12.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/3


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2015 minn Easy Sanitary Solutions BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża T-15/13 – Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitary Solutions (Shower drainage channel)

(Kawża C-361/15 P)

(2015/C 337/04)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Easy Sanitary Solutions BV (rappreżentant: F. Eijsvogels, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u Group Nivelles BVBA

Talbiet

abbażi tal-... aggravji invokati u tal-ispjegazzjonijiet mogħtija magħhom, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Mejju 2015, fil-Kawża T-15/13 u tikkundanna lill-parti li titlef għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Aggravju 1

Parti (a)

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 (1), flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, meta qieset li disinn preċedenti li huwa inkorporat fi jew applikat għal prodott li ma huwiex dak li miegħu huwa relatat disinn sussegwenti huwa bħala prinċipju rilevanti għall-evalwazzjoni tan-novità, fis-sens tal-Artrikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn sussegwenti u li l-kliem tal-imsemmi Artikolu 5 jipprekludi li disinn jitqies ġdid meta disinn identiku jkun preċedentement tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, irrispettivament mill-prodott li fih ġie inkorporat id-disinn preċedenti jew li għalih ġie applikat. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li s-“settur interessat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih għandu jiġi inkorporat id-disinn ikkontestat jew li għalih għandu jiġi applikat hija żbaljata fil-liġi.

Parti (b)

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikolu 5 tal-istess regolament, meta qieset li disinn Komunitarju ma jistax jitqies ġdid fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jekk disinn identitku tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku qabel id-dati msemmija f’din id-dispozizzjoni, anki jekk l-imsemmi disinn preċedenti kien inkorporat fi jew applikat għal prodott ieħor għajr il-prodott jew prodotti indikati fl-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

Parti (ċ)

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 10, 19 u 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 meta kkonstatat li dawn l-artikoli jimplikaw li l-proprjetarju ta’ disinn irreġistrat jista’ jżomm lil terzi li ma għandhomx l-awtorizzazzjoni tiegħu milli jużaw fuq kwalsiasi prodott id-disinn tiegħu u kull disinn li ma jagħtix impressjoni ġenerali differenti lill-utent avżat.

Aggravju 2

Meta qieset li l-limiti għall-istħarriġ tal-legalità kienu nqabżu, kif għamlet fl-aħħar sentenza tal-punt 137 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142)