Nru 6/2002], moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7(1) tar-[Regolament Nru 6/2002] billi qieset li, fil-każ fejn id-disinni mqabbla jiġu inkorporati fi prodotti li n-natura jew id-destinazzjoni tagħhom tkun differenti, din id-differenza tista’ timplika l-impossibbiltà għall-utent avżat rilevanti li jagħraf id-disinn preċedenti. L-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 6/2002] jwettaq finzjoni ġuridika li biha kull disinn li jiġi “magħmul disponibbli għall-pubbliku” huwa preżunt li jkun magħruf kemm mill-pubbliku professjonali tas-settur ikkonċernat mid-disinn preċedenti kif ukoll mill-pubbliku tal-utenti avżati tat-tip ta’ prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat. Ġaladarba l-iżvelar tad-disinn preċedenti jiġi stabbilit, wieħed għandu jqis li l-utent avżat rilevanti ikun jaf kemm id-disinn preċedenti kif ukoll il-modalitajiet ta’ użu tiegħu, kif jirriżulta mill-provi u mill-argumenti mressqa mill-partijiet.


(1)  Regolament (KE) nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27. p. 142).